Mill-inqas 13-il persuna maqtula f'attakk Russu fuq Kyiv

Mill-inqas 13-il persuna tilfu ħajjithom u madwar 90 oħra ndarbu wara attakk massiv b'missili u drones fuq il-kapitali Ukrena, Kyiv

Ritratt: Zelenskyy/X
Ritratt: Zelenskyy/X

 

Mill-inqas 13-il persuna nqatlu u madwar 90 oħra ndarbu wara attakk massiv li r-Russja wettqet matul il-lejl fuq Kyiv, f'dak li l-awtoritajiet Ukreni ddeskrivew bħala wieħed mill-akbar attakki fuq il-kapitali fl-aħħar ġimgħat.

Skont l-awtoritajiet lokali, l-attakki laqtu diversi distretti tal-belt, b'għaxar splużjonijiet kbar irrappurtati sal-ħabta tat-3.30am.

L-attakk seħħ ftit sigħat wara li l-President Ukren Volodymyr Zelenskyy wissa dwar il-possibbiltà ta' offensiva fuq skala kbira u appella liċ-ċittadini biex ifittxu kenn hekk kif inħarġu twissijiet ta' attakki mill-ajru madwar il-pajjiż.

Zelenskyy qal ukoll li matul il-lejl intlaqtu r-reġjuni ta' Sumy, Dnipro, Zaporizhzhia u Cherkasy, filwaqt li tenna l-appell għal aktar sistemi ta' difiża mill-ajru, fosthom is-sistemi Patriot.

Is-Sindku ta' Kyiv, Vitali Klitschko, ħabbar li l-Ġimgħa se tkun jum ta' luttu fil-belt u qal li fost il-binjiet li ġarrbu ħsarat kien hemm ukoll stazzjon tal-ambulanzi.

L-Armata tal-Ajru Ukrena qalet li matul il-lejl ir-Russja sparat 74 missila u 496 drone. Għalkemm il-parti l-kbira ġew interċettati, 25 missila u 12-il drone laqtu 33 sit differenti.

Is-servizzi tal-emerġenza rrappurtaw nirien f'diversi binjiet residenzjali u f'lukanda, filwaqt li timijiet ta' salvataġġ komplew ifittxu persuni neqsin taħt it-tifrik.

Min-naħa tagħha, il-Ministeru tad-Difiża Russu sostna li l-attakki kienu mmirati lejn infrastruttura militari u tal-enerġija, filwaqt li l-Ukrajna ċaħdet din il-verżjoni u akkużat lir-Russja li kienet qed tattakka żoni ċivili.

More in Barranin