Editorjal | Inkjesta maġisterjali ma teskludix inkjesta pubblika

Il-Prim Ministru jeħtieġ jifhem li l-għajta għal inkjesta pubblika ġejja wkoll minn sens ta’ dwejjaq profond fis-soċjetà għal mod kif ċerti kuntratturi u żviluppaturi donnhom cowboys li ma jista’ għalihom ħadd

L-inkjesta maġisterjali fil-każ tal-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia issa ilha tkarkar erba’ xhur mingħajr ħjiel ta’ meta se tasal fi tmiemha. 

Sofia miet f’Diċembru li ghadda meta bini li kien għadu qed jitla’ fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin waqa’ u sar terrapien. Iż-żagħżugħ kellu l-isfortuna li daħal fil-binja ftit sekondi qabel ma ġġarfet u spiċċa mirdum taħt tunnellati ta’ konkos, brikks u tifrik. 

It-traġedja setgħet kienet ferm ikbar għax dakinhar weġġgħu wkoll gravi numru ta’ ħaddiema oħra li kienu qed jagħtu l-konkos fuq is-saqaf tal-binja. 

Kienet traġedja li xxukkjat nazzjon li ġiet ftit snin wara traġedja simili li ħasdet il-ħajja ta’ Miriam Pace fil-Ħamrun. 

Illum kull ma fadal fis-sit f’Kordin huwa l-karkassa ta’ binja qerrieda u d-dell tqil ta’ vittma oħra tal-kostruzzjoni. 

Il-familja u l-ħbieb ta’ Jean Paul qed jitolbu li ssir ġustizzja miegħu. Biex dan isir jeħtieġ li jitressqu b’akkużi kriminali dawk kollha li setgħu b’xi mod kienu responsabbli għal dak li ġara. It-talba għall-ġustizzja hi l-minimu li jistgħu jitolbu mis-soċjetà u mill-Istat għax fl-aħħar mill-aħħar l-ebda ħadd u xejn mhu se jġib lura lil Jean Paul. 

Iżda omm Jean Paul qed tistaqsi wkoll għal inkjesta pubblika biex tistħarreġ dak li seta’ ġara jew ma ġarax fil-każ ta’ binha, u fejn setgħu naqsu l-awtoritajiet fis-sorvelja tagħhom tal-qasam tal-kostruzzjoni. 

Biex inkunu ċari; hija biss l-inkjesta maġisterjali u l-investigazzjoni tal-pulizija li se twassal biex ikunu identifikati n-nies responsabbli għat-traġedja ħalli dawn jitressqu l-qorti biex iwieġbu għal għemilhom. Fuq dan il-punt il-Prim Ministru Robert Abela għandu raġun. 

Inkjesta pubblika kif qed jitolbu l-familjari u attivisti oħra ma twassalx biex jinħarrġu akkużi kriminali u lanqas hija l-iktar mod mgħaġġel biex issir il-ġustizzja f’dan il-każ. Il-validità tagħha hi xort’oħra jekk titwessa’ biex tistħarreġ il-qasam kollu tal-kostruzzjoni u kif inhu regolat mill-awtoritajiet, speċjalment fl-isfond ta’ inkjesta simili li kienet saret wara l-mewt ta’ Miriam Pace. 

L-inkjesta maġisterjali, mmexxija minn maġistrat magħrufa li ma tantx tarmi n-nar, għandha l-għodda kollha f’idejha biex tqabbad l-esperti li hemm bżonn u tippreserva l-provi kollha. L-inkjesta tista’ wkoll tindika jekk kienx hemm nuqqasijiet fis-sorveljanza mill-awtoritajiet u xejn ma jżomm il-maġistrat milli tkompli tistħarreġ u tistaqsi fuq dan. 

Madankollu, dak li jidher li hu każ ċar ta’ negliġenza u nuqqas ta’ sengħa għal ħafna li jifhmu fil-bini, donnu mhux għall-maġistrat u l-esperti tagħha, minkejja wkoll l-eżistenza ta’ vidjo li juri kif ikkrolla l-bini. Ħafna mhux qed jifhmu għaliex l-inkjesta maġisterjali issa ilha erba’ xhur u ma wasslet għall-ebda konklużjoni. 

Biex ngħidu kollox, din mhix sitwazzjoni ġdida. Li l-inkjesti maġisterjali jtulu hi waħda mill-problemi fis-sistema ġudizzjarja tagħna li twassal għal dewmien u qtigħ il-qalb. Min jaf kemm hemm familjari ta’ vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku li għadhom qed jistennew li tingħalaq l-inkjesta fil-każ tal-mewt ta’ binhom, jew binthom? Hu dan id-dewmien li jeħtieġ jitranġa. 

Il-Prim Ministru għamel sew li kiteb lill-Prim Imħallef bit-tħassib tiegħu għad-dewmien fl-inkjesta maġisterjali fuq il-każ ta’ Jean Paul Sofia. Bħala kap tal-eżekuttiv li jrid jirrispondi għan-nies li eleġġewh biex imexxi, dak kien l-iktar li seta’ jagħmel il-Prim Ministru biex iwassal it-tħassib tas-soċjetà u tal-familjari ta’ Jean Paul lill-istituzzjoni tal-qorti. 

Huwa pwerili li targumenta li l-kitba tal-Prim Ministru hija ndħil fl-indipendenza tal-ġudikatura. L-indipendenza hi salvagwardjata bil-Kostituzzjoni u l-liġi imma din lanqas ma tfisser li ħadd ma jista’ jwassal it-tħassib serju tiegħu fuq dewmien li għal ħafna jidher li hu eċċessiv u bla bżonn. 

Madankollu, l-istess argument li l-Prim Ministru qajjem mal-Prim Imħallef seta’ għamlu wkoll mal-Kummissarju tal-Pulizija għax il-pulizija għandhom il-poter li jinvestigaw u jressqu n-nies il-qorti indipendentament mill-inkjesta maġisterjali. Forsi kien ikun iktar għaqli li kieku l-Prim Ministru kiteb żewġ ittri u mhux waħda. 

Iktar minn hekk, il-Prim Ministru għandu jmur pass iktar ’il quddiem u jara kif bħala gvern se jipprovdi iktar riżorsi finanzjarji, infrastrutturali u umani biex l-operat tal-qrati jkun iktar effiċjenti. It-talba għal ġustizzja fi żmien raġonevoli mhix waħda frivola u lanqas m’hi ristretta biss għall-każ ta’ Jean Paul Sofia. 

Iżda hemm ukoll l-għajta għal inkjesta pubblika li sal-lum il-Prim Ministru qed jinjora. L-għażla tiegħu li ma jsejjaħx inkjesta pubblika hi waħda politika u mhux marbuta ma’ xi aspett legali. 

Filwaqt li hi biss l-inkjesta maġisterjali li se twassal biex finalment issir ġustizzja ma’ Jean Paul u jittieħdu l-passi kriminali kontra min naqas f’xogħlu, din ma teskludix li ssir inkjesta pubblika li tmur lil hinn mill-każ speċifiku. Inkjesta pubblika tista’ tgħin biex is-soċjetà jkollha ġustizzja. 

Ikun żball li l-inkjesti pubbliċi jissejħu għal kull ħaġa ta’ xejn. Iżda l-każ ta’ Jean Paul mhux waħdu. Ftit tas-snin ilu wkoll issejħet inkjesta indipendenti biex isir magħruf x’nuqqasijiet instituzzjonali setgħu wasslu biex taqa’ binja fil-Ħamrun li qatlet lil Miriam Pace. Minn dakinhar lil hawn kien hemm inċidenti oħra fuq postijiet tal-kostruzzjoni. 

X’tagħlima ħa l-pajjiż? X’tibdiliet saru? Is-sistema ta’ kif jiġi ċertifikat il-bini hi tajba biżżejjed? Il-ħaddiema li qed itellgħu l-appartamenti u jqegħdu l-konkos huma mħarrġa għal dan ix-xogħol? X’serjetà hemm fil-kumpaniji tal-kostruzzjoni? L-awtoritajiet qed ikunu b’saħħithom fl-infurzar jew hemm tendenza li jingħalqu l-għajnejn? 

Dawn huma mistoqsijiet li inkjesta pubblika tista’ twieġeb u anki jekk diġa sar xogħol fid-direzzjoni t-tajba tkun tista’ tindika fejn għad hemm nuqqasijiet. 

Il-Prim Ministru jeħtieġ jifhem li l-għajta għal inkjesta pubblika ġejja wkoll minn sens ta’ dwejjaq profond fis-soċjetà għal mod kif ċerti kuntratturi u żviluppaturi donnhom cowboys li ma jista’ għalihom ħadd. L-inkjesta maġisterjali jeħtieġ tasal għal konklużjoni malajr u sewwa jagħmel il-Prim Ministru li jsus wara dan, imma fl-istess nifs hemm bżonn stħarriġ iktar wiesgħa dwar il-problemi li qed toħloq il-kostruzzjoni lin-nies u lis-soċjetà. 

Li ssir ġustizzja ma’ Jean Paul hi l-iktar ħaġa importanti f’dan il-mument. Imma huwa daqstant importanti li l-pajjiż ikollu sistemi li jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà ta’ kulħadd ħalli dak li ġara lil Miriam u lil Jean Paul ma jiġri qatt iktar. Inkjesta pubblika tista’ toffri dak il-wens. 

More in Socjali