‘Huma veru ftit dawk il-plejers li l-Liverpool ma jistgħux jakkwistaw’ - Molby

Eks leġġenda ta’ Liverpool f’Malta sabiex jirrakkonta episodji mill-karriera tiegħu u fl-istess waqt iqajjem kuxjenza dwar il-problemi tal-qalb…

Jan Molby
Jan Molby

Lagħab ma’ Cruyff, Dalglish u Rush u rebaħ diversi unuri prestiġġjużi mat-tim ta’ Liverpool. Jan Molby żgur li m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni għas-segwaċi tal-logħba tal-futbol u t-tim ta’ Liverpool hekk kif ‘The Great Dane’ kien għal żmien twil parti strumentali għar-rebħ tal-unuri mat-tim Ingliż.

Il-ġimgħa l-oħra Molby żar Malta bl-għan prinċipali li jqajjem kuxjenza dwar il-problemi tal-qalb iżda b’differenza. Hekk kif għal lejl wieħed ġewwa s-City Theatre fil-Belt Valletta huwa rrakkonta u tkellem dwar il-karriera leġġendarja tiegħu. Fl-istess serata taw is-sehem tagħhom il-komiku Jamie Southerland u Trucua McTeague.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-leġġenda tal-Liverpool fuq is-suċċessi tat-tim Ingliż, il-plejers li jistgħu jakkwistaw u l-appoġġ għat-tim Ingliż fuq il-gżejjer Maltin.

Mistoqsi minn din il-gazzetta għar-reazzjoni tiegħu għall-appoġġ u l-konkorrenza li wrew il-partitarji tal-Liverpool f’Malta, Molby sostna li l-appoġġ kien ċar u kbir iżda mhux ta’ sorpriża għalih. “It-tim ta’ Liverpool għandu bażi ta’ appoġġ kbir u dinjija. L-appoġġ li wrew il-partitarji tal-Liverpool kien kbir iżda mhux ta’ sorpriża għalija,” qal Molby.

Mistoqsi wkoll jekk jaħsibx li r-rebħa tal-UEFA Champions League mil-Liverpool hix se twassal sabiex il-klabb jattira plejers ta’ klassi mondjali, Molby għamilha ċara li fis-sitwazzjoni li jinsab fiha l-klabb bħalissa huma veru ftit dawk il-plejers li l-Liverpool ma jistgħux jakkwistaw.

“Huma veru ftit dawk il-plejers li diffiċli ma jagħżlux biex jilagħbu mal-Liverpool. Din il-lista kienet ħafna akbar seba’, tmien snin ilu. Bħala plejer tal-futbol, l-aktar ħaġa importanti hi ovvjament li tilgħab il-futbol u għalhekk biex tilgħab quddiem folla u partitarji bħalm’huma dawk tal-Liverpool hi verament speċjali,” sostna l-eks plejer ta’ Liverpool.

Għalkemm, din is-serata ovvjament kienet waħda ta’ pjaċir u tiġdid ta’ memorji għall-partitarji kollha ta’ Liverpool, l-għan prinċipali ta’ Molby kien li jqajjem kuxjenza dwar il-problemi tal-qalb u t-testijiet neċessarji. Permezz ta’ din iż-żjara f’Malta Molby għen ukoll lis-Soċjetà Kardijaka Maltija.

Molby twieled id-Danimarka u lagħab ma’ diversi timijiet fosthom, Ajax u Liverpool u t-tim Nazzjonali tad-Danimarka. Huwa kien plejer strumentali fit-tim ta’ Liverpool li rebaħ il-kampjonat Ingliż u diversi unuri prestiġjużi oħra. Mal-Liverpool, huwa lagħab 218-il darba u sab ix-xibka 44 darba. Mat-tim nazzjonali Molby lagħab għal 33 darba u skorja darbtejn.

More in Sports