Esther Azzopardi tirriżenja ħabta u sabta minn referee

Ta' 35 sena rtirat wara karriera ta' 19-il sena, 65 partita internazzjonali u 50 partita fil-Premier

Il-FIFA referee Esther Azzopardi ddeċidiet ħabta u sabta li tirtita mill-karriera ta' referee b'mod immedjat. Azzopardi kkomunikat din id-deċiżjoni billi bagħtet ittra ta' riżenja lid-direttur tar-referees tal-MFA, Kevin Azzopardi. Fl-ittra ta' riżenja hi ma tat l-ebda spjegazzjoni li wasslitha li tieħu din id-deċiżjoni speċjalment wara li fit-13 ta' Diċembru li għaddha ngħatat il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika għax-xogħol li għamlet bħala referee femminli fejn laħqet l-ogħla livell.

Esther kienet l-ewwel referee femminili li ħadet il-badge tal-FIFA u l-ewwel u l-unika waħda s'issa li rreffjat fil-Premier. L-istaġun li għadda kellha xi problemi meta kellha ħafna kritika meta kienet keċċiet lill-goalkeeper ta' Floriana f'April li għadda u d-deċiżjoni kienet qajmet kontroversja sħiħa. Iżda l-president Norman Darmanin Demajo kien ħass li kellu joħroġ għonqu bi stqarrija favur id-deċiżjoni li kienet ħadet. Kien intqal ukoll li Esther kienet anke ġiet insulentata waqt li kienet f'xi ħanut tixtri. Iżda minn dak in-nhar ma kellha l-ebda problemi oħra.

Esther Azzopardi li tiġi bint l-eks assistent referee tal-FIFA, Ronnie Farrugia rrefjat 65 partita Internazzjonali mill-UEFA Champions League tan-nisa, mill-Euro tan-Nisa u Tazza tad-dinja tan-nisa u rrefjat 'il fuq minn 50 partita fil-Premier. Sadattant aċċettat li tuża l-esperjenza tagħha għal benefiċċju tar-referees lokali u għalhekk se tieħu rwoli ta' osservatur tar-referees u Ambaxxatur tar-referees għar-rekluti nisa fid-dipartiment tar-referees tal-MFA.

More in Sports