Imut Trevor Francis – l-ewwel plejer Brittaniku li sewa miljun Lira Sterlina

F’dikjarazzjoni mill-familjari tiegħu, ġiet imħabbra il-mewt ta’ Trevor Francis, attakkant Ingliż li lagħab ma’ Birmingham City, Nottingham Forest, Manchester City u Atalanta, fost oħrajn

Francis kien l-ewwel plejer Brittaniku li sewa miljun Lira Sterlina meta, fis-sena 1979, ġie trasferit minn Birmingham City għal Nottingham Forest. Hawnhekk kien ifforma parti mill-iskwadra leġġendarja ta’ Brian Clough li jerbħet it-Tazza Ewropea sentejn infila fis-snin 1979 u 1980.

Huwa rebaħ ukoll il-Coppa Italia ma’ Sampdoria, it-tazza tal-Iskozzja mar-Rangers, it-tazza Ingliża ma Sheffield Wednesday.

Fuq livell internazzjonali, Francis lagħab 52 darba mat-tim nazzjonali Ingliż, fejn skorja 12-il gowl.

Wara li rtira, huwa rritorna fil-football bħala kowċ, fejn wassal lil Sheffield Wednesday kif ukoll lil Birmingham City għal tliet logħbiet finali f’tazzi domestiċi.

Fid-dikjarazzjoni, il-familjari tal-plejer ħabbru li dan miet dalgħodu b’attakk tal-qalb, fl-eta’ ta’ 69 sena, fl-appartament tiegħu fi Spanja. Din l-aħbar ma kinitx mistennija u kienet ta’ xokk lejn il-familja. Huma esprimew id-dwejjaq tagħhom, filwaqt li fakkru il-memorja ta’ Francis, fejn iddiskrivewh mhux biss bħala plejer leġġendarju, iżda wkoll bħala persuna ta’ qalb tajba.

More in Barranin