Rafel Grima | Il-Ħajja Studenteska, mikrokożmu ta’ ġenn?

L-għaġġla u n-nuqqas ta ħin liberu qegħdin joħonqulna ħajjitna u ma hemm l-ebda sinjal ta’ tama li l-affarijiet ser jitjiebu. L-urġenza li nagħmlu xi ħaġa dwarha din qiegħda dejjem tikber u ż-żmien ilu li skada. Jekk irridu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna, irridu nitolbu l-azzjoni issa u naraw li din tittieħed

L-esperjenza tiegħi ġewwa l-Università ta’ Malta waslet fi tmiemha u fiż-żmien tiegħi hawnhekk, rajt numru ta’ affarijiet li ddiżappuntawni fosthom il-kwalità tal-ħajja tagħna l-istudenti, il-kultura politika studenteska u d-direzzjoni edukattiva u ekonomika li qiegħda tieħu l-Università. Smajt ħafna qrid dwar dawn l-aspetti kemm ilni nistudja imma ħafna kritika ġustifikata wkoll. 

Fuq livell tanġibbli, il-ħajja studenteska mhijiex sejra għall-aħjar. Nibdew mill-fatt li l-campus mifqugħ karozzi, sar sit ta’ kostruzzjoni permanenti u l-ammont ta’ spazju miftuħ qiegħed ikompli jitnaqqarlu aktar milli jiżdiedlu. Tara porta cabins ma’ kull kantuniera u spazji tal-parkeġġ iktar minn kemm hemm siġar. Lanqas f’dan l-ambjent ma nistgħu naħarbu t-tniġġis tal-arja u t-tnaqqis tal-ispazji pubbliċi. Apparti li vera assurda għalija li ngħix għaxar minuti l-bogħod u kostrett nivvjaġġa lejn l-Università bil-karozza għax is-sistema tat-trasport attwali mhijiex effiċjenti u bir-rota ma nħossnix sigur. 

Barra minn hekk, jiena naħdem żewġ xogħlijiet, u bħali naf li hawn ħafna oħrajn. Nixtieq ngħidilkom li dan nagħmlu għax irrid infaddal, imma l-verità hija li minn dak li ndaħħal ma jifdalx biżżejjed biex infaddal serjament. U nħossni ffurtunat li minkejja dan kollu, nista’ niddependi fuq tad-dar jekk niġi dahari mal-ħajt. Din mhijiex is-sitwazzjoni għal kulħadd, u hawnhekk ninkludi mhux biss lil studenti universitarji imma anke dawk li qegħdin l-MCAST u istituzzjonijiet terzjarji oħra. Il-maġġoranza tal-korsijiet offruti jieħdu mill-inqas għaxar sa ħmistax-il siegħa fil-ġimgħa ta’ lectures u jirrikjedu aktar sigħat ta’ studju u ħidma. Barra minn dan, l-għoli tal-ħajja, l-eżiġenzi ta ’kuljum u l-fatt li ħafna minna eventwalment jixtiequ jitilqu mid-dar fejn kibru, jisfurzana naħdmu ħafna u naħdmu wisq. B’hekk il-prezz li qed inħallsu għall-indipendza tagħna bħala adulti żgħar dejjem qiegħed jikber. 

Il-ħolma sa xi ftit snin ilu kienet li tidħol l-Università, tistudja u tistinka u malli toħroġ issib post tajjeb u tibni familja. Dan it-traġitt illum sar illużjoni, ħolma li ssir realtà għal numru żgħir ta’ studenti biss. Is-suq tal-propjetà sar ġungla li diffiċli tinnavigaha, il-pagi f’Malta staġnaw, il-kundizzjonijiet tax-xogħol qegħdin isiru aktar diffiċli, u agħar minn hekk il-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi splodew. 

Nazzarda ngħid li hemm periklu ieħor mistur taħt din ir-realtà ġdida għalina l-istudenti – in-nuqqas taħ ħin biex niżviluppaw it-talenti u l-gosti u l-pjaċiri tagħna. Ma ’kull student li nitkellem, dejjem nisma’ l-istess dilemma dwar jekk għandhomx inaqqsu mill-ħin li jagħtu għall-attivitajiet extra-kurrikulari, b’mod partikolari l-mużika u l-isport. Verament tħassibni li qegħdin niġu mġiegħla – u ngħidha b'ċertu kunfidenza li din hija problema għal ħafna minna – nitilqu u nabbandunaw it-talenti tagħna biex inlaħħqu max-xogħol u mal-istudju anki meta nafu li x’aktarx ser niggradwaw u l-kwalità taħ ħajjitna ser tibqa’ baxxa xorta waħda. Nixtieq li nimxu ’l bogħod minn din it-tip ta' ħajja lejn waħda fejn il-ħin tax-xogħol jonqos u nsibu iktar ħin biex nagħmlu dak li jogħġobna, anke jekk għandu x’jaqsam mal-impjieg kurrenti tagħna. 

Din hija waħda mit-temi li jiddiskuti David Graeber fil-ktieb tiegħu Bullshit Jobs: The Rise of Pointless Work, and What We Can Do About It (2019). Il-ktieb jindirizza l-ħafna tipi differenti ta’ xogħol li jispiċċaw jagħmlu n-nies filwaqt li jħossuhom li mhumiex jikkontribwixxu valur fis-soċjetà. Bħal pereżempju receptionists li qatt ma jaraw nies, li jaħlu ħinhom kollu jimlew formoli twal u inutli manwalment. F’waħda mill-istejjer li jirrakkonta Graeber, jiddeskrivi l-esperjenza ta’ persuna li xogħolha tikteb rapporti għal kumpanija tal-marketing, rapporti li jitlestew f'ġurnata. Il-bqija tal-ġimgħa, l-impjegat iqattagħha jaħdem fuq proġett li jgħin biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ nies morda bit-tuberkulożi, xogħol li jagħtih ħafna aktar sodisfazzjon. 

Nissuspetta li ħafna minna li ħa jiggradwaw fis-snin li ġejjin ser jispiċċaw f’xogħol li ma jġibilhomx sodisfazzjon u ser iħarsu lejn ħinhom fuq ix-xogħol bħala ħin moħli, ħin li jista’ jintuża għal affarijiet iktar pjaċevoli u interessanti. Din hija waħda mir-raġunijiet għala ma naqbilx mal-insistenza tal-Università ta’ Malta li s-snin fuq il-campus huma snin li jippreparawk għax-xogħol. Mhux kulħadd jirnexxilu jsib ix-xogħol li jrid, id-dinja tax-xogħol preżenti għandha problemi serji relatati ma’ parental leave, sigurtà u saħħa u anke pagi relativament baxxi, li qegħdin iwasslu lin-nies biex jaħdmu aktar minn xogħol wieħed. 

Graeber jagħti suġġeriment interessanti li aħna l-istudenti ta’ min naħsbu ftit dwaru. Huwa jissuġġerixxi li kulħadd għandu jingħata dħul bażiku ta’ madwar $30,000 li jkopri l-ħajja ta’ kuljum sabiex ma nibqgħux niddependu fuq ix-xogħol tagħna għall-għajxien. Dan jagħtina mbagħad diversi opportunitajiet – nistgħu nagħżlu li naħdmu aktar jew inkellha nfittxu esperjenzi ġodda u nesploraw id-dinja ta’ madwarna. Jekk timmodifika dan l-ammont għar-realtà ta’ Malta, joqrob aktar lejn is-€17,000. Din figura simili għad-dħul bażiku suġġerit fl-istudju tal-Living Income maħruġ mill-Moviment Graffitti, il-General Workers’ Union u l-Alleanza Kontra l-Faqar, għal persuna li tgħix weħidha. Minkejja l-mistoqsija leġittima ta’ mnejn ser joħorġu dawn il-flejjes meta l-Gvern imdejjen, konvint li hemm x’jista’ jsir. Il-punt tat-tluq trid tkun il-mistoqsija, resqin lejn paga reali b’saħħitha? Nifilħu ngħixu komdi bid-dħul kurrenti? Nemmen bis-sħiħ li biex noqorbu lejn il-ħolma ta’ Graeber, irridu l-ewwel ngħollu l-paga minima u nirregolaw bis-saħħa s-suq tal-kiri. 

Il-ħajja studenteska tagħna hija mikrokożmu ta' ġenn, ġenn li jħossu kulħadd. L-għaġġla u n-nuqqas ta ħin liberu qegħdin joħonqulna ħajjitna u ma hemm l-ebda sinjal ta’ tama li l-affarijiet ser jitjiebu. L-urġenza li nagħmlu xi ħaġa dwarha din qiegħda dejjem tikber u ż-żmien ilu li skada. Jekk irridu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna, irridu nitolbu l-azzjoni issa u naraw li din tittieħed. 

More in Socjali