Editorjal | Is-sitwazzjoni fil-qasam tal-proprjetà... It-tfal tal-lum se jaffordjaw saqaf fuq rashom?
Il-ġenerazzjoni tal-lum mhux talli ma għandhiex biex tixtri dar bi ġnien, talli qed tissallab biex tixtri appartament b'żewġ kmamar tas-sodod. Aħseb u ara kemm dik il-ġenerazzjoni tal-lum li mhijiex sinjura se jkollha riżorsa biex tgħin lil uliedha jixtru post.
Mhux wisq snin ilu, madwar 20 jew 30 sena ilu, familja middle class kienet - b'żewġ pagi medji - tixtri jew tibni post ta' madwar tliet kmamar tas-sodod, proprjetà spazjuża b'xi ġnien żgħir u ideali għal familja bi tliet itfal. Il-kobor tad-djar, li f'ħafna lokalitajiet wieħed għadu jista' faċilment jarahom (għalkemm bil-mod il-mod qed jitwaqqgħu biex jinbnew aktar kaxxi fuq kaxxi) kienu monument ċkejken ta' bżulija, kumdità u privatezza kif ukoll investiment siewi mill-familji Maltin li llum - għax uħud qed jitwaqqgħu biex isiru flats - qed jirrendu f'ritorn monetarju lill-istess familji. U mhux biss. Wara li kienu jixtru jew jibnu dawn id-djar kbar u spażjużi l-ġenituri jew in-nanniet ta' dawk li llum għandhom 35 jew 40 sena - u f'każi fejn it-tnejn kienu jaħdmu xogħol b'paga medja jew xi ftit aktar - kienu jerfgħu u jsorru għall-bżonn - biex meta uliedhom jikbru jgħinuhom xi ftit biex jixtru l-proprjetà tagħhom huma wkoll. Dak isejħulu "għaqal".
Issa ejja nħarsu lejn is-sitwazzjoni tal-lum.
Minn realtà ta' nies li jixtru d-djar, illum mhux talli dar saret lussu kbir li jrid ikollok pagatella biex tkun tiflaħ tixtriha, talli l-ġenerazzjoni tal-lum, min għandu 20 jew 25 sena qed isibha diffiċli biex jixtri mqar appartament, filwaqt li ħafna oħrajn qed isibuha kważi impossibbli bid-dħul tagħhom biex joħorġu l-10% depożitu u anke biex jikkwalifikaw għall-iskema tal-Gvern li joħroġ - bħala self - dawn l-10%.
Illum, persuna single li għandha impjieg ta' għalliem bi dħul (paga u forsi xi privatijiet li tagħti) ta' madwar €1,600 netti (f'idejha) u li għandha 30 sena, se ssibha kważi impossibbli li tixtri post għal rasha, li ma jkunx ftit ikbar minn toqba ġo ħajt. Dan fi żmien - jekk ma tridx - fejn aktar u aktar nies qed jagħżlu li ma jiżżewġux u jibqgħu jgħixu waħedhom.
Illum, koppja żagħżugħa li għadha tibda d-dinja tax-xogħol fejn iż-żewġ partijiet jaqilgħu €1,200 kull wieħed gross (qabel tinqata' t-taxxa u l-bolla) - b'parti tkun segretarja f'uffiċċju u l-parti l-oħra tkun delivery person, li tagħmel part time f'ristorant - ma għad fadlilha ebda għażla ħlief li tixtri appartament b'kamra tas-sodda waħda biex forsi (u forsi eh!) għada pitgħada tixtri xi ħaġa ikbar.
Studju mill-aktar interessanti iżda li jqajjem tħassib kbir minn Grant Thornton u Dhalia juri biċ-ċar illi dejjem qed jiżdiedu dawk iż-żoni fejn min jaqla' paga medja ( €1,730 - qabel it-taxxa/bolla - skont l-NSO f'Settembru li għadda) lanqas għandu għalfejn jersaq jekk qed ifittex proprjetà ta' tliet kmamar tas-sodod, biex fiha jbni familja. Nibdew primarjament miż-żona ta' Tas Sliema, San Ġiljan, Swieqi u San Ġwann, ibqa' sejjer saċ-ċentru ta' Malta lejn Ħal Balzan, l-Iklin u Ħal Lija u anke jekk titla' 'l fuq lejn il-Mellieħa u x-Xemxija. F'dawn iż-żoni kollha l-prezz medju ta' dawn it-tip ta' proprjetajiet huwa 'l fuq minn €300,000. Iktar minn hekk, jekk tħares lejn iż-żidiet bejn l-2021 u l-2022 issib li f'xi żoni l-prezz tal-proprjetà żdied b'aktar minn 10%, f'sena waħda biss.
Għal min ma jistax jixtri l-għażla l-oħra hija aktar impossibbli. Il-kirjiet ukoll splodew u kirja f'appartament fl-aktar żoni għolja u mfittxija bħal Tas Sliema u San Ġiljan jiswa' medja (median) ta' €1,600 fix-xahar - iktar minn dak li jifdallek f'butek jekk taqla' paga medja.
U l-kirjiet jaqbżu l-€1,000 bħala median f'ħafna żoni oħrajn tal-pajjiż, bl-inqas medja tkun f'Għawdex b'€600 fix-xahar. U ma kellniex bżonn studju lanqas biex jgħidilna li bejn €550 u €600 huwa l-inqas prezz li tista' ssib kirja llum f'żoni oħrajn bħal Wied il-Għajn u Buġibba fejn fl-aħħar snijn inbnew eluf ta' appartamenti ġodda.
Mela l-ġenerazzjoni tal-lum mhux talli ma għandhiex biex tixtri dar bi ġnien, talli qed tissallab biex tixtri appartament b'żewġ kmamar tas-sodod. Aħseb u ara kemm dik il-ġenerazzjoni tal-lum li mhijiex sinjura se jkollha riżorsa biex tgħin lil uliedha jixtru post.
U allura rridu nistaqsu, fejn sejrin minn hawn? Vera li sirna aktar sinjuri? Sirna iktar sinjuri jekk it-tfal tal-lum - jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin kif inhuma - se jsibuha assolutament impossibbli li jixtru darhom? Aħna iktar sinjuri llum meta l-prezz tal-proprjetà żdied b'rata ħafna akbar mill-pagi (għax il-pagi żgur ma rdoppjawx f'dawn id-disa' snin!)? Vera li nħolqot middle-class ġdida? U l-middle class "ġdida" qed tgħix aħjar issa u għada jarah Alla?
Hemm bżonn ninidirizzaw din il-problema serja. Għax bil-flus kollha li ngħidu li għandna it-tfal tal-lum, għada, lanqas se jkollhom biżżejjed biex jixtru jew jikru toqba f'garaxx fejn jgħixu.