is-sitt parti - L-Istorja tat-Tazza tad-Dinja

It-Tmien Edizzjoni – Ingilterra 1966

Il-FIFA għażlet l-Ingilterra bħala organizzaturi tat-tmien edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, għaliex kienet qed tiċċelebra għeluq il-100 sena mit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni tagħha. Barra minn dan, l-Ingilterra kienet tiftaħar bl-isbaħ grawnds, b’faċilitajiet mill-aqwa għal dak iż-żmien u b’organizzazzjoni kważi perfetta.
Fi Grupp A, l-Ingilterra, telgħu mal-Urugwaj, il-Messiku u Franza. Il-Franċiżi, b’tim mibdul u mimli żgħażagħ, batew ħafna u ġabru punt wieħed biss f’parità mal-Messiku. Dawn tal-aħħar marru ftit aħjar meta kisbu parità oħra kontra l-Urugwaj, biex wittew it-triq għall-istess Sud Amerikani, li għaddew wara l-Ingliżi, li min-naħa tagħhom ma sabu l-ebda diffikultà biex jirbħu l-grupp. Anzi dan għamluh mingħajr ma sofrew gowl.
Fi Grupp B il-Ġermanja tal-Punent u l-Arġentina ftit sabu diffikultà jgħaddu għat-tieni fażi. Il-Ġermaniżi, immexxijja minn Franz Beckenbauer, kienu bnew tim b’saħħtu ħafna li kellu jġibilhom ħafna glorja fis-snin ta’ wara. Fl-ewwel logħba kontra l-Iżvizzera, rebħu b’faċilìtà (5-0). Ta’ min jgħid li din kienet l-ewwel logħba fit-Tazza tad-Dinja għal Sigi Held li 35 sena wara kellu jsir kowċ tat-tim nazzjonali Malti. L-għada, l-Arġentini għelbu lill-Ispanjoli 2-1. Bl-istess riżultat il-Ġermanja għelbet lil Spanja. L-unika logħba minn Grupp B li fiha r-riżultat ma kienx ċert kien dik bejn l-ewwel tnejn. Il-logħba spiċċat mingħajr gowls, biex iż-żewġ timijiet għaddew mill-grupp.
Grupp C ġab l-ewwel sorpriża kbira – il-Portugall, li b’sorpriża kbira, iddomina l-grupp. Fl-ewwel logħba f’Old Trafford għelbu l-isfida tal-Ungeriżi, u mmexxija miż-żagħżugħ Eusébio, rebħu lill-Bulgarija 3-0. Min-naħa tagħhom il-Brażil bdew tajjeb ħafna b’rebħa tajba ta’ 2-0 fuq il-Bulgarija, b’żewġ gowls minn freekicks. Iżda fil-15 ta’ Lulju, f’Goodison Park, waslet l-ewwel telfa għall-Brażil f’logħba tat-Tazza tad-Dinja mill-1954 ’l hawn meta tilfu 3-1 kontra l-Ungerija, bit-tieni waħda, u forsi sorpriża akbar, erbat ijiem wara meta baxxew rashom għaż-żgħożija u l-estru t’Eusébio. Il-Portugall rebaħ 3-1 biex rebaħ il-grupp bl-Ungerija jieħdu t-tieni post wara rebħa fuq il-Bulgarija.
Is-Sovjetiċi ddominaw fi Grupp D. B’tim mibni fuq is-saħħa fiżika, rebħu l-logħob kollu tal-grupp u sofrew gowl wieħed biss fl-aħħar logħba kontra ċ-Ċilì. Dawn tal-aħħar kienu ferm ’il bogħod mill-wirjiet ta’ 4 snin qabel u spiċċaw ankrati fl-aħħar post tal-grupp. Iżda Grupp D kellu sorpriża negattiva - l-Italja li minkejja li rebħet l-ewwel logħba kontra ċ-Ċilì 2-0, tilfet kontra l-Unjoni Sovjetika 1-0 u b’sorpriża enormi tilfet bl-istess riżultat kontra l-Korea t’Isfel u sfat eliminata. Kien żmien diffiċli għall-futbol Taljan bi xnigħat persistenti li ħafna mill-plejers u klabbs Taljani kienu qegħdin jirrikorru għal sustanzi projbiti u sew il-FIGC (Federazione Italiana Giuoco Calcio), kif ukoll il-FIFA, kienu qegħdin jinvestigaw.
Fit-tieni fażi l-logħob kellu jiżvolġi f’wieħed interessanti ferm. L-ewwel logħba laqqgħet l-Ingilterra u l-Arġentina. Il-logħba kienet l-unika waħda mill-Kwarti tal-Finali li ntlagħbet f’Wembley Stadium, quddiem folla kbira ta’ madwar 90,584 ruħ. L-Ingliżi kienu ħfief wisq għall-Arġentini, li rrikorrew għal ħafna logħob goff. Il-logħba kienet deċiża b’gowl ta’ Geoff Hurst li skorja b’daqqa ta’ ras
Dakinhar stess l-Urugwaj tilfu kontra t-tim qawwi mill-Ġermanja meta ma sabux risposta għall-gowl kmieni ta’ Helmut Haller fil-11-il minuta. Il-gowl ġie wara li Sigi Held ixxuttja b’saħħtu lejn il-lasta ta’ Mazurkiewiecz bil-ballun jiġi ddevjat minn Helmut Haller biex inganna għal kollox lill-gowlkiper.
It-tielet logħba mill-Kwarti tal-Finali kienet l-isbaħ waħda. Dakinhar tat-23 ta’ Lulju ltaqgħu ż-żewġ debuttanti u l-ikbar żewġ sorpriżi! F’Goodison Park, quddiem folla ta’ ftit aktar minn 51,000 spettatur, il-Portugall u l-Korea ta’ Fuq taw wirja spettakolari ta’ logħob offensiv u divertenti. Il-bidu kien elettrizzanti. Il-Koreani ħarġu b’determinazzjoni kbira u wara ftit sekondi skorja Pak Seung-Zin. Il-Koreani saħansitra skorjaw it-tieni gowl bis-saħħa ta’ Li Dong-Woon. Minuta wara Yang Sung Kook skorja t-tielet ! Hawnhekk kien jeħtieġ miraklu għall-Portugall – u dan għamlu Eusébio, bil-ġiri, determinazzjoni u kariżma kbira li kellu. Eusebio daħħal lil sħabu fil-logħba b’żewġ gowls qabel tmiem l-ewwel taqsima. Eusébio ġab l-iskor indaqs minn penalti li sar fuqu stess fil-55 minuta, u ta vantaġġ lill-Portugall tliet minuti wara, b’xutt fuq il-ġirja. Il-Portugall għalaq il-logħba 5-3 bl-aħħar gowl ta’ Augusto fit-78 minuta.
L-aħħar logħba tal-Kwarti tal-Finali kienet waħda missielta wkoll, u laqqgħet lis-Sovjetiċi u l-Ungeriżi. Is-Sovjetiċi kienu l-aħjar u dehru li kienu studjaw lill-avversarji tagħhom sewwa, u ma kinetx sorpriża li skorjaw kmieni permezz ta’ Chislenko. Żewġ minuti fit-tieni taqsima u s-Sovjetiċi rduppjaw. Din id-darba kien Porkujan li għeleb lil Gelei minn korner. Tliet minuti wara, l-Ungerija skorjat il-goal tal-bandiera permezz ta’ Bene.
Fis-semi finali, l-Unjoni Sovjetika sabet lill-Ġermaniżi ta’ Franz Beckenbauer. L-ewwel gowl tal-Ġermaniżi wasal meta Scnellinger ġera tul il-linja u tefa’ kross perfett lejn l-istess Haller li għeleb lil Yashin. Il-Ġermaniżi li skorjaw it-tieni wieħed, biex serrħu rashom. Kien il-captain twil u eleganti Franz Beckenbauer li b’xutt bid-dawra minn freekick barra l-kaxxa għeleb lill-barriera u lill-gowlkiper Yashin. Fl-aħħar ħinijiet Porkujan skorja, iżda ma żammx lill-Ġermaniżi milli jagħmulha sal-finali wara tnax-il sena.
Fis-semifinali l-oħra, l-Ingilterra ħaditha mal-Portugall t’Eusébio, rivelazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni. Il-logħba ntlagħbet f’Wembley Stadium quddiem folla ta’ ’l fuq minn 94,400 ruħ, rekord għal din l-edizzjoni. L-eroj għall-Ingliżi kien Bobby Charlton li poġġa lill-Ingliżi gowl minn fuq fl-ewwel taqsima. Kien Ray Wilson li fit-30 minuta ta pass intelliġenti lejn Hunt li xxuttja mill-ewwel lejn Periera li salva iżda ma żammx biex Bobby Charlton, bil-kalma kollha, qabbeż il-ballun bil-mod fix-xibka. Ħdax-il minuta mit-tmiem, l-Ingliżi skorjaw it-tieni gowl permezz ta’ Bobby Charlton li għeleb lil Periera b’xutt mill-isbaħ. Il-Portugiżi naqqsu l-iskor permezz ta’ penalti wara li Jackie Charlton tajjar il-ballun b’idu! Mill-ħdax-il metru Eusébio skorja, iżda dan kienx biżżejjed u l-Ingliżi kienu fl-ewwel finali tagħhom, f’pajjiżhom.

Eusébio u sħabu pattew xi ftit għad-diżappunt tas-semifinali mitlufa billi rebħu l-logħba għat-tielet u r-raba’ post kontra l-Unjoni Sovjetika. Dakinhar Eusébio skurja r-raba’ penalti tiegħu u d-disa’ gowl personali f’din l-edizzjoni. It-tieni gowl għall-Portugall skurjah Torres żewġ minuti mit-tmiem, wara li Malafeyev kien ġab parità tard fit-tieni taqsima għall-Unjoni Sovjetika.
Il-Finali - Wembley Stadium
L-Ingliżi bħall-Ġermaniżi kienu għadhom ma tilfux u ż-żewġ timijiet kienu sofrew tliet gowls biss. Il-ftuħ tal-logħba kien f’idejn il-Ġermaniżi li rnexxielhom jiskorjaw fit-12-il minuta meta Ray Wilson, bi żball, żied il-ballun li niżel f’saqajn Helmut Haller li b’xutt angolat u b’saħħtu għeleb lil Gordon Banks. L-Ingliżi għamlu reazzjoni mill-ewwel u sitt minuti wara, Hurst, bir-ras laħaq qabel il-goalkeeper u ġab parità.
Il-logħba baqgħet maqfula f’parità sakemm tnax-il minuta mit-tmiem, l-Ingliżi skorjaw meta Martin Peters xeħet ġewwa minn ftit metri bogħod. Kien hemm ferħ u tgħanniq kbir fost il-plejers u diriġenti Ingliżi, iżda l-logħba kien għad fadlilha ħafna. Il-Ġermaniżi għamlu assedju sħiħ fuq il-lasta ta’ Banks, sakemm ftit sekondi mit-tisfira finali ir-referì Żvizzeru, Dienst, ordna freekick minn fuq ix-xellug, li minnu Wolfgang Weber ġab il-parità.
Fit-tmien minuta tal-ewwel taqsima tal-ħin supplimentari, wasal il-goal li baqa’ jissemma’! Alan Ball, qabeż lil Schnellinger, u b’ġirja waħda sħiħa wasal sal-linja minn fejn tefa’ kross fil-baxx fuq l-ewwel lasta Geoff Hurst spara lejn Tilkowski li ħareġ jagħlaq fuqu, iżda l-ballun kien b’saħħtu wisq u għadda minn miegħu biex ħabat ma’ taħt il-mimduda u niżel b’tisbita… ’l barra mil-linja! L-Ingliżi għajtu għall-gowl, bil-Ġermaniżi jgħidu li l-ballun qatt ma qabeż il-linja.
Ir-referi Gottfried Dienst resaq lejn l-assistent tiegħu, wieqaf fuq il-linja li deher jagħti b’rasu għall-mistoqsijiet ta’ Dienst, filwaqt li beda jxejjer il-bandiera lejn nofs il-grawnd. Għall-Ingliżi dawn kienu mumenti ta’ ferħ kbir, filwaqt li d-diżappunt kien evidenti fuq wiċċ il-Ġermaniżi, li biż-żmien ingħataw raġun minn bosta. It-tieni taqsima kollha ntlagħbet fuq il-lasta difiża minn Banks, iżda ftit sekondi mit-tmiem, Hurst ħa l-ballun u beda ġirja waħdu lejn Tilkowski. Xi sapporters niżlu fil-grawnd, sewwasew hekk kif Geoff Hurst għeleb lill-gowlkiper Ġermaniż.
Hurst sar l-ewwel plejer li qatt skurja hat-trick f’finali tat-Tazza tad-Dinja. Iżda dan kellu jkun l-uniku trofew mirbuħ mill-Ingliżi.
Din l-informazzjoni ttieħdet mill-ktieb bil-Malti – L-Istorja tat-Tazza tad-Dinja, miktub minn Ramon Zammit li bħalissa jinsab ghall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.