Gilbert Agius: Il-leġġenda Beltija meqjus fost l-aqwa ta’ kull żmien

L-intervista tal-ILLUM mal-eksplejer Belti u wieħed mill-aqwa plejers li qatt ipproduċa l-futbol Malti. Attwalment huwa l-assistent kowċ ta’ Valletta FC.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Missieri kien jilgħab mat-tim ta’ Valletta wkoll ukienet ħaġa naturali li jittrasmettili din il-passjoni. 

Kif tiddeskrivi l-ewwel snin tiegħek ma’ Valletta?

Ta’ 16-il sena dħalt mal-ewwel tim ta’ Valletta, li kien għadu kemm ġej mir-rebħ tal-kampjonat tal-1989/1990 u nista’ ngħid li l-plejers kienu strumentali biex integrajt sew mat-tim, mal-ewwel. 

Personalment, liema tikkunsidra bħala l-iżjed tim b’saħħtu ta’ Valletta, bejn dak li rebaħ il-ħames tazzi u dak li rebaħ is-sitt tazzi?

It-tnejn kienu skwadri ta’ kwalità tajba u t-tnejn kienu magħmula minn plejers eċċezzjonali. Hija għażla difficli ħafna imma fl-opinjoni tiegħi, tal-ħames tazzi kien aktar konvinċenti. 

Liema tibqa’ l-izjed partita memorabbli għalik mit-tim nazzjonali Malti?

Bla dubju ta’ xejn, ir-rebħa mal-Ungerija bl-iskor ta’ 2-1 u d-draw ta’ 2-2 mat-Turkija.

Taħseb li l-livell tat-tim nazzjonali tjieb minn meta bdejt tilgħab inti għaż-żmien preżenti?

Fil-bidu tas-snin 90, jiġifieri fiż-żmien li bdejt jien, kien hemm tim tajjeb mimli plejers ta’ talent kbir. Dak kien wieħed mill-aqwa timijiet nazzjonali li qatt lgħabt miegħu jien. Wara, kien diffiċli biex Malta tipproduċi grupp ta’ plejers tal-istess kalibru. Iżda mbagħad fi żmien il-kowċ Dusan Fitzel, nista’ ngħid li t-tim nazzjonali beda jsir iżjed rispettabli u anke ġibna riżultati importanti wkoll. Dan l-aħħar ukoll kien hemm prestazzjonijiet u riżultati li jagħmlu kuraġġ għall-futur. 

U l-livell tal-futbol domestiku?

Iżjed milli tjieb jew le, nista’ ngħid li l-logħba tal-futbol inbidlet matul il-medda tas-snin. Diffiċli tgħid tjiebx jew le għaliex min iwieġeb dil-mistoqsija permezz tar-riżultati u min iwieġeb għaliha mil-lenti tal-prestazzjonijiet. Jien nista’ ngħid li l-logħba nbidlet, speċjalment mil-lat fiżiku u atletiku fejn il-plejers illum jiġru ħafna iżjed kilometri u anke f’livell ta’ kowċing, il-livell inbidel u għola. Il-Kampjonat ta’ dan l-istaġun wera biċ-ċar li kien hemm sitt timijiet li kienu ferm viċin ta’ xulxin u li kollha setgħu jtellfu l-punti lil xulxin. B’hekk, bla tlaqliq ngħid li min jirnexxielu jirbaħ il-kampjonat ta’ din is-sena, ikun rebaħ wieħed mill-iktar kampjonati diffiċli f’Malta f’dawn l-aħħar snin. 

Min jirnexxielu jirbaħ il-kampjonat ta’ din is-sena, ikun rebaħ wieħed mill-iktar kampjonati diffiċli f’Malta f’dawn l-aħħar snin

Taqbel mal-idea ta’ seba’ plejers barranin fil-Kampjonat Premier?

Onestament ma tagħmilx differenza naqbilx jew le għax ir-regola diġà qiegħda hemm. B’seba’ plejers barranin, it-timijiet huma kollha aktar kompetittivi u tampar xulxin. Imma fl-istess ħin bexxaqna l-bieb għaż-żgħażagħ u plejers Maltin. It-triq tan-nofs tkun waħda ideali.

U mal-fatt li Kampjonat ikun kompost minn 14-il tim?

Ma naqbilx.

U mal-fatt li jinqasmu l-punti?

Lanqas.

Qabel l-istaġun, ħafna ħasbu li Valletta mhux b’saħħithom. X’inhu s-sigriet ta’ dan il-kampjonat mill-iktar pożittiv li qed ikollkom, fejn tinsabu pass ‘il bogħod mir-rebħ tal-Kampjonat?

Kien hemm bosta tibdiliet mill-istaġun ta’ qabel. Paul Zammit bħala kowċ, ried paġna ġdida speċjalment fejn jidħlu plejers barranin. Fil-bidu tal-istaġun sar ħafna xogħol biex inkunu nistgħu naħdmu kif xtaq il-kowċ. Ma kienx faċli biex wasalna s’hawn. Però nista’ ngħid li l-plejers irrispondew tajjeb ħafna għax-xogħol, u bla dubju huma kienu l-aktar fattur importanti biex ninsabu f’din il-pożizzjoni.

Kif tiddeskrivi l-ħidma tiegħek mal-kowċ Paul Zammit?

Jien bniedem li dejjem nipprova nitgħallem mingħand kulħadd, u nista’ ngħid li mingħand Paul Zammit qiegħed nitgħallem ħafna. Jitkellem ħafna miegħi fuq it-tim u naqsmu l-ideat flimkien. Nispera li jinsab kuntent bix-xogħol tiegħi. 

Kif tħares lejn l-esperjenza li kellek bħala kowċ ma’ Valletta matul l-istaġun li għadda?

Tgħallimt ħafna u nemmen li din l-esperjenza swietli ta’ ġid. Kien staġun li għeni nimmatura fil-kowċing. Bl-għajnuna ta’ Ivan Zammit irnexxielna nispiċċaw fit-tieni post. Meta tqis li Hibernians kellhom staġun impekkabbli, it-tieni post kien l-aħjar post li stajna niksbu. 

Gilbert Agius fil-jiem glorjużi tiegħu bħala captain ta’ Valletta FC
Gilbert Agius fil-jiem glorjużi tiegħu bħala captain ta’ Valletta FC

Xi kummenti dwar il-president ta’ Valletta, Victor Sciriha...

Kemm ilu president ta’ Valletta Victor Sciriha, it-tim Belti reġa’ beda jirbaħ l-unuri. Bħala president huwa dejjem irid lit-tim fl-ogħla postijiet u jirbaħ l-unuri. Bħala bniedem, Victor għandu qalbu żgħira u jħoss għal min hu fil-bżonn, u dejjem lest li jgħin. 

Kif tispjega l-esperjenza tiegħek ma’ Xewkija Tigers?

Kienet esperjenza li fiha ħadt pjaċir ħafna. Kont milqugħ sew mill-klabb ta’ Xewkija Tigers, speċjalment mill-president Jeffrey Farrugia li huwa persuna ħabrieka ħafna. Rajt rispett kbir lejja u lejn il-familja tiegħi. Fil-fatt għadni nsegwihom u nixtiqilhom kull suċċess fil-futur. Żgur li mhux ħa ninsa dak l-istaġun u lin-nies tax-Xewkija. 

Inti kellek ukoll esperjenza mat-tim Taljan ta’ Pisa. Kif tħares lejha?

Kienet ħolma li mmur nilgħab barra minn Malta u rnexxieli nagħmilha ma’ Pisa fl-Italja. Nista’ ngħid li dik l-esperjenza għenitni ntawwal l-karriera tiegħi għaliex hemmhekk mort plejer u ġejt lura plejer ieħor. Sirt nara l-futbol b’lenti iżjed professjonali. 

Irbaħt tliet darbiet l-unur tal-MFA Plejer tas-Sena. X’tippreferi, unur kollettiv jew unur individwali?

Fil-karriera tiegħi bħala plejer, kont fortunat li lgħabt ma’ wħud mill-aqwa plejers Maltin ta’ kull żmien. Bis-saħħa tagħhom, irbaht l-unur tal-MFA Plejer tas-Sena tliet darbiet. L-unur individwali huwa kumpliment tax-xogħol kollettiv.    

Ħafna jsostnu li l-futbol Malti jinsab ‘marid’. Taqbel?

Sfortunatament il-futbol dinji għaddej minn perjodu diffiċli. L-ogħla awtoritajiet għandhom id-dover li jħajru nies ta’ integrità biex jagħtu lill-futbol Malti immaġini nadifa.

X’tikkumenta dwar il-kankru tal-betting fil-futbol mondjali?

Il-betting qiegħed jeqred lill-isports kollu. Smajna b’ħafna skandli f’kull sport mhux fil-futbol biss. Nispera li l-FIFA kemm jista’ jkun malajr tbiddel l-immaġini tagħha għal waħda aktar nadifa u żżomm il-logħba tal-futbol ħajja u nadifa. 

Taħseb li l-faċilitajiet li għandhom il-klabbs Maltin qegħdin jitjiebu?

Kien hawn żvilupp fejn jidħlu faċilitajiet. F’Malta hawn klabbs ta’ diviżjonijiet inferjuri li għandhom faċilitajiet tajbin ħafna. Ħasra li mhux kulħadd jista’ jew għandu fejn jagħmel bħal dawn il-klabbs. 

X’tikkummenta fuq ix-xogħol li tagħmel l-MFA?

Sena wara sena, l-MFA dejjem taħdem bis-sħiħ għall-ġid tal-futbol Malti. Huwa normali li dejjem ikun hemm fejn wieħed jista’ jirranġa. Saru passi ta’ ġgant f’ħafna setturi u persważ li fejn hemm lok ta’ progress, ħa jsir ukoll. 

Lit-tfal u kull min xi darba ħares lejja bħala idolu nixtieq nirringrazzjah għax huma kienu l-istimolu li dejjem sibt biex intejjeb il-livell tiegħi. Is-sodisfazzjon li kont inħoss meta tfal jew anke kbar li b’sincerità kienu jammirawni, kien immens.

Bħalissa qed tagħmel il-kors tal-pro-license fil-kowċing. Irrakontalna daqsxejn fuq il-progress tiegħek minn dan il-lat.

Huwa kors intensiv ħafna u l-mod kif qed jigi organizzat huwa professjonali ħafna. Il-lezzjonijiet u ż-żjarat li kellna s’issa kienu ta’ livell edukattiv għoli ħafna. Mhux kors faċli imma huwa wieħed interessanti u mimli informazzjoni li żgur ħa jgħin fit-titjib tal-kowċing f’Malta.

Il-messaġġ tiegħek lejn il-partitarji Beltin u anke lejn it-tfal li jħarsu lejk bħala idolu...

Il-partitarji tagħna dejjem ikunu hawn għalina anke fil-mumenti ħżiena tagħna, pereżempju bħal meta konna fir-Relegation Pool, aħseb u ara issa li ninsabu pass ‘il bogħod milli nirbħu l-kampjonat. Ta’ dan, nirringrazzjahom għaliex dejjem ikunu ta’ stimolu għalina l-plejers. Huma fattur importanti f’kull unur li jirbaħ it-tim.

Lit-tfal u kull min xi darba ħares lejja bħala idolu nixtieq nirringrazzjah għax huma kienu l-istimolu li dejjem sibt biex intejjeb il-livell tiegħi. Is-sodisfazzjon li kont inħoss meta tfal jew anke kbar li b’sincerità kienu jammirawni, kien immens. 

More in Sports