Floriana jiksbu t-tielet rebħa konsekuttiva fil-konfront dirett kontra Balzan
Balzan 0
Floriana 3
Floriana kkonvinċew bil-kbir, meta fil-konfront dirett kontra Balzan għelbuhom bl-iskor komdu ta’ 3-0, b’Matteo Piciollo jkun l-eroj assolut għalihom hekk kif skorja doppjetta personali.
Permezz ta’ din ir-rebħa Floriana resqu punt biss taħt l-arċi-rivali eterni Valletta għalkemm lagħbu logħba iktar minnhom, bil-Beltin ikunu mpenjati llum kontra Tarxien Rainbows. Min-naħa l-oħra bdew jidhru x-xquq għal Balzan hekk kif tilfu żewġ logħbiet mill-aħħar erbgħa li kienu involuti fihom.
Il-Greens resqu viċin li jiftħu l-iskor fl-20 minuta meta Amadou Samb għadda tajjeb lejn Matteo Piciollo li kellu xutt fil-baxx milqugħ tajjeb mill-goalkeeper Għawdxi Steve Sultana. Floriana marru fil-vantaġġ fit-42 minuta meta minn kross ta’ Vito Plut mix-xellug, Matteo Piciollo tefa’ ġewwa permezz ta’ daqqa ta’ ras tajba.
Seba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Greens irduppjaw l-iskor meta minn kross ta’ Steve Pisani mil-lemin, xutt mill-ewwel tal-plejer Taljan Matteo Piciollo ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper ta’ Balzan. Floriana ssiġġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet gowl fil-logħba fis-76 minuta meta minn freekick ta’ Steve Pisani, il-ballun spiċċa għand l-eks plejer żagħżugħ ta’ Chievo Verona fl-Italja, Conor Borg li mill-viċin tefa’ ġewwa.
Balzan - Sultana, Grioli, Grima (Agius 69’), Guerrero, Bilbao Zarate (Darmanin 57’), Bezzina, Kaljevic, Guobadia, Arab, Mifsud Triganza (Micallef 57’), Serrano Valero
Floriana - Calleja Cremona, Moreira Cobo, Emerson, Pisani, Plut (S. Borg 90’), Piciollo, Conor Borg, Briffa, Samb (Coronado 77’), Micallef, Bonnici (Clyde Borg 73’)
Referi - Esther Azzopardi
Matte Piciollo
Ġie vvutat bħala l-BOV Plejer tal-Logħba mill-ġurnalisti preżenti għat-tielet darba konsekuttiva
Twieled fil-15 ta’ Ottubru 1992 fl-Italja
Qed ikollu staġun mill-aqwa ma’ Floriana
Qabel ingħaqad ma’ Floriana, huwa lagħab ma’ AS Ostiamare, Civitavecchia, Salernitana u Atletico Roma Jugend fl-Italja