Atleta tal-Olimpjadi mill-Belarussja titlob il-protezzjoni u tirrifjuta li tirritorna pajjiżha
L-atleta qed tisħaq li ttieħdet l-ajruport bil-forza wara li kkritikat lill-coaches tagħha

Atleta mill-Belarussja li rrifjutat ordni mit-tim tal-pajjiż biex tmur lura pajjiżha, tinsab sigura wara li talbet il-protezzjoni tal-pulizija Ġappuniża.
Uffiċjali tal-Olimpjadi qalu li l-atleta Krystsina Tsimanouskaya, ta' 24 sena, qattgħet il-lejl f'lukanda viċin l-Ajruport ta' Tokjo. L-atleta qed tisħaq li ttieħdet l-ajruport, kontra l-volontà tagħha, wara li kkritikat lil coaches tagħha.
Skont il-Belarussa, l-atleta tneħħit mit-tim minħabba l-istat emozzjonali tagħha.
Kemm iċ-Ċekja u anke l-Polonja offrewlha visa.
Skont rapporti, l-istess atleta jidher li qed tikkunsidra l-ażil fl-Ewropa.
Il-Kelliem għall-Kumitat Olimpliku Internazzjonali qal li l-awtoritajiet Ġappuniżi qed jieħdu ħsiebha u li numri ta' aġenziji jinsabu f'kuntatt magħha, inkluż l-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda għall-Ażil.
Il-Kumitat Olimpiku tal-Belarussja ntalab rapport sħiħ fuq dan il-każ.
Il-Kelliem qal ukoll li l-Kumitat Olimpliku Internazzjonali kien ħa passi kontra l-kumitat tal-Belarussa, wara l-protesti li seħħew is-sena li għaddiet wara l-kontroversji li kienu jduru mal-elezzjoni mill-ġdid tal-President tal-pajjiż, Alexander Lukashenko.
Il-Kumitat Olimpiku kien saħansitra ma ħallix uffiċjali jieħdu sehem, inkluż lill-iben il-President stess, wara li dawn fallew milli jipproteġu atleti li ħadu sehem fil-protesti.