Vittoriosa jiksbu 3 punti prezzjużi b’rebħa fuq Rabat
Vittoriosa S 3
Rabat A 1

Vittoriosa Stars kisbu 3 punti prezzjużi kontra Rabat Ajax meta għelbuhom bl-iskor ta’ 3-1 biex komplew iqarrbu lil dan it-tim li jinsab ankrat fil-qiegħ tal-klassifika lejn ir-relegazzjoni għall-Kampjonat BOV l-Ewwel Diviżjoni fi tmiem dan l-istaġun. B’hekk il-Ġirbin irritornaw għar-rebħ wara parità u żewġ telfiet fl-aħħar tliet logħbiet.
Min-naħa l-oħra kompliet is-serje negattiva għal Rabat Ajax hekk kif din kienet is-17-il logħba għalihom mingħajr rebħa. L-iStars marru fil-vantaġġ fil-21 minuta meta Oscar Guerrero wara li rċieva mingħand Marcelo Pereira rnexxielu jegħleb lill-goalkeeper tal-Magpies permez ta’ xutt angulat mil-lemin. Rabat Ajax irrispondew permezz ta’ freekick ta’ Diego Carrillo Pendas mil-lemin li stampa mal-wieqfa fit-32 minuta.
Iżda r-Rabtin irnexxielhom iġibu l-iskor indaqs tmien minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima meta minn kross mix-xellug ta’ Diego Carrillo Pendas, xutt mill-isbaħ ta’ Jonathan Bajada ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper veteran tal-Ġirbin, Mario Muscat. Madankollu Vittoriosa Stars reġgħu marru fil-vantaġġ fit-62 minuta grazzi għal Carl Sammut li permezz ta’ xutt fil-baxx għeleb lil Velimirovic wara ġirja tajba ta’ Guerrero fuq ix-xellug.
Vittoriosa Stars issiġġillaw ir-rebħa għaxar minuti minn tmiem id-90 minuta meta Guerrero approfitta bis-sħiħ minn żball ta’ difensur Rabti, għadda tajjeb lejn Carl Sammut, dan għadda l-ballun lejn Marcelo Pereira li żmarkat fuq ix-xellug tefa’ ġewwa.
Vittoriosa Stars - Muscat, Sidibe, Torri (Sammut 59’), Aguiar, Martin, Guerrero, Arab, Pereira (Santaguida 81’), Mifsud (Spiteri 65’), Buttigieg, Camilleri
Rabat Ajax - Velimirovic, Gauci, Borg, Falzon, Carapic, Caruana, Bajada, Oproiescu, Micallef, Licari (Borg 77’), Carrillo Pendas
Referee Malcolm Spiteri
Oscar Guerrero

Ġie vvutat bħala l-BOV Plejer tal-Logħba mill-ġurnalisti preżenti
Qed ikun determinanti għal Vittoriosa Stars matul dan l-istaġun
Huwa wieħed minn bosta akkwisti li għamlu Vittoriosa Stars matul is-sajf li għadda