Editorjal | Mhux għax aħna ħżiena u Malta spiċċuta imma għax jaqbel lilkom u lil Malta!
Il-Gvern għandu, iva, iħeġġeġ u joħloq aktar opportunitajiet biex iż-żgħażagħ kollha jkollhom esperjenzi kulturali, soċjali u/jew professjonali barra mill-pajjiż. Għax huwa fl-interess ta' Malta li l-Maltin jikbru fl-orizzonti tagħhom u jkabbru l-għarfien tagħhom ta' dak li huwa differenti
Dan l-aħħar qam naqra ta' storbju għax Kristina Chetcuti - is-sieħba tal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil - qalet illi ż-żgħażagħ għandhom jitilqu mill-pajjiż u jerġgħu jiġu b'ħafna ideat u jkunu l-mexxejja tal-futur.
Dan l-editorjal ma jaqbilx mas-sens negattiv li bih pinġiet lil pajjiżna - kważi, kważi qisna qed ngħixu fl-agħar rokna tad-dinja - narrattiva li traġikament saret wisq komuni fuq il-midja soċjali u li xejn mhi tagħmel ġieħ lil pajjiżna. Lanqas naqblu magħha li sal-2013 Malta kienet il-ġenna tal-art, il-fior del mondo, u għax tela' l-Labour sar infern agħar minn dak li fih jgħix Satana. U wisq inqas naqblu mal-ġeneralizazzjoni, li b'dispjaċir tikxef ċerta sens ta' inferjorità f'Malta, illi barra kollox sabiħ, kollox ħarir, kollox ward u żgħar, korruzzjoni xejn, ġustizzja sħiħa biss u insomma elenku ta' ħrejjef oħra - u hawnhekk dlam biss!
Naqblu ħafna iżda mal-punt prinċipali fl-argument tagħha dwar il-bżonn illi ż-żgħażagħ Maltin jikbru fil-ħsieb, fl-esperjenza u fil-mentalità tagħhom billi jfittxu esperjenzi kulturali, soċjali u ta' xogħol barra minn pajjiżna u jiġu lura bl-għerf li jkunu kisbu. Għal wisq snin dan il-poplu kien jaħseb wisq li aħna ċ-ċentru tad-dinja u għal wisq snin konna naħsbu li dak li hemm barra, issibu hawn. L-għeluq fina infusna, l-eżistenza ta' bniedem għal għomru kollha fuq din il-gżira - sabiħa, ikkulurita, metropolitana, imma ċkejkna u allura limitata - tħallih nieqes mit-togħma li tista' tagħtik biss esperjenza barra mill-pajjiż.
Għax huwa meta napprezzaw pajjiżi li kkuraw u ħadu ħsieb is-siġar, in-natura u l-widien tagħhom li nsiru poplu li dejjem nirrealizzaw u napprezzaw l-importanza tan-natura u l-ambjent. Għax huwa meta mmorru f'pajjiżi fejn hemm aktar dixxiplina minna li ngħarfu kemm tiswa' li minflok il-liġi tal-ġungla jkollok il-liġi tal-ordni. Għax huwa meta nesperjenzaw kulturi differenti, reliġjonijiet u soċjetajiet differenti - u nidħlu fid-djar u mal-familji li għandhom twemmin, użanzi u mentalità differenti li nitgħallmu mhux biss kemm huwa importanti ir-rispett lejn dak li huwa differenti, imma nitgħallmu wkoll napprezzaw aktar dak li jagħmel lilna Maltin, il-kultura u l-użanzi tagħna. Meta niftħu mezzi ta' komunikazzjoni ma' popli oħrajn, nitgħallmu aktar dwarhom, insiru nafu l-lingwi u l-istorja tagħhom, inkunu fil-fatt qegħdin nagħmlu lilna infusna aktar sinjuri fl-għerf u allura insiru poplu b'riżorsa u kapaċità akbar.
Sa ċertu punt, dan diġà qed isir hekk kif tant Maltin jagħmlu żmien jaħdmu jew anke jistudjaw barra minn pajjiżna, fejn jikbru mhux biss fl-esperjenzi imma wkoll fl-abilità jew fl-ispeċjalizzazzjoni fil-qasam li fih jgħixu.
Il-Gvern għandu, iva, iħeġġeġ u joħloq aktar opportunitajiet biex iż-żgħażagħ - u ż-żgħażagħ kollha mhux dawk f'edukazzjoni terzjarja biss - ikollhom esperjenzi kulturali, soċjali u/jew professjonali barra mill-pajjiż. Għax huwa fl-interess ta' Malta li l-Maltin jikbru fl-orizzonti tagħhom u jkabbru l-għarfien tagħhom ta' dak li huwa differenti.
L-aktar li għandu jieħu ħsieb il-Gvern huma dawk iż-żgħażagħ li ġejjin minn sfond vulnerabbli u allura ma jistgħux ikollhom dawn l-esperjenzi. Mhux qed nipproponu li l-Gvern jagħti vaganzi b'xejn! Imma li joħloq inizzjattivi biex iż-żgħażagħ ikollhom il-permess minn min jimpjegahom b'liv speċjali, sabiex jipparteċipaw fi skemi ta' ftit jiem, ġimgħa jew ftit ġimgħat li matulhom jitgħallmu jsiru għalliema, pulizija, mastrudaxxi, bdiewa, studenti, kokijiet, waiters, konsulenti fl-informatika, bankiera (u tant aktar) aħjar.
Il-Partit Nazzjonalista kien għamel wegħda partikolari fl-aħħar kampanja elettorali. F'Punt 442 il-PN wiegħed hekk: "Nagħtu vawċer ta’ €500 liż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena għal ivvjaġġar sportiv jew kulturali, ħalli jwessgħu il-perspettiva sportiva u kulturali tagħhom."
Forsi bħalissa l-flus huma xi ftit ta' problema minħabba li l-Gvern - b'mod ġustifikat - ħareġ tant għall-Covid. Imma l-Gvern ma għandux jara dawn il-flus bħala spiża, iżda bħala investiment fit-tul sabiex iż-żgħażagħ Maltin ikabbru l-orizzonti u l-għerf tagħhom.
Poplu li vjaġġa, li akkwista l-għarfien dwar popli u kulturi differenti, poplu li tkellem ma' nies differenti, li fehem kulturi differenti, poplu li esperjenza pajjiżi li forsi huma ekonomikament batuti u fejn l-opportunitajiet ekonomiċi ma jeżistux, poplu li ra l-ġid jew inkella l-faqar ta' soċjetajiet oħrajn huwa poplu sinjur: Mhux fil-flus u fil-but, imma fl-esperjenzi.
U l-flus jispiċċaw imma l-għerf u l-esperjenzi jibqgħu.
Mela iva, minn dan l-aspett naqblu ma' Chetcuti. Ippakkjaw u morru barra l-pajjiż, mhux għax aħna ħżiena u l-oħrajn tajbin. Mhux għax barra minn Malta ġenna u hawn infern. Mhux għax perfetti u aħna difettużi.
Imma għax l-għerf li takkwistaw mill-esperjenzi li meta tmorru barra minn Malta u tesperjenzaw dinjiet ġodda, jkun jaqbel lilkom u lil pajjiżkom.