Penna Bianca: L-ikona tal-abjad u l-iswed

 Fabrizio Ravanelli - forsi mhux fil-livell ta’ plejers tal-kalibru ta’ Omar Sivori, Michel Platini u Alessandro Del Piero, iżda żgur li huwa ikona importanti fl-istorja ta’ Juventus. Huwa fforma parti mill-aħħar tim ta’ Juventus li rebħet il-UEFA Champions League, 20 sena ilu, fejn saħansitra kien skorja fil-finali. 

“Attenzione, Ravanelli!’’ Dik kienet l-ewwel reazzjoni tat-telekronista Taljan, Bruno Longhi, hekk kif Fabrizio Ravanelli kien approfitta minn żball pjuttost gravi ta’ Frank De Boer, sabiex tefa’ lil Juventus fil-vantaġġ kontra Ajax, fil-finali tal-UEFA Champions League, li ntlagħbet ġewwa Ruma fl-1996. Għaddew 20 sena minn dak il-lejl tat-22 ta’ Mejju, fejn Juventus rebħu l-aħħar UEFA Champions League tagħhom.

Forsi ma kienx il-plejer li l-ġenerazzjoni tal-lum qatt ma rat u baqgħet issemmi bħal Omar Sivori u Giampiero Boniperti. Forsi ma kienx inkurunat re bħal Le Roi Michel Platini. U forsi ma kienx lanqas bandiera bħalma kien Alessandro Del Piero. Iżda Fabrizio Ravanelli għamel biżżejjed sabiex jibqa’ ikona u figura importanti fl-istorja Juventina. Huwa lagħab iżjed minn 100 partita mal-ġganti Taljani, fejn minbarra l-UEFA Champions League, rebaħ ukoll Scudetto, Coppa Italia, Super Cup Taljana u anke saħansitra t-Tazza UEFA. 

Twieled u kiber fil-belt ta’ Perugia, liema belt beda jilgħab mat-tim li jirrapreżentaha wkoll u liema belt tagħtu l-fiduċja fl-ambitu kalċistiku. Huwa għamel id-debutt ma’ Perugia fl-età ta’ 16-il sena fil-Kampjonat tas-Serie C2, fejn mill-ewwel beda juri s-sens tal-gowl fenomenali li kellu. Wara dik l-esperjenza, huwa ngħaqad ma’ Avellino, iżda n-nuqqas ta’ integrazzjoni mat-tim, ġiegħlu jimxi għal Casertana f’Jannar fejn hemmhekk qatta’ l-kumplament tal-istaġun. Probabbilment, il-konsagrazzjoni tiegħu waslet mat-tim ta’ Reggiana, fejn hemmhekk kellu suċċess kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu. Liebes iż-żarbun bit-tappini, Ravanelli lagħab madwar 70 partita fejn kważi skorja 30 gowl, filwaqt li fil-ħajja privata tiegħu, huwa kien iżżewweġ u beda familja.

Kien Giovanni Trapattoni li akkwistah mat-tim ta’ Juventus, fejn mill-ewwel kien beda jiġi pparagunat ma’ Roberto Bettega, iżda iktar milli għall-istil tiegħu, għall-kulur ta’ xagħru, fejn eventwalment ġie mlaqqam bħala ‘Penna Bianca’. Fl-ewwel staġun tiegħu, dak tal-1992/1993, huwa rnexxielu jilgħab 33 partita u jiskurja disa’ gowls, bi tlieta minnhom jaslu fl-Ewropa, minkejja li fl-attakk, Juventus kellhom plejers bħal Gianluca Vialli, Roberto Baggio u Pierluigi Casiraghi. Fil-bidu, Ravanelli, wera li kien plejer fejn ried jitjieb ħafna u minkejja li kien irnexxielu jsib l-ewwel gowl tiegħu ma’ Juventus, li wasal fit-telfa ta’ 1-2 kontra Foggia, mill-11-il metru, kien xorta meqjus bħala riserva. Madankollu, l-apprezzament tal-partitarji Juventini sploda f’daqqa waqt Juventus - Genoa tat-13 ta’ Frar tal-1993, meta l-partita kienet destinata għal draw ta’ 0-0, iżda ‘zampata’ li mbagħad spiċċat sinonima miegħu, irregalat it-tliet punti lil Juventus. 

L-istaġun ta’ wara, Casiraghi kien ċedut lil Lazio u kibret f’salt l-importanza ta’ Ravanelli fil-ġerarkiji ta’ Juventus. Iżda l-iżvolta mat-tim ta’ Juventus waslet meta Marcello Lippi kien maħtur kowċ ta’ Juventus għall-istaġun 1994/1995. Lippi kien beda jutilizza s-sistema tattika ta’ 4-3-3, bl-attakkanti jkunu Vialli u Ravanelli, filwaqt li Baggio u ż-żagħżugħ Del Piero jissaportjawhom. Kienet tattika fejn fiha l-attakkanti riedu jistinkaw ħafna, b’Ravanelli jiddistingwi ruħu bħala plejer li jaħdem ħafna, jiġri kullimkien u ssibu kemm quddiem kif ukoll wara.

Gowl importanti għal Ravanelli kien żgur mhux forsi, il-momentarju 0-1 fir-rebħa ta’ 0-2 fuq Napoli, fejn hemmhekk Juventus urew li kienu se jkunu fost l-isfidanti ewlenin għall-Iscudetto fl-istaġun 1994-95. Iżda hemm data partikolari, li kompliet tagħti sinifikat importanti għall-esperjenza Juventina ta’ Ravanelli. Kien it-8 ta’ Jannar tal-1995, meta Juventus affrontaw lit-tim ta’ Parma, li dak iż-żmien kienu tim importanti fil-futbol Taljan. Parma kienu fetħu l-iskor permezz ta’ Dino Baggio, iżda Juventus kien irnexxielhom idawru l-iskor għal 2-1, b’Ravanelli jiskurja gowl stupend permezz ta’ daqqa ta’ ras, bħalma kien jagħmel Bettega fi żmienu, liema plejer kien ġie kkumparat miegħu, Ravanelli, fil-bidu tal-esperjenza tiegħu f’Turin, ma’ Juventus. Propju, Bettega kien ikkumenta hekk wara dak il-gowl, “Ċerti gowls jagħmluhom plejers b’xagħarhom bajda!’’

Li tmur tilgħab mat-tim li tkun iżżomm miegħu, mhix ħaġa li ssir lil kull plejer’

Ta’ min isemmi, li Ravanelli influwenza anke l-mod ta’ kif jiġi ċċelebrat gowl. Kien gowl kontra Napoli, li filwaqt li ta t-tliet punti lit-tim ta’ Juventus, Ravanelli kien ġera ġirja bil-flokk mgħolli fuq rasu, biċ-ċelebrazzjoni eventwalment tiġi mlaqqma bħala ‘Uomo mascherato.’

Wara l-kapitlu Juventin, Ravanelli dar ammont ta’ klabbs partikolari, fejn fost l-oħrajn mar jilgħab anke fl-Ingilterra mat-timijiet ta’ Middlesbrough u Derby County. Huwa temm il-karriera tiegħu kif xtaq, mat-tim ta’ Perugia, il-klabb li afda fih meta kien għad kellu 16-il sena. Infatti, l-aħħar partita tiegħu kienet fl-istaġun 2004/2005, meta Perugia kienu tilfu ċ-ċans li jitilgħu fil-Kampjonat tas-Serie A, wara li tilfu l-play-off kontra Torino, ironikament ir-rivali storiċi tal-ekstim ta’ Fabrizio Ravanelli, Juventus. 

Kif nibtet il-passjoni tiegħek lejn il-futbol?

Missieri ttrasmetta din l-imħabba lejn dan l-isport, u b’hekk twelidt bil-futbol fid-DNA tiegħi u nirringrazzja ‘l Alla li rnexxieli naqta’ xewqti u nsir futboler professjonali.

Irrakkonta l-bidu tiegħek mat-tim ta’ Perugia.

Bdejt fis-settur taż-żgħażagħ ta’ Perugia u bqajt tiela’, sakemm għamilt id-debutt ta’ 16-il sena u ffirmajt l-ewwel kuntratt professjonali ftit wara. Għalija, minbarra li hi l-belt tiegħi, Perugia kien il-klabb li tani l-fiduċja fil-futbol u b’hekk jibqa’ għal qalbi dejjem.

Wara Perugia, ingħaqadt ma’ Avellino fejn iżda lgħabt vera ftit. Għaliex?

Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi barra mid-dar u l-familja u kont batejt naqra sabiex integrajt sew. Infatti kont mort b’self ma’ klabb ieħor waqt dik l-esperjenza u erġajt irritornajt ma’ Avellino għall-preparament tal-istaġun sussegwenti, fejn ftit wara ngħaqadt mat-tim ta’ Reggiana. 

X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek fuq l-esperjenza ma’ Reggiana?

Kienet esperjenza pożittiva mmens, fejn sirt magħruf għall-ammont ta’ gowls li bdejt niskorja. Barra minn hekk, hemmhekk sirt naf lill-mara tiegħi, fejn hemmhekk konna tgħarrasna u eventwalment iżżewiġna qabel ingħaqadt mat-tim ta’ Juventus. 

Wara Reggiana, waslet l-opportunità ma’ Juventus. Kif tħares lejn il-perjodu tiegħek ma’ Juventus?

Kienet esperjenza tal-ġenn. Li tmur tilgħab mat-tim li tkun iżżomm miegħu, mhux ħaġa li ssir lil kull plejer. Irbaħt kull unur possibli ma’ klabb kbir u nibqa’ grat lejn is-soċjetà Juventina għal dejjem.

Il-gowl fil-finali tal-UEFA Champions League fl-1996 kontra Ajax. Kif tiddeskrivieh?

Dak il-gowl jibqa’ rekordju indimentikkabbli kemm għalija, kif ukoll għal Juventus fuq livell mondjali, inklużi l-partitarji għaliex hemmhekk irbaħna l-aħħar UEFA Champions League tagħna. 

Kif kienet l-esperjenza meta temmejt l-avventura fl-Italja, u mort tilgħab l-Ingilterra mat-tim ta’ Middlesbrough?

L-esperjenza Ingliża kienet pożittiva ħafna, biss biss iddebuttajt b’hat trick kontra Liverpool, fejn ġejt ippremjat għaliha wkoll. Dik is-sena skurjajt ukoll 34 gowl, fejn irbaħt l-unur tal-aqwa skorer fil-kampjonat Ingliż ukoll.

Komplejt il-karriera tiegħek ġewwa Franza, mat-tim ta’ Marseille.

Hemmhekk ukoll kelli mumenti tajbin, ma’ klabb li għandu storja importanti u fejn irnexxieli anke nirbaħ żewġ kampjonati u tlifna wkoll l-finali tat-Tazza UEFA kontra Parma. 

Fl-Italja, kellek ukoll esperjenza ma’ Lazio.

Din kienet esperjenza oħra pożittiva, fejn irnexxieli nirbaħ il-Kampjonat tal-istaġun 1999/2000 apparti l-Coppa Italia u s-Super Cup. Kellna attakk fenomenali, fejn konna jien, Alen Boksic, Roberto Mancini, Marcelo Salas u Simone Inzaghi. 

Barra minn hekk, fl-Ingilterra kellek ukoll esperjenza ma’ Derby County. 

Forsi ma kinitx waħda mill-aħjar esperjenzi tiegħi, għaliex kemm it-tim ma’ kienx ta’ livell sabiex jilgħab fil-Premier League u barra minn hekk, kont weġġajt ukoll. F’dak l-istaġun irnexxieli niskorja 12-il gowl biss. 

Ħadt impressjoni vera sabiħa ta’ Malta, fejn qiegħed nispera li nirritorna mal-familja tiegħi fis-sajf li ġej

Kellek ukoll esperjenza qasira fl-Iskozja.

Hemmhekk domt vera ftit, għamilt xahar biss, fejn lgħabt madwar ħames logħbiet biss. Wara hemmhekk, mort ningħaqad mat-tim ta’ Perugia, sabiex spiċċajt l-karriera tiegħi hemmhekk. Nista’ ngħid, li kien tragward ieħor importanti li nagħlaq il-karriera tiegħi hemmhekk. 

In-Nazzjonal Taljan. Hemm xi rikordju partikolari?

Probabbilment, l-iżjed mument speċjali kien id-debutt tiegħi kontra l-Estonja, ġewwa Salerno fejn skurjajt ukoll. Kont l-aqwa skorer fil-kwalifikazzjonijiet kemm għall-Ewropej tal-1996 kif ukoll għat-Tazza tad-Dinja ta’ sentejn wara. 

Wara l-karriera bħala plejer, bdejt anke l-karriera bħala kowċ. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek?

Bdejt il-karriera tiegħi bħala kowċ mat-tim ta’ Juventus, fil-livell taż-żgħażagħ. Irnexxieli nirbaħ il-UEFA Champions League taż-żgħażagħ ukoll u ftit wara mort nikkowċja fi Franza, mat-tim t’Ajaccio, fejn iżda domt tliet xhur biss minħabba li l-president ried ineħħi lill-preparatur atletiku minħabba l-ammont ta’ injuries li kien hemm, u peress li kont ġibtu miegħi jien, ħassejt li ma stajtx inħallih jitlaq waħdu. 

Il-messaġġ tiegħek lill-partitarji Juventini, speċjalment dawk Maltin. 

Il-messaġġ tiegħi huwa li Juventus jibqgħu f’qalbi u f’qalbna l-partitarji ta’ dan it-tim glorjuż. Nisperaw li nibqgħu nirbħu dejjem il-kampjonati u forsi xi darba nieħdu anke l-UEFA Champions League. Rigward Malta, nirringrazzja lill-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero li laqagħni vera tajjeb u ħadt impressjoni vera sabiħa ta’ din il-gżira, fejn qiegħed nispera li nirritorna mal-familja tiegħi fis-sajf li ġej. 

More in Sports