Il-Ġustizzja Soċjali u l-Inklużjoni huma l-valuri ewlenin tagħna, hekk kif tiġi msawra s-soċjetà tagħna fis-snin li ġejjin
Artiklu minn Mark Musù, Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli
Il-Maltin ilkoll jagħtu importanza lill-livell għoli ta’ protezzjoni li tipprovdi s-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ pajjiżna, filwaqt li b’mod leġittimu jistennew titjib kontinwu sabiex ikunu jistgħu jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ġodda tal-bidliet u tal-isfidi emerġenti fis-soċjeta’.
Firxa wiesgħa tal-popolazzjoni tirċievi benefiċċji kemm ta’ natura kontributorja u kemm ta’ natura mhux kontributorja, fejn dawn ivarjaw minn pensjonijiet għal għajnuniet soċjali, minn assistenzi għall-familji għal għajnuniet għal mard, flimkien ma’ benefiċċji ta’ waqt l-impjieġ għal assistenzi u benefiċċji ta’ waqt il-qgħad.
Lura fl-1948, il-liġi Maltija kienet diġà bdiet tipprovdi pensjonijiet mhux kontributorji, li bdew jingħataw skond eżami tal-mezzi, lil persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena, filwaqt li fis-snin ta’ wara ħadet ħsieb li tkopri kategoriji oħrajn ukoll.
Iżda l-ewwel sinjali veri ta’ stat soċjali kienu bdew jinbtu daqs tmien snin wara, bil-promulgazzjoni ta’ żewġ liġijiet ferm importanti – l-Att dwar l-Assigurazzjoni Nazzjonali fis-7 ta’ Mejju 1956 u l-Att tal-Assistenza Nazzjonali ftit tal-ġimgħat wara – flimkien mat-twelid konkorrenti tad-Dipartiment tas-Siġurta’ Soċjali, li f’dak iż-żmien kien magħruf bħala d-Dipartiment tal-Emigrazzjoni, tax-Xogħol u tal-Ħarsien Soċjali.
Matul dan iż-żmien, is-soċjeta’ Maltija kienet għadha qed taffaċċja l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi mill-effetti tat-Tieni Gwerra Dinjija. It-turiżmu u l-intrapriża privata kienu għadhom fil-bidu tagħhom, filwaqt li l-ekonomija kienet dipendenti ħafna fuq l-infiq mis-servizzi Ingliżi, fejn tant kien hekk li 27% tal-popolazzjoni li kellhom xogħol li minnu setgħu jiggwadanjaw qligħ, kienu minnhom infushom impjegati minn stabbilimenti Ingliżi. Il-qgħad kien qawwi ħafna u l-opportunitajiet ta’ xogħol kienu pjuttost skarsi, filwaqt li ħafna żgħażagħ u kapijiet tal-familji kellhom jemigraw sabiex ikunu jistgħu jaqilgħu l-għajxien tagħhom.
Il-Liġi tal-Assistenza Nazzjonali stabbilixxiet l-ogħti t’appoġġ soċjali u mediku, kemm fi flus kontanti u kemm in kind, lil dawk il-persuni bla impjieġ, u li minnhom infushom ikunu qed ifittxu impjieġ jew li ma jkunux jistgħu iżommu impjieġ għal tul ta’ żmien minħabba problemi ta’ saħħa. Barra minn hekk, din tat bidu ukoll għall-kura istituzzjonali b’xejn għall-anzjani, flimkien ma’ dħul u trattament mingħajr ħlas f’istituzzjonijiet u fi sptarijiet immexxija mill-iStat.
Min-naħa l-oħra, l-Att dwar l-Assigurazzjoni Nazzjonali ta bidu għal skema mandatorja u kontributorja għall-assigurazzjoni soċjali, li kienet tipprovdi firxa wiesgħa ta’ benefiċċji, għajnuniet u d-dritt għall-pensjonijiet lil min kien jaħdem. Xi snin wara, il-liġi kienet saħansitra ġiet emendata sabiex tkun tista’ tiġi estiża l-kopertura għal dawk il-persuni li jaħdmu għal rashom, kif ukoll introduċiet, aktar tard fl-1979, il-pensjoni taż-Żewġ Terzi, kemm għal dawk l-individwi li huma impjegati u kemm għal dawk l-individwi li jaħdmu għal rashom rispettivament.
Dawn iż-żewġ liġijiet, flimkien mal-Att dwar il-Pensjoni tal-Età, kienu amalgamati fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali kmieni fl-1987, fejn dan l-Att illum il-ġurnata huwa s-sinsla tas-sistema tas-sigurtà soċjali tagħna u jkopri l-ogħti tal-benefiċċji kollha eżistenti, kemm ta’ natura kontributorja u kemm ta’ natura mhux kontributorja, bi spiża annwali li din is-sena hija stmata li ser taqbeż il-€1.2 biljun.
Amministrazzjonijiet suċċessivi komplew isaħħu l-liġi tas-sigurtà soċjali bil-għan li jtejbu s-sistema soċjali ta’ pajjiżna, kif ukoll biex kemm jista’ jkun jassiguraw sens ta’ solidarjeta’ bejn il-ġenerazzjonijiet kurrenti, sabiex b’hekk ħadd ma jisfa’ mwarrab. Dan sar permezz ta’ titjib fir-rati tal-benefiċċji, it-twessigħ ta’ kriterji tal-eliġibbiltà flimkien mal-introduzzjoni ta’ kunċetti u riformi ġodda, li lkoll kemm huma kienu ibbażati fuq il-ġustizzja soċjali. Dan kien evidenti ħafna fl-aħħar deċennu b’għexieren ta’ miżuri soċjali li ddaħħlu.
L-aspett ta’ solidarjetà kien partikolarment evidenti fl-eqqel tal-pandemija, f’liema punt il-Ministeru tagħna intervjena b’ħeffa liema bħalha sabiex ikun jista’ jagħti appoġġ lill-impjegati tas-settur privat dawk medikament vulnerabbli jew bi bżonnijiet speċjali, lill-ġenituri ta’ tfal tal-età tal-iskola u lill-impjegati li temporanjament kienu tilfu l-impjieg, fejn kien ġie ffurmat pakkett ta’ benefiċċji temporanji, sabiex ikun jista’ jgħinhom jimmaniġġjaw it-telf tad-dħul finanzjarju matul il-pandemija nnifisha. Dan il-pakkett ta’ benefiċċji temporanji ingħata waqt li fl-istess waqt baqgħu jingħataw il-pensjonijiet u l-benefiċċji l-oħra kollha u fl-istess ħin mal-pakketti t’għajnuna għal medda itwal ta’ żmien, li kienu tnedew minn Ministeri oħrajn sabiex itaffu l-konsegwenzi tal-pandemija fuq l-impjieg, is-saħħa u l-fibra soċjali.
Pero, lura għall-2014 kienu iddaħħlu b’mod effettiv miżuri importanti biex jinċentivaw benefiċjarji soċjali jidħlu fis-suq tax-xogħol. Dan sar b’mod li kemm jista’ jkun ix-xogħol ikun irendi filwaqt li tonqos id-dipendenza fuq l-għajnuniet soċjali, liema miżuri baqgħu sodi anke quddiem it-turbulenzi kkawżati mill-pandemija. Il-pakkett minnu nnifsu jikkonsisti fl-iskema tal-Benefiċċju ta’ Waqt l-Impjieg, fit-tnaqqis gradwali tal-benefiċċji soċjali (tapering) u fil-kura tat-tfal mingħajr ebda ħlas fiċ-ċentri għall-kura tat-tfal għal ġenituri li jaħdmu jew li qed jistudjaw.
Bis-saħħa tat-tkabbir ekonomiku sod u l-ħolqien konsegwenti t’opportunitajiet ġodda ta’ xogħol, dawn il-miżuri ġġeneraw tnaqqis rekord fl-ammont ta’ benefiċjarji tal-għajnuniet soċjali u tal-persuni li kienu bla xogħol. B’mod sinifikanti, il-persuni dipendenti fuq l-assistenza għall-qgħad naqsu b’84% fi żmien 7 snin, speċifikament minn 5,713 fl-2014 għal 933 fl-2021; filwaqt li n-numru ta’ benefiċjarji tal-assistenza soċjali niżel sostanzjalment mill-ammont għoli ta’ kważi 14,000 fl-2014 għal ftit aktar minn 4,400 fl-2021.
L-impjieġi bħalissa jinsabu f’livell rekord, fejn l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika irrapporta li r-rata tal-impjiegi nazzjonali fl-2020, speċifikament għal dawk bejn l-20 u l-64 sena, kienet taqbeż b’aktar minn 7 punti perċentwali l-mira ta’ 70% sal-2020 li kien għamel pajjiżna għall-Unjoni Ewropeja. Il-miżuri ta’ attivazzjoni soċjali komplew għenu sabiex tingħata spinta konsiderevoli lill-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, fejn b’riżultat t’hekk ir-rata tal-impjieġ tagħhom issa saret taqbeż il-medja tal-UE innifisha.
Li ffrankar ta’ fondi pubbliċi li rriżulta mit-tnaqqis fil-benefiċjarji soċjali kompla jintuża sabiex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati żidiet fl-allowances tat-tfal, flimkien ma’ suppliment addizzjonali għal kull tifel u tifla taħt is-16-il sena, kif ukoll sabiex tkun tista’ titnieda r-riforma tal-assistenzi għad-diżabilità u l-introduzzjoni ta’ pakketti t’għajnuna għal dawk il-persuni li jieħdu ħsieb l-anzjani li jgħixu fil-komunità. Dan biex ma nsemmux iż-żidiet sostanzjali fir-rati tal-pensjonijiet ta’ matul dawn l-aħħar snin.
Il-protezzjoni soċjali, flimkien mal-ġustizzja u l-inklużjoni huma l-valuri ewlenin tal-Ministeru tagħna. Filwaqt li nimmarkaw u niċċelebraw il-progress li sar matul dawn l-aħħar 66 sena, aħna dejjem nibqgħu iffukati sabiex inkomplu nimxu fit-triq imħejjija minn ta’ qabilna, billi nibqgħu ninvestu r-riżorsi u l-enerġiji tagħna biex nibqgħu niġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, filwaqt li jitnaqqsu l-inugwaljanzi u nipprovdu mezz t’għajxien aħjar għall-benefiċjari kollha tagħna.
L-approċċ integrat tagħna għas-snin li ġejjin, se jkun primarjament iggwidat mill-istrateġija soċjali u l-prinċipji kif espressi fil-manifest approvat mill-elettorat f’Marzu li għadda, fejn dawn issa saru l-programm tal-Gvern u l-bażi għall-pjan t’azzjoni tagħna. Xogħlna se jkun immexxi wkoll minn viżjoni soċjali u nazzjonali għal Malta li ser tkun imnedija dalwaqt, bil-għan li ssawwar b’mod pożittiv il-futur tas-soċjeta’ tagħna għal bejn l-10 u l-15-il sena li ġejjin.
Dan huwa l-aħħar artiklu minn sensiela ta’ artikli li ġew ippublikati bħala parti mix-Xahar tal-Ġustizzja Soċjali organizzat mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal matul Mejju 2022.