Aġġornata | L-Ispanjoli jirbħu b'żewġ gowls ta' Alvaro Morata

Wirja qalbiena mit-tim Malti ma' wieħed mill-aqwa timjiet fid-dinja ...

Kien biss fis-16-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota, bl-Ispanjoli jkunu huma li joħolqu l-periklu, meta xutt minn barra l-kaxxa tal-midfielder ta’ Atletico Madrid, Saul Niguez għadda ftit barra. Huma komplew jagħfsu u żewġ minuti biss wara, Sergi Roberto għadda lejn Saul Niguez li mill-viċin,  xeħet il-ballun fl-għoli.

Kulma jmur il-ħin kompla d-dominju assolut Spanjol u man-nofsiegħa logħob, Marcos Asensio ndirzzia cross mix-xellug lejn Alvaro Morata li mill-viċin ra lill-goalkeeper Malti, Henry Bonello jsalva tajjeb. Iżda lanqas laħqet għaddiet minuta li Spanja ma fetħux l-iskor meta l-istess Alvaro Morata  wara li rċieva l-ballun minn 'through pass', permezz ta’ xutt angolat fil-baxx u skorja.

Fid-39 minuta, Spanja resqu viċin li jirduppjaw l-iscore meta freekick insidjuż tal-midfielder ta’ Real Madrid Marco Asensio għadda ftit għola mill-lasta.

Ritratt: Dominic Borg
Ritratt: Dominic Borg

It-tieni taqsima

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Spanja komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda u fis-57 minuta, Sergi Roberto xeħet cross lejn Alvaro Morata li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn pożizzjoni ideali, bil-ballun jgħaddi ftit għola mill-lasta. Żewġ minuti biss wara Marco Asensio dejjem għall-Ispanjoli ttanta xortih permezz ta’ xutt b’saħħtu minn ġol-kaxxa, li iżda sab lil Henry Bonello attent. Kulma jmur il-ħin kompla l-assedju tal-Ispanjoli fuq il-lasti Maltin u fil-61 minuta, Sergi Roberto għadda tajjeb lejn Marco Asensio li mill-viċin ra lil Henry Bonello jsalva tajjeb.

Iżda t-tieni gowl għalihom ma damx ma wasal. Fit-73 minuta, is-sostitut Jesus Navas indirizza cross lejn Alvaro Morata li permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ l-ballun gewwa u ta' t-tieni gowl lit-tim Spanjol.

Għalhekk ir-riżultat kien Spanja 2 u Malta xejn.

MALTA: 1-Henry Bonello, 2-Jonathan Caruana (3-Karl Micallef 85), 4-Steve Borg, 6-Matthew Guillaumier,  7-Joseph Mbong (11-Rowen Muscat 65), 8-Paul Fenech,  10-Kyrian Nwoko, 15-Juan Carlos Corbalan, 16-John Mintoff (9-Michael Mifsud 69), 19-Joseph Zerafa, 22-Zach Muscat  - Coach: Ray Farrugia

SPANJA: 13-Kepa Arrizabalaga, 3-Jose Gaya, 6-Saul Niguez (22-Jesus Navas 65), 7-Alvaro Morata (9-Rodrigo 79), 10-Marco Asensio, 11-Sergio Canales, 12-Mario Hermoso, 14-Juan Bernat (19-Iker Muniain 56), 15-Sergio Ramos, 16-Rodri, 20-Sergi Roberto  - Coach: Robert Moreno

More in Sports