Audrey Friggieri | 'Irrid narak kollok' qalilha BrnyЖ11ZX - L-abbuż sesswali onlajn

It-teknoloġija diġitali sfortunatament isservi wkoll bħala għodda fit-tixrid tal-vjolenza sesswali u l-fastidju, b’effett partikolarment perikoluż minħabba l-anonimità, il-firxa wiesgħa, u l-velocita’ tremenda tal-internet

Nicola (isem fittizju) kellha tibdel l-iskola fil-form 4. Sirt nafha peress li kont inkarigata biex nieħu ħsieb l-istudenti tar-raba’ sena. Xtaqt ngħinha tħossha milqugħa fostna, anke peress li daħlet f’nofs is-sena u ma kienet taf lil ħadd. Ma kinitx faċli nikkomunika magħha, u kull darba li ltqajna  fl-iskola, l-espressjoni ta’ wiċċha kienet tkun distanti, magħluqa. Kellha xagħarha maqtugħ qasir ħafna minn-naħa waħda, u twil sa spallejha fuq in-naħa l-oħra. Qalgħet twissijja mal-ewwel minħabba l-istil kreattiv ta’ xagħarha. Innutajt li kienet tipprova taħbih billi titgeddes fl-iscarf oħxon navy blue li kien ikun imtella’ sa widnejha.  Qatt ma kienet tħarisli f’għajnejja, u kont inħossni qed nitkellem waħdi quddiem ħajt, nagħżaq fl-ilma. Kienet titkellem mill-inqas hi,  tirrispondini bil-monosillabi, tant li kont nistħajjilni xi investigatriċi, nistaqsi mistoqsija wara l-oħra biex forsi nislet xi informazzjoni li titfa’ iktar dawl fuq misteru.  

Wara xi ġranet minn mindu bdiet tiġi l-iskola tagħna, iltqajt ma’ missierha -  raġel daħkan, liebes pulit, edukat. Kif waslet bintu fil-kamra, l-ewwel m’għamel qabdilha idha u ħarbtilha xagħrha. Xtaq li hi tkun preżenti fil-laqgħa ta’ bejnietna,  kienu ftehmu minn qabel. 

Ħadt gost li Nicola dehret komda bil-preżenza ta’ missierha, minkejja li ftit qabel kienet qalet li aħjar ma jiġi xejn. Ma stajtx intiha tort. Storja bħal tagħha aktarx li ma kinitx faċli, almenu mill-ftit li kont naf. 

Kien diffiċli għalija nisma’ dak li għaddiet minnu Nicola, u dak li ġarrab missierha wkoll. Bħala mara, kif ukoll bħala omm, stajt nifhem dak li bdew jirrakkuntawli. Li ma stajtx nifhem forsi kienet ir-realta’ tal-midja soċjali fil-ħajja taż-żgħażagħ. Dik ma kellniex fit-tmeninijiet. 

Nicola kienet ftit overweight u kellha nuqqas ta’ stima lejha nnifisha minħabba dan. Anke għaddiet minn ibbuljar fl-iskola primarja kif ukoll f’dik sekondarja.  

Bħal ħafna oħrajn tal-eta’ tagħha, Nicola kienet tqatta’ ħafna ħin fuq il-midja soċjali u tilgħab onlajn. Darba waħda meta kienet f’nofs logħba wieħed ġuvni li kienet ilha xi ġimgħat tilgħab u titkellem miegħu  talabha ritratt tagħha, għax kif qalilha hu, kien ilu jaħseb kemm kellha personalita’ attraenti u kemm kienet intelliġenti.  

Nicola niżlulha għasel il-kumplimenti tiegħu, għax anke hi kienet inġibdet lejh fil-logħba. Marret tfittex, u sabet ritratt tagħha li fl-opinjoni tagħha kien l-aħjar fost il-koroh kollha li kellha. Kien ritratt ta’ wiċċha wara li kienet ġiet lura mingħand il-hairdresser, bi stil u kulur ġdid f’agħarha. Skontha, l-isbaħ mill-fattizzi tagħha kienu għajnejha kbar ħodor, bħal tal-mama’, li kienet ħalliethom ftit xhur qabel. Kien dak ir-ritratt li ddeċidiet li tibgħatlu lil BrnyЖ11ZX.  

‘Wow xi ġmiel t’għajnejn!’ qalilha. ‘Imma mhux ir-ritratt li stennejt’, kompla ftit wara.  

Nicola ħasset għafsa ta’ qalb. Lanqas għal dan ma kienet sura! 

‘Mela x’ritratt stennejt?’, staqsietu bi sforz, għall-kurżita’.  

‘M’għandekx wieħed full length? Irrid narak kollok’, qalilha.  

Nicola bagħtitlu ritratt tagħha bit-track suit li kienet xtrat l-aħħar, tad-ditta. Kienet traqqaqha, fil-fehma tagħha, u dejjem tajjeb tidher sportiva u relax, ħasbet.  

‘Sabiħa’, qalilha  BrnyЖ11ZX. Dak il-kumpliment niżlilha għasel lil Nicola.  

Imbagħad ftit wara: ‘Jaqaw inti ma taħsibx li int sexy’? 

Nicola tħawdet. ‘X’jiġifieri?’, staqsietu.  

‘Għax is-soltu t-tfajliet sbieħ juruni ġisimhom kollu, mingħajr ħwejjeġ... Imqar tneħħi t-top’. 

Nicola kienet id-dar waħedha, imma xorta sakkret il-bieb u ħadet ritratt ta’ sidirha, kif talabha dak il-ġuvni li qatt ma kienet iltaqgħet miegħu qabel, ħlief bħala avatar fil-logħba.  

Bagħtitlu sensiela ta’ ritratti tagħha kif xtaqhom hu, biex togħoġbu, u tikkonvinċih li anke hi sexy. Hu ikkonfermala, u qalilha li xi darba ried jiltaqa’ magħha, u joħorġu fuq date.  

Nicola kienet ferħana se ttir. Issa anke hi kellha boyfriend, u sħabha daqshekk kienu se jweġġgħuha bi kliemhom għax hi ma kelliex il-figura ideali, u kienet l-unika waħda fil-klikka li qatt ma kienet ħarġet ma’ ġuvni qabel.  

Ma damitx wisq ferħana. 

Ġimgħa biss wara li kienet bagħtet dawk ir-ritratti kif xtaqhom BrnyЖ11ZX, bdiet tirċievi ħafna messaġġi kattivi mingħand nies li ma tafhomx u kummenti ta’ żufjett mingħand nies li kienet taf. Ir-ritratti tagħha b’ġisimha mikxuf kienu kullimkien, kulħadd kien rahom, u d-dinja kollha kienet qed tgħid u tiddieħaq biha!! Hi kienet biss ċajta għal BrnyЖ11ZX, u xtaqet tmut, kif fil-fatt kienu qed jgħidulha biex tagħmel dawk il-ħafna messaġġi tal-waħx li ma setgħux jieqfu, lejl u nhar. 

Nicola minn dakinhar issakkret f’kamritha, bdiet tirrifjuta l-ikel, waqfet tinħasel, u ma riedet tara u tkellem lil ħadd. Missierha kellu jkisser il-bieb fl-aħħar. It-tfajla kienet kienet qed tweġġa’ lilha nnifisha, u sabha fi stat ħażin ħafna, tant li kellha bżonn tal-kura fl-isptar.  

Sadanittant, kien sar rapport lill-pulizija, u kienet qed issir investigazzjoni. 

Meta ħarġet mill-isptar Nicola bdiet tiltaqa’ ma’ terapista, fejn bdiet il-vjaġġ tal-fejqan emozzjonali. Kienet saritilha ħafna ħsara, u kellha tbiddel l-iskola biex tibda paġna ġdida.  

Issa kienet quddiemi. Missierha qalli li  kienet għamlet ħafna progress, u li kienet tgħallmet ħafna mill-esperjenza. Qalli li kienet għadha qed tara t-terapista.  

Dan li għaddiet minnu Nicola onlajn jgħaddu minnu  żgħażagħ oħrajn u anke tfal u adulti, kullimkien fid-dinja. Kemm nisa kif ukoll irġiel jistgħu jiġu abbużati, iżda jistgħu ikunu wkoll huma stess li jattwaw il-vjolenza sesswali onlajn. Ir-riċerka turina li n-nisa, bniet, kif ukoll persuni gay, bisesswali, trans, u intersex huma iktar fir-riskju li jiġu abbużati sesswalment b’dan il-mod.  

Forom varji ta’ vjolenza sesswali u fastidju, anke onlajn, huma riżultat ta’  twemmin u atitudnijiet ħziena dwar il-ġeneru u s-sesswalità maħluqa mis-soċjetà stess, u dawn jissarrfu f’atti li jippruvaw iġibu l-mistħija u t-tort fuq il-persuni vvittimizzati. Jissarrfu wkoll f’relazzjonijiet ta’ manipulazzjoni u kontroll li jagħmlu ħafna ħsara lill-individwi konċernati u lil dawk ta’ madwarhom.  It-teknoloġija diġitali sfortunatament isservi wkoll bħala għodda fit-tixrid tal-vjolenza sesswali u l-fastidju, b’effett partikolarment perikoluż minħabba l-anonimità, il-firxa wiesgħa, u l-velocita’ tremenda tal-internet.  

Ċempel 179 għas-sapport u għall-gwida f’każijiet ta’ abbuż u fastidju onlajn.  

More in Socjali