L-Għaqda Ġurnalisti Sports ssostni li l-MFA qed tinqeda bil-klabbs għas-simpatija

L-GħĠS tikkritika bil-qawwa d-deċiżjoni tal-MFA li l-midja sportiva lokali ma tistax tirraporta l-andament tal-Kunsill

L-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) qed tiddisassoċja ruħha minn dak li ddeskriviet bħala ‘stunt ta' propoganda’ tal-MFA meta nħarġu strixxuni qabel il-logħbiet mill-kampjonat BOV Premier bil-kitba: 'Football for Life Supports Free Press’.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports fi stqarrija qalet li se tirrispondi lill-MFA b'żewġ frażijiet ukoll bl-ingliż, ’Practice what you preach' u 'Charity begins at home’.

Fi stqarrija l-GħĠS tingħaqad mal-IĠM u mas-soċjetá ċivili biex tikkundanna bis-sħiħ il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u ssostni li sal-lum il-ġurnata, l-midja sportiva lokali għadha mċaħħda milli tidħol tirraporta l-andament tal-Kunsill tal-MFA, f’deċiżjoni li ttieħdet aktar kmieni din is-sena.

Skont l-GħĠS, dan biex issir sarima ma' ħalq il-ġurnalisti sportivi li huma kritiċi lejn id-deċiżjonijiet tal-MFA.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports qed tikkundanna dan l-aġir mill-MFA li skont l-Għaqda ppruvat tirkeb fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia biex tikseb is-simpatija.

More in Sports