Temi diversi
Edward Zammit Lewis huwa deputat parlamentari Laburista
F’din il-kontribuzzjoni tiegħi xtaqt naqbad temi diversi li kkaratterizzaw l-aħħar jiem fil-politika, kemm domestika, Ewropea, u globali.
Il-Bord tal-Paċi
M’hemmx dubju li l-Bord tal-Paċi propost mill-President Donald Trump ħoloq kontroversja f’Malta u fid-dinja. Kull inizjattiva, inkluż din ta’ Trump, għandha tiġi evalwata fuq il-mertu tagħha. F’dan l-istadju hemm bżonn ta’ aktar kjarezza dwar il-mandat u l-irwol ta’ dan il-bord tal-paċi qabel wieħed jiddetermina jekk tistax tkun ta’ benefiċċju għal Malta. Għalhekk wieħed irid juri kawtela.
L-għan dikjarat ta’ dan il-Bord huwa dak li jippromovi l-paċi, li, bla dubju, huwa għan nobbli. Madankollu, inizjattivi ġodda għandhom jikkumplimentaw, u mhux idgħajfu, istituzzjonijiet stabbiliti bħall-Ġnus Magħquda u oħrajn li għandhom rwol ċentrali fl-ordni internazzjonali. Għalhekk wieħed irid jara kif dan il-Bord jista’ jaħdem, jekk ikun il-każ, istituzzjonijiet ben stabbiliti u diġà eżistenti. M’għandix dubju li l-PM Robert Abela, hekk kif dejjem wettaq f’dawn l-aħħar sitt snin, se jaħdem fl-interess nazzjonali u jasal għal deċiżjoni għaqlija, filwaqt li jżomm relazzjoni tajba, li hu flimkien mal-ħabib tiegħi d-DPM Ian Borg irnexxielhom jibnu mal-Istati Uniti tal-Amerka.
Il-multilateraliżmu
Il-messaġġ ta’ Malta dejjem għandu jkun wieħed favur il-paċi, id-diplomazija, u l-multilateraliżmu. Kull pass għandu jissaħħaħ b’konformità mal-prinċipji u l-obbligi internazzjonali tagħna u t-tisħiħ tal-prinċipji tal-ugwaljanza u s-sovranità tal-Istati.
In-newtralità kostituzzjonali ta’ Malta hija prinċipju fundamentali tal-politika barranija tagħna u kulħadd għandu jgħożżu. Dan ma jfissirx li nkunu passivi għal dak li qed jiġri madwarna. Malta fil-fatt ħadet pożizzjoni ċara dwar l-Ukrajna u anke favur is-self-determination tal-poplu Iranjan. Għalhekk, kwalunkwe inizjattiva trid tiġi evalwata b’attenzjoni kbira biex ma toħloqx dubji kif ukoll interpretazzjonijiet li jistgħu jmorru kontra dan il-prinċipju li għalija huwa wieħed inderogabbli u li jiddistingwina minn ħafna nazzjonijiet oħra fil-komunità internazzjonali.
Dan kollu għandu jsir fil-kuntest ta’ Malta bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Huwa importanti li Malta tkompli taħdem f’sinerġija ma’ Stati Membri tal-Unjoni u tappoġġja approċċ koordinat fil-politika barranija. Jiena dejjem nisħaq, kemm Malta u barra, li l-Unjoni għandha, fil-kamp tal-politika barranija, tieħu pożizzjonijiet rapidi [‘responsiveness’], meta jkun meħtieġ, u b’vuċi waħda. Dan jista’ jsir għaliex sar fil-każ tal-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-aggressjoni Russa tal-Ukrajna u dwar il-pandemija.
Il-ħatra ta’ Prim Imħallef – Riforma
Qed nieħu pjaċir li nara mekkaniżmu li jiena daħħalt permezz tar-riformi tal-ġudikatura fl-2020 jitħaddmu għall-ewwel darba. Dan kien bir-rieda politika tal-PM Robert Abela, li għalkemm kellu l-poter f’idejh, reħieh sabiex issa hemm proċess ferm aħjar u trasparenti dwar ħatra u dixxiplina tal-ġudikanti.
Fil-każ tal-Prim Imħallef biss kont ħsibt għal din ir-riforma kemxejn differenti għal dik li hija ħatra. Din issaħħaħ tali kariga billi trid appoġġ wiesgħa mill-Leġiżlattiv. Dan il-mekkaniżmu diġà tħaddem fil-ħatra tal-Prim Imħallef attwali Dr Mark Chetcuti u kien hemm vot unanimu fil-Parlament. Dan kien mument tant għal qalbi fil-mixja politika tiegħi. Nistenna l-istess maturità minn kulħadd din id-darba, ħalli din il-kariga tant importanti għas-saltna tad-dritt f’pajjiżna tingħata l-awtorità u r-rispett li ħaqqha.
Mercusor u India
Il-ftehim mal-pajjiżi tal-Mercusor u mal-Indja min-naħa tal-Unjoni Ewropea huwa xi ħaġa li wieħed għandu jfaħħar u huwa ta’ aħbar ferm tajba għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Dan għaliex f’dinja li qiegħda tant tinbidel, l-Unjoni qiegħda tintebaħ li ma jistax ikollu dipendenza fejn jidħlu s-swieq tagħha u ma’ min hija tagħmel kummerċ. Anzi bil-kontra. Għandha tiddiversifika u tiftaħ swieq ġodda. Hekk biss l-Unjoni tista’ taċċerta li tasserixxi ruħha bħala plejer globali u ssaħħaħ il-kompetittività tagħha. Dawn iż-żewġ ftehimi jiftħu swieq tant kbar għall-istess Unjoni, iċ-ċittadini tagħha u l-SMEs fl-Unjoni, li huma s-sinsla tad-dahar tal-ekonomija tal-UE. Għalhekk ma nistgħux nibżgħu minn dan it-tibdil, anzi nidħlu għal din l-isfida flimkien sabiex niggarantixxu fl-UE tkabbir ekomoniku u impjiegi ta’ kwalità għaż-żgħażagħ tagħna.
Harry
M’hemmx dubju li l-maltempata ‘Harry’ ħolqot problemi u danni kbar għalina. Solidarjetà min-naħa tiegħi għal dawk kollha li sofrew tali danni. Rajna rieda politika u statement min-naħa tal-Gvern li se jagħti l-għajnuna lil min kien vittma tad-danni. Kien importanti li rajna diversi politiċi jżuru dawn il-postijiet, però huma imperattiv li sseħħ ħidma b’mod koordinat min-naħa tal-Gvern, b’unit waħda responsabbli għal dan, bi kriterji oġġettivi ta’ min huwa intitolat u bi sforz qawwi sabiex il-Gvern jipprova jagħmel tapping ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea għal dan il-għan, bħal pereżempju l-European Union Solidarity Fund [EUSF] u r-Regional Emergency Support to Reconstruction [RESTORE]. Hemm nimxu ’l quddiem u ngħinu lil min verament għandu bżonn.
