Verstappen b'rekord ta' 10 rebħiet konsekuttivi

“Ma kontx nemmen li hi possibbli,” qal ix-xufier fi tmiem it-tellieqa

(ritratt: Formula 1)
(ritratt: Formula 1)

Ix-xufier Max Verstappen kompla jnaqqax ismu fl-istorja hekk kif kiser ir-rekord ta’ rebħiet konsekkuttivi ta' disa' rebħiet konsekuttivi li kien stabbilit minn Sebastian Vettel lura fl-2013. Dan wara li temm it-tellieqa ta’ nhar il-Ħadd 3 ta’ Settembru fl-ewwel post, wara battalja maż-żewġ Ferraris ġewwa Monza. B’hekk, in-numru ta’ rebħiet konsekuttivi tal-Olandiż tela’ għal 10, filwaqt li r-rebħiet konsekuttivi tat-tim Red Bull tela’ għal 15.

“Ma kontx nemmen li hi possibbli,” qal Verstappen fi tmiem it-tellieqa.

Verstappen beda t-tellieqa fit-tieni post, bejn iż-żewġ xufiera ta’ Ferrari Carlos Sainz u Charles Leclerc. Kien fil-15-il dawra fejn Verstappen ħa vantaġġ minn żball ta’ Sainz, hekk kif dan qabżu minn barra tal-Curva Grande, u żamm din il-pożizzjoni tul il-bqijja tat-tellieqa kollha.

Fit-tieni post temm it-tellieqa ix-xufier l-ieħor ta’ Red Bull Sergio Perez, li beda t-tellieqa fil-ħames post. B’hekk, din kienet is-sitt tellieqa tal-istaġun fejn iż-żewġ xufiera ta’ Red Bull spiċċaw fl-ewwel u t-tieni post.

Fit-tielet u r-raba’ post ġew iż-żewġ xufiera ta’ Ferrari, Carlos Sainz u Charles Leclerc rispettivament, wara li dawn ħakkew ir-roti flimkien lejn l-aħħar terz tat-tellieqa.

Fil-ħames u s-sitt post klassifikaw ix-xufiera ta’ Mercedes George Russell u Lewis f’Hamilton, minkejja li t-tnejn ingħataw penalitajiet ta’ ħames sekondi. Dan minħabba li Russell kiseb vantaġġ billi ħareġ mit-trakka, u Hamilton kellu t-tort f’ħabta minuri ma’ Oscar Piastri ta’ McLaren.

Alex Albon ta’ Williams kompla fuq il-wirja eċċezzjonali li kellu fil-kwalifikazzjoni, li ratu jibda t-tellieqa fir-raba’ post. Minkejja li tilef numru ta’ postijiet, xorta waħda kiseb il-punti hekk kif spiċċa fis-seba’ post.

Lando Norris ta’ McLaren, Fernando Alonso ta’ Aston Martin u Valtteri Bottas ta’ Alfa Romeo temmew il-lista ta’ xufiera li kisbu l-punti.

Liam Lawson kompla jimpressjona hekk kif irnexxielu jikseb it-12-il post, f’dik li kienet it-tieni tellieqa tiegħu fil-Formula 1.

Yuki Tsunoda kellu jirtira qabel il-bidu tal-ewwel dawra, hekk kif kien irrappurtat li għandu problemi fil-magna tal-karozza tiegħu, li kkawżat dewmien ta’ madwar 20 minuta għall-bidu tal-avveniment. Esteban Ocon ukoll irtira lejn l-aħħar, hekk kif ilmenta dwar problemi tekniċi li waqqfuh milli jispiċċa t-tellieqa.

More in Barranin