Owen Bonnici | Inkomplu nagħtu nifs is-settur mużikali

Se nibqgħu nkunu ta’ spalla għall-Artisti. Bħala Gvern nemmnu bi sħiħ li s-settur kulturali u kreattiv f’pajjiżna huwa pilastru soċjali u ekonomiku importanti li rridu narawh ikompli jiżviluppa permezz ta’ aktar opportunitajiet u sostenn dirett lill-artisti lokali

Is-Settur mużikali huwa wieħed indispensabbli fejn tidħol id-diversità kulturali u t-tisħiħ tal-kultura tagħna. Bħala lingwa universali mifhmuma minn kulħadd, il-mużika hija strumentali għaliex minnha nnifisha hija medju uniku u kreattiv għas-soċjetà u l-individwu. 

Fid-dawl ta’ bidliet diġitali li qed naraw iseħħu madwarna, b’settur fejn qed iktar ma jmur qed isir kompetettiv minħabba ż-żieda ta’ artisti, is-settur tal-mużika jinsab fi trasformazzjoni kontinwa.  

Infatti matul dawn l-aħħar  snin, dan wassal għal bidliet fundamentali fil-mod kif il-mużika tinħoloq, tiġi prodotta, distribwità u monetizzata. 

Għalhekk permezz ta’ appoġġ kontinwu biex is-settur u l-fergħat tiegħu jiġu megħjuna biex isiru aktar kompetittivi fis-suq globali u biex jiġu indirizzati l-problemi. 

Fil-bidu tal-2020, il-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 laqtet is-settur b’mod partikolarment iebes u wasslet għal sfidi ġodda fejn tidħol is-sostenibbiltà tal-ekosistema kollha tal-mużika minnha nnifisha.  

Għaldaqstant, issa li qed inħarsu ‘l quddiem, jinħass il-bżonn li jinstabu pjattaformi u skemi biex nibqgħu ngħinu lill-mużiċisti jkomplu jimirħu bl-għanijiet tagħhom. 

Rock N Malta 

Riċentament nedejna sejħa għall-applikazzjonijiet tal-fond ta’ Rock’N Malta. Din l-inizjattiva toffri sapport permezz ta’ fondi lill-organizaturi, bands u artisti li jipproduċu kunċerti tal-ġeneru rock, kif ukoll is-sottoġeneri tiegħu. L-applikazzjonijiet huma miftuħa għal avvenimenti li ser isiru fl-2023.B’kollox qed jiġu allokati total ta’ €300,000 f’fondi. 

Din hija inizzjattiva sabiħa sabiex nagħtu opportunita’ lit-talent lokali fil-kamp tar-rock jesebixxi l-ħiliet tiegħu u anke nattiraw talent barrani biex jagħti performances f’pajjiżna.  Fl-istess waqt se nkunu qed naħdmu id f’id mas-settur privat, promoters, artisti lokali u l-NGOs sabiex ikunu huma l-ixprun ta’ dawn il-kunċerti. 

Permezz ta’ Rock’N Malta, se nkompli ninvestu fil-ġeneri tal-mużika varjati li għandna f’pajjiżna. L-għan ta’ aħħari hu li nagħtu diversi opportunitajiet lill-artisti tagħna. Flimkien ma’  Festivals Malta, fejn qed jigi organizzati diversi festivals ta’ forom differenti t’arti u ta’ kull ġeneru mużikali, inkluż mużika bil-Malti, jazz, klassika, u aktar, b’dan il-fond qiegħdin niffukaw ukoll fuq il-mużika rock u s-sottoġeneri kollha tagħha. 

Rock’N Malta ġie mwaqqaf minn Festivals Malta fl-2017. Tul is-snin, Rock’N Malta ospita artisti bħal Dream Theatre, Dee Snider, Steve Hackett, Krokus, u oħrajn. Kien ukoll ta’ sostenn għal diversi bands, artisti u festivals lokali oħra marbuta ma’ dan il-ġeneru tal-mużika 

Mużika Mużika 

Nedejna wkoll l-applikazzjonijiet għat-tielet edizzjoni tal-festival. 

It-tielet edizzjoni ta’ Mużika Mużika li ser isir bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu 2023. 

Nixtieq minn qalbi nfaħħar it-tim organizzattiv għax-xogħol tajjeb li qed isir f’dan il-festival.  Irridu nkomplu ninvestu f’dan il-festival li jservi wkoll bħala pjattaforma fejn l-artisti jesponu t-talenti tagħhom bil-lingwa nattiva tagħna. 

Dan il-Festival jiċċelebra l-ġmiel tal-kanzunetta Maltija,  ħaġa sabiħa ħafna li nuru apprezzament għall-lingwa u l-mużika Maltija b'mod hekk sabiħ. 

Ser inkomplu naħdmu biex dan il-Festival ikompli jkun ta’ suċċess sena wara sena u jibqa’ jkun appuntament annwali. Irridu niżguraw li aktar kantanti Maltin ikollhom opportunitajiet biex ikomplu jibnu l-karrieri mużikali tagħhom b’mod professjonali u bl-ogħla livell, kif nistgħu naraw f’dan il-Festival. 

Perzwaz li  Mużika Mużika se  jkompli jilħaq ġeneri mużikali aktar diversi. Jiena kburi bix-xogħol li qed isir. Mużika Mużika kontinwament jissupera l-aspettativi, kemm fuq livell ta’ produzzjoni, kif ukoll fl-ambitu kreattiv. 

Inħeġġeġ lill-kantanti, l-kompożituri u l-awturi biex ma jitilfux l-opportunità li jkunu parti mill-istorja ta’ dan il-festival tant prestiġġjuż. 

Aħna ser nikkommettu ruħna li għal dabr’oħra nipproduċu festival tal-ogħla livell, kemm għall-kantanti, l-kompożituri u l-awturi li ser jieħdu sehem, kif ukoll għall-udjenzi tagħna. Ninsab ċert li l-edizzjoni tal-2023 ser tkun ta’ suċċess bħall-edizzjonijiet preċedenti. 

Filmat Mużikali “Bla Tarf” 

Tnieda wkoll il-filmat tal-kanzunetta Bla Tarf interpretata minn Kurt Calleja, fuq kitba ta’ Kurt Calleja u kompożizzjoni ta’ Kurt Calleja, Aleandro Spiteri Monsigneur u Peter Borg, tirrakonta storja ta’ koppja li ssuperat kull ostaklu. Il-vidjow mużikali interpreta din l-istorja bi stil impressjonistiku. 

Filmat Mużikali emozzjonanti u mill-isbaħ, li biex ittella’ rrikjeda diversi sigħat ta’ xogħol mit-tim dedikat ta’ Festivals Malta u bosta professjonisti fis-settur.  

Dan il-filmat mużikali beda jiġi ppjanat proprju minn ftit ġimgħat wara l-festival, u għalih involvejna għadd ta’ professjonisti fl-industrija, biex niżguraw il-kwalità tal-prodott finali u s-sigurtà fuq is-set. 

Rockestra 

Fl-10 ta’ Settembru li ġej ser issir it-13-il edizzjoni ta’ Rockestra, bit-tema “I love rock ‘n’ roll”. 

Din is-sena ser tkun edizzjoni speċjali fuq żewġ binarji hekk kif ser issir fiż-żona miftuħa tal-MFCC f’Ta Qali u b’udjenza bilwieqfa. 

Nesprimi apprezzament lejn it-tim kbir li jaħdem volontarjament fuq Rockestra biex fl-aħħar mill-aħħar tingħata għajnuna lil bosta persuni li jibbenefikaw minn The Malta Community Chest Fund Foundation.  

Minn qalbi nappella lill-pubbliku biex jattendi għal dan l-avveniment b’għan nobbli u li jippromwovi t-talent Malti. 

Fost il-kantanti li ser jieħdu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena hemm Kevin Paul, Moira Stafrace, Drakard, Ira Losco u Jotham. 

Strateġija 2025— Isma. Oħloq. Imraħ 

Riċentament biex inkomplu nsaħħu l-arti u l-kultura nedejna l-Istrateġija li tistabbilixxi l-viżjoni, il-missjoni, u l-għanijiet tal-Kunsill Malti għall-Arti għas-snin li ġejjin.  

Din l-iStrateġija tistipula tliet temi maġġuri—‘Isma. Oħloq. Imraħ—li jservu bħala pont bejn l-għanijiet u l-prinċipji strateġiċi, kif ukoll l-oqsma fundamentali tal-Kunsill Malti għall-Arti. 

Iffukajna fuq parteċipazzjoni akbar mal-entitajiet u mas-settur privat, kif aħna nistgħu nilquhom b’mod aktar dirett, kif aħna nistgħu ninjettaw flus b’mod aktar dirett u b’mod aktar effettiv lin-nies li jaħdmu fis-settur tal-industrija kreattiva u naturalment ħadna inkonsiderazzjoni r-realtá li qed ngħaddu minnha llum. 

Din l-istrateġija hija strument li se jikkontribwixxi sinifikament għall-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali Kulturali 2021. Strateġija 2025 ġiet żviluppata fi sħab ma’ numru ta’ partijiet interessati mis-setturi kulturali u kreattivi, kif ukoll membri tal-pubbliku li jgħożżu l-arti u l-kultura. 

L-għan ewlieni biex il-kultura u l-arti jikkontribwixxu għal kwalitá ta’ ħajja aħjar.  Parteċipazzjoni aktar wiesgħa fl-arti u l-kultura twassal għal aktar innovazzjoni, involviment kulturali, legat artistiku, ċittadinanza attiva, u t-tisħiħ ġenerali tal-benesseri—u dan huwa fejn l-Istrateġija hija essenzjali. 

Kemm huma importanti d-drittijiet kulturali fil-kuntest tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli għandhom jiġu enfasizzati u jkunu direttament relatati mal-Istatus tal-Artist.  

Permezz ta’ din l-Istrateġija, aħna qegħdin nadottaw approċċ miftuħ, kollaborattiv, parteċipatorju, u faċilitattiv f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kif nimplimentaw il-miżuri tagħna fis-snin li ġejjin, kif ukoll il-mod ta’ kif aħna nixtiequ nwettqu dan. 

Se nibqgħu nkunu ta’ spalla għall-Artisti. Bħala Gvern nemmnu bi sħiħ li s-settur kulturali u kreattiv f’pajjiżna huwa pilastru soċjali u ekonomiku importanti li rridu narawh ikompli jiżviluppa permezz ta’ aktar opportunitajiet u sostenn dirett lill-artisti lokali. 

More in Socjali