Kilometri ta’ suċċess għall-maratoneta Jonathan Balzan
Id-disa' darba li l-maratoneta spiċċa bħala l-ewwel Malti
Kull maratona fiha storja. Kull waħda bi żvolġiment, andament, emozzjonijiet u ansjetajiet, aspettattivi, tragwardi u riżultati differenti.
Dan kollu seħħ f’din il-31 edizzjoni ta’ Malta li kienet id-disa’ darba li l-maratoneta ewlieni f'Malta, Jonathan Balzan, spiċċa l-ewwel Malti (inkluża rebħa overall fl-2009 fin-Nofs Maratona b’ħin ta’ 1.08.39), rekord li jmur lura għall-2006 fid-debut tiegħu fil-maratona ta’ 42.2km (b’ħin ta’ 2.30.18) fejn reġa' spiċċa l-ewwel Malti u fit-tmien post overall. Din il-gazzetta għamlet kuntatt ma' Jonathan Balzan innifsu, fejn tana dawn il-kummenti esklussivi rigward is-suċċess li kiseb fil-Full Marathon tal-Ħadd li għadda. Huwa sostna li: "Nista’ ngħid li din kienet l-iktar waħda diffiċli li għamilt fejn jidħlu kundizzjonijiet klimatiċi, bil-qawwa tar-riħ li ħakem minn kullimkien speċjalment għal min jagħmel il-full marathon, u sas-26km, inkunu għadna ħerġin mill-Bermuda Triangle ta’ Ta’ Qali.
Il-fatt li wara ħames kilometri nqtajt waħdi, kompla għamilha iktar diffiċli. B’avversarju jew grupp t’atleti ħdejn xulxin, wieħed ikun jista’ jirsisti iktar u jipprova jżomm ir-ritmu. Il-ġirja tiġi iktar tellieqa mentali meta l-forza tar-riħ u l-fatt li ma tkunx tista’ żżomm mal-ħinijiet prevvisti jhedduk tnaqqas iktar, iċċedi jew saħansitra tieqaf. Fiċ-ċirkostanzi tal-lum dan ma kienx ir-riżultat mixtieq, fil-fatt kien l-iktar ħin batut tiegħi mill-maratoni kollha, b’ħin ta’ 2.40.39. Meta kien baqa’ l-aħħar ftit kilometri, iffukajt biss li nerġa’ niġi l-ewwel Malti li għamel ir-riżultat komplut bl-ewwel post fil-kategorija over 40 u l-ewwel post fi-timijiet ma’ St. Patricks, il-klabb tiegħi.
Għalkemm fil-finish line ma tantx dehert emozzjonat, fil-fond ta’ qalbi kont. L-akkumpanjament ta’ ommi mal-familja tiegħi f’punti strateġiċi ħoloqli sentimenti ta’ kuraġġ u aspettativa ta’ tmiem li ma jiddiżappuntax. "I have done this before," għidt lili nnifsi. Dan rajtu f’wiċċ it-tifla tiegħi ta’ tliet snin li segwitni bi tbissima u baqgħet tiċċassa lejja fit-tmiem waqt l-intervisti u l-'massage' biex itaffi l-bugħawwieġ. Dan it-titlu għalik kien binti.
Nippjana fit-tul m’għadnix. L-impenn u dak kollu li jġibu magħhom l-età u ż-żmien li għamilt niġri, inħosshom f’saqajja. Min jaf kemm-il darba instmajt ngħid ħa nieqaf b’din, iżda sas-sajf li għadda stess, wara li waqaft għal tliet xhur, erġajt dort għall-isport li ħabbejt u tani suċċess. Kowċis għadhom jgħiduli li baqagħli x’noffri, iżda fl-aħħar mill-aħħar din hija deċiżjoni personali. Din l-istess mistoqsija saritli wara dil-maratona għas-sena d-dieħla. Il-pjanijiet huma 'short term'. F’April se mmur nagħmel il-maratona ta’ Ruma u nittama li mmur tajjeb fil-kategorija tiegħi.
Nagħlaq billi nirringrazzja lil dawk kollu li jgħiduli li jien ta’ ispirazzjoni għal ħafna (kbar u żgħar), bid-determinazzjoni u l-konsistenza tiegħi u jħarsu lejja bħala leġġenda. Għalija dan ifisser ħafna. Dan l-isport jagħmlek sinjur fl-unur meta barra s-suċċess li jġib miegħu personali mhux finanzjarjament tara li qed timmotiva lil oħrajn biex jibdew jew jilħqu tragwardi sportivi li qatt ma kienu joħolmu bihom," temm jgħid Jonathan Balzan.