Luxol jiffurmaw klabb ġdid tal-badminton
L-għan tal-klabb hu li jieħu sehem fil-kompetizzjonijiet organizzati minn Badminton Malta u li jiġġieled għar-rebħ tal-kampjonat
Is-Sibt, 13 ta’ Settembru 2014 kien jum speċjali għal Luxol Badminton Club bit-twaqqif ta’ klabb ġdid tal-badminton, li jifforma parti mill-familja ta’ Luxol Sports Club. L-attività saret fil-lokal tal-istess klabb tal-Luxol.
Il-moħħ wara dan il-klabb ġdid huwa Stefan Salomone, champion nazzjonali attwali li ġabar miegħu grupp ta’ eks champions tal-badminton, plejers b’esperjenza u oħrajn li jippromettu, kif ukoll oħrajn li kienu waqfu mil-logħob u riedu jerġgħu jibdew jilagħbu. Fil-futur il-klabb bi ħsiebu jwaqqaf ukoll nursery.
L-għan tal-klabb hu li jieħu sehem fil-kompetizzjonijiet organizzati minn Badminton Malta u li jiġġieled għar-rebħ tal-kampjonat.
Is-serata bdiet b’diskors mill-president tal-klabbm, Angiolino Sciberras li ta tagħrif lil dawk preżenti – plejers, qraba, ħbieb u mistednin distinti – dwar kif twaqqaf u l-għanijiet tal-klabb. Radd ħajr lill-plejers għall-impenn tagħhom, minkejja l-problemi li avventura ġdida bħal din iġġib magħha, kif ukoll lill-familjari tagħhom għas-sagrifiċji li jagħmlu. Irringrazzja wkoll lill-Bord ta’ Luxol Sports Club għall-ko-operazzjoni u l-għajnuna li taw, kif ukoll lill-isponsors ewlenin li emmnu fil-klabb.
Sciberras imbagħad introduċa lil Christopher Spiteri, il-president il-ġdid ta’ Badminton Malta. Min-naħa tiegħu dan feraħ lill-klabb għal din l-inizjattiva li turi li l-badminton qiegħed jikber. Hu wkoll xtaq kull suċċess għal din l-avventura, u wiegħed is-sostenn u l-għajnuna ta’ Badminton Malta.
Kien imiss wara lill-isponsors tal-klabb – Robert Tabone ta’ Top Choice u s-sinjura Melania Pellicano ta’ Nestlé Fitness – li, filwaqt li xtaqu kull suċċess lill-klabb u ppreżentaw il-ftehim tal-isponsorship, stqarrew kemm kienu ferħanin li qegħdin jingħaqdu ma’ Luxol Badminton Club għax għandhom l-istess għan: jiffaċċjaw l-isfida u jimxu ’l quddiem.
Wara dan is-segretarju tal-klabb, Joseph Salomone, ippreżenta l-kowċ u l-iskwadra ta’ plejers lill-mistednin, intwera l-kit il-ġdid tal-klabb u stieden lil kulħadd jingħaqad flimkien għall-buffet tal-okkażjoni.
Fit-tmiem Jason Falzon, f’isem Luxol Sports Club, qal li jilqa’ bi pjaċir il-badminton fil-familja sportiva ta’ Luxol u jistenna bil-ħerqa għall-ewwel suċċessi tal-klabb. Wara, fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti, qasam il-kejk.
Il-kumitat ta’ Luxol Badminton Club jixtieq irodd ħajr lill-plejers u l-familja tagħhom, lill-Bord ta’ Luxol Sports Club u lill-isponsors ewlenin – Top Choice u Nestle Fitness għas-suċċess ta’ din l-attività memorabbli.