Il-Kanċer, il-Kuraġġ, u t-Tama

Ramona Attard hija membru parlamentari Laburista 

Qed nikteb dan l-artiklu b’emozzjoni mħallta — minn naħa emozzjoni ta’ realiżmu dwar il-kanċer u l-isfidi li jġib miegħu, u minn naħa tama meta tara s-suċċess ta’ ħafna persuni li nafu li rnexxielhom jegħlbu din il-marda. 

Ottubru kull sena jibqa’ xahar li jqajjem kuxjenza, speċjalment dwar il-kanċer tas-sider. Imma għal ħafna familji, il-kanċer mhuwiex kampanja ta’ xahar jew sinjal roża fuq Facebook; huwa kelma li taqta’ bħal xafra u tbiddel kollox fi ftit sekondi. 

Din id-darba, għalija personalment, kien xahar li laqat f’qalbi aktar minn qatt qabel. Tliet persuni qrib tiegħi — inkluż tarbija żgħira ħafna — irċevew din l-aħbar li taħsad. Dak il-mument li tisma’ “għandek kanċer” qatt ma jolqot persuna waħda biss; jolqot familja sħiħa, komunità, u xi drabi pajjiż. 

F’pajjiżna għandna realtajiet ibsin, imma wkoll stejjer ta’ tama u ta’ solidarjetà. 

Illum hawn tfal u adulti li jqattgħu ġimgħat u xhur barra minn Malta għal trattament speċjalizzat. Din mhijiex biss prova medika, iżda wkoll prova emozzjonali, ekonomika, u soċjali. U f’dawn is-sitwazzjonijiet, kull dettall jagħmel differenza. Huwa għalhekk li l-miżura introdotta minn dan il-Gvern — li permezz tagħha anke t-tieni ġenitur jingħata vjaġġ imħallas meta jakkumpanja lit-tifel jew tifla għal trattament barra minn Malta – kienet nifs ta’ serħan għal tant familji. 

Minn mistoqsija parlamentari li għamilt lill-Ministru tas-Saħħa, irriżulta li bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena 128 tifel u tifla kellhom bżonn trattament barra minn Malta. Dawn kienu akkumpanjati minn 233 ġenitur, u l-ispejjeż kienu koperti mill-Istat. Dan mhux biss jgħin finanzjarjament, imma jagħti wkoll dinjità lill-familji li diġà jkunu qed iġorru biżżejjed. F’dan il-mument ta’ sfida, tifel jew tifla jkollhom bżonn is-sostenn ta’ żewġ ġenituri, u l-ġenituri jagħtu tama lil xulxin. 

Il-kanċer huwa kelma li ġġorr magħha biża’, mistoqsijiet u inċertezza. 

F’Malta xxurtjati għax għandna servizz tas-saħħa b’xejn, u ħafna pazjenti jgħiduli huma stess li s-servizzi onkoloġiċi tagħna huma ta’ livell għoli. Dan mhux kliem tagħna biss: il-European Observatory on Health Systems and Policies faħħar l-approċċ ta’ pajjiżna u saħansitra rrakkomandah bħala mudell għal pajjiżi oħra. 

Wieħed mill-akbar kisbiet f’dawn l-aħħar snin kien il-progress fil-Cancer Care Pathways, li naqqsu l-ħin ta’ referenza minn seba’ xhur għal xahar. F’din il-marda, il-ħin mhux biss valur — huwa ċans ta’ sopravivenza. Aktar ma taġixxi malajr, aktar tikber il-possibbiltà li tgħix tajjeb wara l-kanċer. Għax iva, wara l-kanċer hemm it-tama. 

Il-prevenzjoni tibqa’ l-ewwel linja ta’ difiża. Il-Gvern jagħti screening b’xejn għall-kanċer tas-sider, tal-utru, tal-musrana (colorectal) u għall-Abdominal Aortic Aneurysm (l-akbar arterja fil-ġisem). Meta tasal stedina għal wieħed minn dawn it-testijiet, ma tistax tgħid “għadni żgħira” jew “ma naħsibx li hemm bżonn”. L-aktar każijiet fejn hemm ċans tgħix tajjeb wara l-kanċer huma dawk li jinqabdu kmieni — u dan jgħodd għan-nisa u għall-irġiel. 

Illum qed naraw ukoll is-servizz ta’ scalp cooling treatment, jew dak li jissejjaħ cold cap, biex f’ċerti każijiet ta’ kimoterapija ma jaqax ix-xagħar. Dan is-servizz hu offrut kemm fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo f’Malta kif ukoll fl-Isptar ta’ Għawdex. 

Niftakar darba ltqajt ma’ mara fuq il-vapur ta’ Għawdex li kienet qed tieħu l-kimoterapija f’Malta. Fetħet qalbha miegħi u qaltli kif tkun imfarrka bil-chemo fit-triq lura lejn Għawdex, filwaqt li faħħret lil min iħaddimha li kien jifhem iċ-ċirkustanzi tagħha u kien iħalliha taħdem mid-dar. 

Illum il-kura tal-kanċer f’Għawdex qed tavvanza wkoll, b’25% jirċievu t-trattament tal-chemo hemmhekk stess. Erbatax-il tip ta’ pillola ta’ kimoterapija qed jiġu amministrati f’Għawdex, filwaqt li qed isir investiment fil-faċilitajiet ta’ robotika u drones sabiex aktar pazjenti jieħdu l-kimoterapija f’Għawdex stess. 

It-tama teżisti f’dan il-qasam, u aktar ma jgħaddi żmien b’teknoloġiji u riċerka ġdida li joffru aktar kura, il-kanċer aktar se tkun jista’ jingħeleb. Għalhekk huwa importanti li naħsbu għall-ħajja wara l-kanċer. 

Kellna u għad għandna persuni li għelbu l-kanċer imma jsibu ruħhom li ma jistgħux ikomplu ħajjithom għax ma jistgħux jieħdu self — kemm għal negozju kif ukoll għal dar fejn joqogħdu u jibnu familja. 

L-iskema New Hope kienet pass kuraġġuż u konkret għal min ma jistax jiġi assigurat ma’ polza ta’ assikurazzjoni, minħabba l-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu. Permezz ta’ din l-iskema, il-Gvern jidħol garanzija għas-self sa €250,000. Issa qegħdin niddiskutu wkoll dritt li jintesa l-passat mediku ta’ persuna li jkollha l-kanċer, mal-banek — għax min ikun għeleb il-marda m’għandux jibqa’ mmarkat sal-aħħar tal-ħajja. 

Ħadd li rebaħ il-kanċer ma joħroġ l-istess bħalma daħal, imma ħafna joħorġu b’għarfien u tama ġdida fuq il-ħajja. U dawn għalhekk għandhom isibu t-toroq kollha miftuħa u mhux jintlaqgħu b’bibien magħluqin. 

Malta rreġistrat tnaqqis drastiku fil-persuni li mietu bil-kanċer fl-aħħar snin. Skont informazzjoni tal-European Cancer Inequalities Registry 2025, fl-2011 kien hemm 247 mewta bil-kanċer għal kull 100,000 persuna, filwaqt li fl-2021 kien hemm 198 — taħt il-medja Ewropea ta’ 235. 

Imma barra l-istatistika hemm in-nies, il-familji, il-martri silenzjużi. Dawk li jgħixu bejn it-tama u t-talb. Il-ħbieb li ma jafux x’jgħidu u jibżgħu jgħidu kelma ħażina, anke meta jridu jżommu sod. 

Ma nistgħux ma nirringrazzjawx lil dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam: infermiera, tobba, carers, psikologi, professjonisti fil-laboratorji, riċerkaturi, voluntiera, NGOs bħal Hospice Malta, Marigold, Action for Breast Cancer Foundation u Puttinu Cares. Huma l-ispalla li fuqha jistrieħu mijiet ta’ familji. 

Il-kuraġġ — nitkellmu ħafna fuqu, imma kultant ninsew xi jfisser tassew. Il-kuraġġ mhuwiex li tibqa’ wieqaf mingħajr ma taqa’; il-kuraġġ huwa li tixxengel u xorta timxi, li taqa’ u terġa’ tqum. It-tama mhix ċertezza; hija l-fjamma li tixgħel qalbek meta l-lejl ikun twil. 

Il-kanċer jibqa’ realtà diffiċli, bla sens, bla tweġiba. Imma l-istorja tiegħu kultant tkun lezzjoni, kultant rebħa, kultant bidu ġdid. 

Lil min qiegħed fin-nofs tal-maltemp, ngħidlu: iva, għandek kull dritt tibża’, tibki, tirrabja li mhux ġust — imma tibqax waħdek. 

Lil familji u ħbieb ta’ persuni bil-kanċer: li xi ħadd li tħobb ikun muġugħ u jissielet għal ħajtu hija wkoll sfida, u intom għandkom kull dritt issibu s-sostenn biex issostnu lil min hu marid. 

Ma nistennewx Ottubru biex noħolqu kuxjenza, ma nistennewx Ottubru biex niċċekkjaw lilna nfusna, u ma nistennewx Ottubru biex nitgħallmu nappoġġjaw lil min għaddej minn mumenti ibsin. 

Il-ġlieda kontra l-kanċer mhijiex ġlieda ta’ xahar, iżda ġlieda li nirbħu biss jekk nibqgħu magħqudin bħala poplu li hu komunità fih innifsu. 

More in Socjali