Philip Sciberras– Missier li ma jmut qatt u Rose – Omm li tilfet il-maħbub tagħha

Colin Apap jitkellem fuq kif il-mewt hi għamja u ħadd ma jaf meta tiġi imma għal min jemmen, jaf għad jiltaqa' mal-maħbubin tiegħu

Philip Sciberras
Philip Sciberras "il-ġgant fil-ġurisprudenza, għalliem, poeta, u kittieb"

Il-mewt hi għamja. Tiġi żgur. Meta ma tafx. Ma tħares lejn wiċċ ħadd. Imma meta, bil-minġel tagħha, taqta’ minn nofsna persuna li tant tkun f’qalbek li qatt ma tista’ timmaġina li tqum filgħodu u ssir taf li m’għadhiex magħna. Marret in-naħa l-oħra. Qabżet il-barriera tal-vjaġġ tagħha f’din l-art. 

Għal min jemmen jaf li għad nerġgħu niltaqgħu. Inkella l-ħajja hi wisq qasira u mimlija mrar kieku d-destin tagħna l-bnedmin kellu jieqaf fit-trab taċ-ċimiterju.  

Hawn min jemmen f’ĠENNA TAL-ANNIMALI. Jien nemmen f’’ĠENNA TA’ BNEDMIN fejn nerġgħu niltaqgħu mal-maħbubin tagħna u ma’ dawk li ħsibna li mhux ser ikunu hemm. Ser tkun Ġenna tas-Sorpriżi. Fejn niltaqgħu ma’ dawk li f’din il-ħajja għaddew mill-Passjoni; waħidhom; abbandunati. Kienu wisq żgħar biex nagħtu kashom. Imma ser ikunu hemm – b’ġisem glorjuż, differenti imma narfuhom. Ma jbatux iżjed – ikunu mdawwrin bin-nies li jħobbu u li jimpurtahom. 

Jiena nemmen li fl-infern mhemmx bnedmin. L-infern ma ġiex maħluq għall-bnedmin. Konvint li kulħadd, kulħadd isalva. Insibha diffiċli ħafna biex nemmen li jista’ jeżisti xi kastig etern – jgħaddu biljuni u biljuni ta’ snin u għadek hemm tinħaraq fin-nar.  

Bħalissa għaddej minn żmien fejn spiss nisma’ b’tant nies li naf… min jimrad, min b’qalbu maqtugħa jistenna r-riżultati tal-kanċer, min jidħol f’depression u jħossu waħdu.  

Imma l-ħin kollu nisma’ bi stejjer ta’ nies li kapaċi mhux biss iħobbu imma kapaċi JURU li jħobbu. Jużaw it-talenti tagħhom mhux biss għalihom u l-familji tagħhom imma biex jaqsmu l-qalb tad-deheb ma’ min hu fil-bżonn.  

Rose u Philip Sciberras huma tnejn minn dawn l-anġli tad-deheb. Niftakarhom l-università. Imma spiss nisma’ b’dak li jagħmlu, huma u uliedhom, biex jiddefendu kawżi ta’ nies li mhux bil-fors jiġu milqugħa minn kulħadd. Jagħtu vuċi lil min hu bla leħen; jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem anki tal-minoranzi speċjalment tan-nisa.  

Nista’ nikteb ħafna dwar Philip Sciberras, il-ġgant fil-ġurisprudenza, għalliem, poeta, u kittieb. Nista’ nikteb kif dejjem sibtu biex jgħinni u jurini d-direzzjoni. GRAZZI PHILIP!  

Imma min aħjar minn martu ROSE ma jista’ jesprimi l-ħsus ta’ min imġarrab? Nipproduċi l-qalb ta’ omm, mart Philip, li l-iktar li tafu minna lkoll: 

“Wara li ħadu ħsieb ta' kollox issa telqu, it-tfal, bħal ma tlaqt int dalgħodu Philip. U issa ninsab waħdi, fil-ħemda tad-dar, jien u l-memorji ta' ħajjitna flimkien. Kont inkun waħdi meta tidħol għat-trattament u jien nibqa' hawn nindokra l-kelb (li int kont tinsisti li qatt ma jibqa' waħdu) u nsajjarlek xi ħaġa li tħobb. Imma dejjem kelli t-tama li wara jum jew tnejn terġa' tiġi lura. Issa veru waħdi. Imma x-xhieda tar-rispett kbir li n-nies kellha għalik tikkonfortani u tikkonvincini li l-memorja tiegħek se tibqa' b'saħħitha għal bosta snin. Kont mimli bl-għerf, studjuż u bieżel imma l-aqwa preġju tiegħek kienet l-umiltà kbira tiegħek. Prova ta' dan kien il-kliem li qalli l-kbir ta' Alex x'ħin ġie mill-iskola : "Nanna, I never knew nannu was so well known by so many people".  

Għamilt x'għamilt u lħaqt fejn ilħaqt qatt ma kibritlek rasek. Qatt ma fittixt il-kumpanija tal-kbarat u l-imwejjed. Kont tippreferi li tkun mal-bniedem iż-żgħir u n-nies tar-raħal li bqajt tgħożż anke jekk kont ilek snin twal li ma bqajtx tgħix hemm. Legati se tħalli bosta warajk - l-istudji tal-ġurisprudenza, is-sentenzi li tajt bħala mħallef, il-peożiji li ktibt - imma l-akbar legat huma l-għaqda u l-għożża tal-familja li sawwarna u rabbejna flimkien. Ridt tarahom dalgħodu jorganizzaw u jikkoperaw flimkien biex jagħtuk l-isbaħ funeral kif jixraqlek - x'għaxqa! Wara 40 siegħa tiġġieled għan-nifs u qalbek tnin bil-mod il-mod, għannaqtek u bistek u inti tlaqt. Bħal donnok kont qed tistenna l-permess biex titlaq. Eh Philip xi bniedem kont... sempliċi u enigmatiku fl-istess waqt. Issa strieħ għażiż u ibqa' indokrana minn fejn int. Tibqa' f'qalbna għal dejjem.” 

J’Alla kull mara jkollha l-ħila tesprimi fil-pubbliku dawn is-sentimenti nobbli għan-nies ta’ madwarha.  

Wasalna l-aħħar ġimgħat tas-Sinodu tas-Sinodalità…. ippruvaw iżommu kemm jista’ jkun sigriet dak li kien għaddej…. mhux għax riedu jaħbu xi ħaġa imma biex iħallu lil kulħadd ikun liberu li jgħid li jrid, jitkellem bil-libertà sħiħa mingħajr pressjoni ta’ ‘lobbies’ li jeżistu kemm fil-Knisja u kemm barra minnha.  

Ir-riżultati tat-tibdil li ser isir fil-Knisja jibdew joħorġu bil-mod il-mod. Mhux ser ikun hemm xokkijiet; l-anqas aħbarijiet ‘ġodda’ jew xi tibdil radikali jew tibdil fil-Vanġelu! Il-Papa, ta’ Ġiżwita’ xiħ u t’esperjenza, jaf lil min jindirizza u kif. Jitkellem ċar u tond. Jaf li dak li ser iħabbar ser ikun hemm min jopponih. Minn dejjem hekk kien fil-Knisja. La ma kissruhiex is-saċerdoti fiha ebda dimonju ma jkissirha.  

More in Socjali