Alex Agius Saliba | Nieħdu ħsieb is-saħħa tas-smigħ

Flimkien mal-Malta Association of Audiologists se nkunu qed nerġgħu noffru it-testijiet bla ħlas sabiex aktar nies ikollhom l-opportunita' li jipprevjenu t-telf tas-smigħ. Din se tgħinna wkoll niġbru kampjun akbar ta' riżultati u allura ser ikollna idea aktar ċara tas-sitwazzjoni f'pajjiżna 

L-avvanzi kbar li saru fix-xjenza u t-teknoloġija jilgħabu rwol importanti ferm fil-kura tas-saħħa tal-bniedem. Sfortunatament pero’ jidher li minkejja r-riċerka u l-kura professjonali li teżisti, is-saħħa tas-smigħ għadha ma tingħatax biżżejjed importanza. Huwa stmat li madwar l-Ewropa hawn madwar 196 miljun persuna li għandhom telf ta’ smigħ, filwaqt li minn tal-inqas madwar 22.6 miljun persuna għandhom problemi tas-smigħ mhux trattati.  

Ilkoll nafu li s-smigħ jinfluwenza l-kwalità tal-ħajja, iżda ħafna drabi l-effetti sekondarji u l-konsegwenzi tat-telf tas-smigħ ma jingħatawx prijorità. It-telf tas-smigħ jaffettwa aktar mill-kapaċità tagħna li nipperċepixxu l-ħoss, fejn jista’ jkun akkumpanjat ukoll minn komorbiditajiet fatali jew li jirriżultaw fi spejjeż kbar. Minbarra li jiżdied ir-riskju ta’ waqgħat, l-istudji wrew li t-telf tas-smigħ iżid ir-riskju ta’ tnaqqis konjittiv. Fil-fatt, is-smigħ huwa l-iktar fattur ta’ riskju modifikabbli għall-prevenzjoni ta’ tnaqqis konjittiv. It-telf tas-smigħ mhux ittrattat jista’ jwassal ukoll għal iżolament soċjali, solitudni u kundizzjonijiet tas-saħħa mentali, u kif ukoll kwistjonijiet serji tas-saħħa fiżika inkluż żieda fil-pressjoni tad-demm u l-livelli taz-zokkor fid-demm li jżid r-riskju tad-dijabete.  

Hija sfortuna li minħabba nuqqas ta’ attenzjoni għas-saħħa tas-smigħ, miljuni ta’ Ewropej qed ikollhom jaffaċċjaw ħafna aktar problemi ta’ saħħa li jistgħu jiġu evitati. Aktar minn hekk, jirriżulta li madwar l-Unjoni Ewropea, l-ispiża tal-qgħad, it-tnaqqis fil-produttività, u l-irtirar bikri minħabba telf ta’ smigħ mhux ittrattat hija stmata li tilħaq madwar EUR 185 biljun fis-sena. Meta jiġu inklużi spejjeż mhux mediċi jew spejjeż mediċi għal komorbiditajiet u kumplikazzjonijiet oħra ta’ saħħa, l-ispiża reali tat-telf tas-smigħ hija stmata li titla’ għal madwar EUR 213 biljun, somma li tiżboq dik tal-baġit allokat għall-Unjoni Ewropea bil-bosta. 

Dan in-nuqqas ta’ attenzjoni huwa primarjament attribwit għal nuqqas ta’ informazzjoni li jgħin lin-nies biex jieħdu l-passi meħtieġa u jikkuraw problemi tas-smigħ. Għaldaqstant bħala Membru Parlamentari Ewropew u anke fil-kariga tiegħi ta’ Chair tal-Forum dwar is-Saħħa tas-Smigħ tal-Unjoni Ewropea, matul dawn l-aħħar snin ħdimt u ħadt inizzjattiva f’dan il-qasam bil-għan li jiżdied l-għarfien. Infatti matul is-sena li għaddiet, flimkien mal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalita’ tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, kont nedejt proġett pilota f’Malta bil-għan li jiġu identifikati każijiet ta’ nuqqas ta’ smiegħ. Permezz ta’ dan il-proġett ġiet analizzata s-saħħa tas-smiegħ ta’ madwar ħames mitt ċittadin Malti bil-għan li jiġi evitat aktar deterjerazzjoni tas-saħħa tas-smiegħ tagħhom, imma wkoll sabiex ikunu jistgħu jingħataw gwida professjonali għall-kura meħtieġa biex itejbu s-saħħa tas-smiegħ u fl-aħħar mill-aħħar, il-kwalita’ tal-ħajja tagħhom.  

Sabiex inkomplu nibnu fuq dan is-suċċess, matul din il-ġimgħa, flimkien mal-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, erġajt nedejt din l-inizzjattiva għat-tieni sena konsekuttiva, fejn flimkien mal-Malta Association of Audiologists se nkunu qed nerġgħu noffru dawn it-testijiet bla ħlas sabiex aktar nies ikollhom l-opportunita' li jipprevjenu t-telf tas-smigħ. Din l-inizzjattiva ser tkun qed tgħinna wkoll sabiex niġbru kampjun akbar ta' riżultati u allura ser ikollna idea aktar ċara tas-sitwazzjoni f'pajjiżna. Din id-darba s-sessjonijiet se jkunu qegħdin isiru fil-lokalitajiet taż-Żurrieq, Ħaż-Żebbuġ u l-Birgu. 

Nemmen li s-saħħa tas-smigħ hija element importanti ħafna fis-sistema tas-saħħa tagħna u għaldaqstant inħares ‘il quddiem għal aktar kollaborazzjoni u ħidma proattiva f’dan is-settur, li anke qed tiġi rikonoxxuta fuq livell internazzjonali. Riċentament, Patrick D'Haese, il-Koordinatur Internazzjonali tal-Hearing Health Forum, faħħar din il-ħidma u minkejja li huwa l-iżgħar Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, huwa qal li pajjiżna qiegħed ikun meqjus bħala mudell uniku fl-isfera internazzjonali fejn jidħlu testijiet ta’ smigħ mingħajr ħlas. Fil-kariga tiegħi ta’ Chair tal-Forum dwar is-Saħħa tas-Smigħ tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll fl-irwol li qed naqdi permezz tal-ħidma favur id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilita’ fuq livell Ewropew, huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nara lil pajjiżi jkun minn ta' quddiem b'dawn l-inizjattivi li jwasslu biex iċ-ċittadini tagħna jkollhom ħajja aktar sana, u li fl-aħħar mill-aħħar ikomplu jimbuttaw ‘il quddiem l-aġenda tal-Gvern favur aktar inklużjoni. 

More in Socjali