Marie Louise Coleiro Preca | Ħuti. Ħutna....

Għal xi wħud li jaraw lil bnedmin ta’ kulturi u/jew kulur differenti bħala anqas minna, l-argument tagħhom huwa li dawn se jimponu fuqna l-kultura tagħhom.  Lil dawn in-nies li jirraġunaw b’dan il-mod jiddispjacini għalihom, għaliex narahom li għadhom jgħixu taħt l-influwenza tal-kolonnja... 

L-20 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Ġnus Maqgħquda tfakkar Il-Jum Dinji tar-Refuġjati.  Dan huwa jum iddedikat biex  niftakru f’dawk il-miljuni ta’ persuni, familji, żgħażagħ u tfal li kellhom jitilqu darhom u pajjiżhom biex jaħarbu mill-gwaj tal-gwerrer, kunflitti, persekuzzjoni, faqar, effetti qawwi tat-tibdil fil-klima u sitwazzjonijiet oħra prekarji. 

Fl-aħħar għaxar snin il-popolazzjoni tar-refuġjati madwar id-dinja, irdoppjat.   

Skont il-UNHCR hemm aktar minn 84 miljun ruħ li kellhom jaħarbu minn djarhom u kważi 27 miljun ruħ minnhom huma refuġjati.  Dan huwa l-akbar numru ta’ refuġjati li qatt rat id-dinja.  Dan in-numru ma jiħux in konsiderazzjoni il-kriżi ta’ refuġjati mill-Ukrajna.   

Huwa stmat li madwar 35 miljun minn din il-popolazzjoni huma tfal taħt it-18-il sena.  Dan ifisser li 42% ta’ dawk kollha li kellhom jaħarbu minn darhom  jew inkella twieldu fil-proċess tal-immigrazzjoni, huma tfal. 

Fil-ħarba ta’ dawn in-nies minn pajjiżhom f’din in-naħa tad-dinja, eluf ma jirnexxilhomx jaslu f’ambjent sigur.  Fir-reġjun tagħna eluf jitilfu ħajjithom fil-baħar Mediterran.  Il-Papa Frangisku li kien magħna ftit tal-gimgħat ilu, jiddiskrivi l-baħar Mediterran, bħala ‘ċimiterju kbir’.  Nies oħra jinqabdu fil-kampijiet fil-Libja fejn sfortunatament huma magħrufa għat-tortura, stupru, skajvitù u persekuzzjonijiet oħra. 

Dawk li jirnexxielhom jaslu f’art Ewropea, ħafna drabi m’humiex milqugħa.  F’pajjiżna, uħud minnha xejn ma narawhom sbieħ, anzi hemm fostna li jehdew joffendu u jinsultaw lil dawn l-imsejkna bnedmin bħalna. 

Dawk fostna li jaġixxu b’dan il-mod lanqas jirrealizzaw li aħna bħala ġens, aħna ġens migrant. Poplu li tant eluf minn fostna kellhom jitilqu kollox warajhom biex isibu x-xogħol biex jiksbu ħajja u għixien diċenti.   

Għal xi wħud li jaraw lil bnedmin ta’ kulturi u/jew kulur differenti bħala anqas minna, l-argument tagħhom huwa li dawn se jimponu fuqna l-kultura tagħhom.  Lil dawn in-nies li jirraġunaw b’dan il-mod jiddispjacini għalihom, għaliex narahom li għadhom jgħixu taħt l-influwenza tal-kolonnja u li għadhom ma fehmux li minn jikseb l-indipendenza u l-ħelsien tal-ħsieb, ma jħossux mhedded minn kulturi u kulur tal-ġilda.  Ma jħossux inferjuri u beżgħan li xi ħadd se jisraqlu ‘l mod kif jagħzel biex jgħix. 

L-argument l-ieħor huwa li f’Malta m’għandniex spazju għalihom.  Filwaqt li l-kwistjoni ta’ l-immigrazzjoni fil-Mediterran u n-nuqqas ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi speċjalment minn dawk Ewropej, tirrifletti n-nuqqas ta’ solidarjetà, empatija, rispett u għarfien, u tirrifletti fuq it-telfien tal-valuri Ewropej. Iżda jien nistaqsi, kif imbagħad mill-istatistika ppubblikata mill-Aġenzija Jobsplus li giet ippubblikata f’dawn il-jiem, insibu li wieħed minn kull erba' ħaddiema f’Malta huwa barrani. Kwazi 28% huma ħaddiema barranin sa Settembru 2021. 

Jien nistaqsi lil dawk li jgħidu li m’għandniex spazju kif imbagħad aktar minn kwart tal-ħaddiema f’Malta huma barranin. 

Allura din mhix diskriminazzjoni fl-aqwa tagħha kontra ċertu razzez ta’ bnedmin! 

Allura dan mhux razziżmu? 

More in Socjali