Ballun Pinġut 2 – ktieb b’1,400 espressjoni marbuta mal-futbol
Fis-6 ta’ Ġunju 2014 Keith Attard nieda il-ktieb Ballun Pinġut 2. Dan il-ġurnal iltaqa’ mal-awtur innifsu biex itina iktar dettalji rigward dan il-ktieb. Bdejna biex saqsejn lil Keith x’jinkludi eżattament dan il-ktieb.

Keith saħaq li “Ballun Pinġut 2 huwa ktieb b’ġabra ta’ 1,400 espressjoni bil-Malti marbuta mal-futbol. Huwa ktieb li fih tittrijonfa l-espressjoni Maltija, b’għadd ta’ espressjonijiet figurattivi u kkuluriti li anki min ma jifhimx fil-futbol jista’ jieħu gost jaqra. F’Ballun Pinġut 2, ippruvajt niġbor kull espressjoni tajba li tintuża mill-kummentaturi u l-ġurnalisti Maltin, espressjonijiet li smajt mill-mixtliet (nurseries) u mill-klabbs tal-futbol, mill-internet u mill-gazzetti lokali. Il-ktieb huwa xhieda li l-Malti kapaċi jaqdina tajjeb ħafna f’dan il-qasam u m’għandniex għalfejn nemmnu li l-espressjonijiet b’lingwi oħra huma superjuri għal dawk Maltin.
It-tnedija tal-ktieb, li ttellgħet b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Ġurnalisti Sport, kienet suċċess. Għat-tnedija, apparti l-awtur innifsu, tkellmu wkoll Charles Camenzuli – President tal-GħĠS, Dr Michael Spagnol u l-Professur Anthony Aquilina – it-tnejn letturi fl-Università ta’ Malta. Is-Sur Camenzuli tkellem fuq l-utilità tal-ktieb mil-lat ġurnalistiku, Dr Spagnol tkellem fuq l-aspett lingwistiku tal-ktieb u Prof. Aquilina tkellem fuq il-lingwaġġ figurattiv tal-ktieb. Il-plejer internazzjonali Malti Andrè Schembri kien il-mistieden speċjali tal-attività fejn tkellem dwar l-esperjenza tiegħu barra minn xtutna. Dakinhar il-ktieb inbiegħ għall-ewwel darba.
Fl-2012, fid-daħla tal-ewwel edizzjoni tal-ktieb Ballun Pinġut, int għedt “din il-ġabra se nkompli norqomha u nżidha biex, jekk tintlaqa’ tajjeb, id-darba li jmiss nippubblika edizzjoni mkabbra.” X’ħajrek tikteb it-tieni edizzjoni ta’ Ballun Pinġut?
Fortunatament, l-ewwel edizzjoni tal-ktieb kienet suċċess kbir. Il-ktieb intlaqa’ tajjeb kemm minn kull min hu involut fil-ġurnaliżmu sportiv, kemm min iħobb il-lingwa Maltija u kif ukoll mill-pubbliku inġenerali. Għalkemm kont ġbart 930 espressjoni kont naf li r-reġistru tal-futbol huwa ħafna aktar vast. Kull reġistru jeħtieġ li minn żmien għal żmien jiġi aġġornat u rrevedut biex jirrifletti l-mod ta’ kif qiegħed jiġi mħaddem mill-poplu. Għaldaqstant, ħabrikt biex nirrevedi xogħli u nkompli norqom dan il-ktieb. Illum, li żidt 470 espressjoni oħra u lħaqt l-1,400 espressjoni, nista’ ngħid li din il-ġabra hija aktar kompluta u hija ta’ fejda akbar għal kull min jixtieq iħaddimha jew japprezza l-utilità tagħha.
Fi kliem Charles Camenzuli – President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport “Ballun Pinġut 2, u wisq aktar Keith Attard, imlew il-vojt li kien ilu jinħass fil-qasam tal-ġurnaliżmu Malti.” Għaliex taħseb li dan il-ktieb huwa ta’ ġid fil-qasam ġurnalistiku Malti?
Meta bdejt naħdem fuq dan ix-xogħol għall-ewwel darba, irrealizzajt li kien hemm nixfa kbira ta’ riżorsi utli għall-ġurnalisti jew kummentaturi tal-logħba tal-ballun. Kien hawn biss xi ftit artikli iżda xejn aktar u dan ikkuntrasta bil-kbir mal-popolarità ta’ dan l-isport f’Malta u barra minn Malta. Għalhekk intfajt b’ruħi u b’ġismi niġbor espressjonijiet marbuta mal-futbol biex kif qal is-Sur Camenzuli, nimla dak il-vojt li kien jeżisti f’dan il-qasam.
Illum, is-sodisfazzjon tiegħi hu li dan ix-xogħol qiegħed ikun ta’ għajnuna kbira għal kull min hu involut fil-qasam ġurnalistiku, bit-tama li l-livell jogħla aktar. Nemmen li dan il-ktieb jista’ jservi ta’ linja-gwida fix-xogħol tagħhom. Dment li l-għodda tinsab f’idejhom, kulma jonqos hu li tibda titħaddem.
Kurżità... Il-ktieb nedejtu ġimgħa qabel tibda t-Tazza tad-Dinja. Kienet kumbinazzjoni din?
Le ma kinitx kumbinazzjoni. Bħalma għamilt fl-ewwel edizzjoni tal-ktieb, li kont nedejtu ġimgħa qabel il-Kampjonati Ewropej li saru ġewwa l-Polonja u l-Ukrajna, din id-darba nedejtu ġimgħa qabel il-ftuħ tat-Tazza tad-Dinja. Parti mis-suċċess tal-ktieb huwa ż-żmien li fih toħorġu, u bħalissa, li d-deni tat-Tazza tad-Dinja diġà beda, nemmen li kien l-aħjar żmien li stajt nippubblika dan il-ktieb.
Minn fejn jista’ jinkiseb dan il-ktieb?
Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin tal-kotba. Jista’ jinkiseb ukoll bħala ebook direttament mill-eStore tal-pubblikatur FARAXA Publishing jew minn aġenziji tal-kotba magħrufa mad-dinja, fosthom l-Amazon. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat ittra elettronika fuq [email protected] jew jillajkja l-paġna ta’ Facebook Ballun Pinġut.
Uħud mill-frażijiet li jinsabu fil-ktieb
Ballun pinġut – Meta plejer iqassam jew jixxuttja u jġib il-ballun eżatt fejn irid hu, ngħidu aħna, meta jagħti free kick.
Daħal biċ-ċatt – Meta plejer jittekilja b’mod perikoluż bil-qiegħ taż-żarbun lill-avversarju.
Dendel il-ballun- Meta plejer jitma’ kross lil sħabu.
Fetaħ fuq l-attakk - Meta tim jibda jattakka mill-ewwel mumenti tat-taqsima.
Fittex il-fawl - Meta plejer jipprova jirbaħ fawl b’intelliġenza.
Lasta u ġewwa - Meta l-ballun jaħbat mal-lasta u jidħol ġox-xibka.
Mexxa l-ballun - Meta plejer ma jżommx il-ballun f’saqajh iżda jilagħbu lil sħabu.
Qata’ ’l ġewwa - Meta plejer ikun qiegħed f’pożizzjoni mġenba fl-attakk u jidħol għan-nofs.
Riegħed ix-xibka - Meta plejer jixxuttja u jiskorja b’saħħa kbira.
Torri - Meta plejer twil jkun magħruf għal ħiltu li jwaqqa’ l-ballun lil sħabu.