Il-Kisba tal-Ġustizzja Soċjali permezz tal-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza

Jikteb Ray Chetcuti, Direttur Ġenerali (Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza), Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal

 

Il-Kisba tal-ġustizzja soċjali permezz tal-għotja tal-benefiċċji soċjali u s-servizzi hija essenzjali għal kull sistema ta’ ħarsien soċjali.

Id-Diviżjoni tal-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza (ISCD) tifforma parti integrali mill-qafas tas-Sigurtà Soċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal billi twassal għajnuniet mhux kontributorji lill-persuni vulnerabbli u ċ-ċittadini li jinsabu milquta minn diffikultajiet kawża ta’ ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll tagħhom.

Fl-istess waqt din id-Diviżjoni taħdem bla waqfien biex in-nies li kapaċi jaħdmu jinfatmu mill-inattività u mid-dipendenza fuq il-benefiċċji. Dan billi tippromwovi pakkett ta’ inizjattivi immirati li bix-xogħol ikun jaqbillek. Dan il-pakket fih l-iskema tal-in-work benefit u dak tat-tapering tal-benefiċċji. 

Permezz tal-iskema tat-tapering, il-benefiċjarji jitħallew iżommu parti mill-benefiċċji tagħhom meta jsibu mpjieg. Fl-ewwel sena tax-xogħol iżommu 65% tal-benefiċċju li huma intitolati għalih, fis-sentejn ta’ wara din ir-rata ta’ retenzjoni titnaqqas għal 45% u 25% rispettivament. Flimkien magħhom, min iħaddem jiġi mogħti 25% mill-benefiċċju matul it-tliet snin ta’ dan l-iskema. 

Din l-iskema tnediet fl-2014 u sena wara tnediet l-iskema tal-Benefiċċju ta’ Waqt l-Impjieg. Minn barra li tinċentivizza x-xogħol, din l-iskema hija mfassla biex tagħti spinta lid-dħul disponibbli ta’ familji bi dħul baxx għal medju li jikkonsistu minn ġenituri waħedhom jew miżżewġa li jkunu f’impjieg u għandhom ulied dipendenti sal-età ta’ 23 sena.

Ir-rata tal-benefiċċji hija bbażata fuq sistema ta’ firxa ta’ limiti stipulati tad-dħul pagabbli għal kull wild fil-familja. Dawn ir-rati ġew miżjuda regolarment u fl-istess waqt ġew miżjuda wkoll il-limiti stipulati tad-dħul pagabbli.

Il-qafas tal-Making Work Pay kiseb suċċess kbir. Mgħejjun minn tkabbir ekonomiku mgħaġġel, dan irnexxielu jnaqqas għal livell rekord in-numru ta’ benefiċjarji tal-assistenza soċjali u tal-assistenza għal diżimpjieg. In-numru ta’ persuni fuq l-assitenza soċjali naqas b’55% u dak ta’ persuni fuq l-assistenza għal diżimpjieg.naqas b’93%. Barra minn hekk, din il-politika ġabet żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol u naqqset id-distakk bejn is-sessi fl-impjiegi.

Il-ħidma tad-Diviżjoni mhijiex immirata biss lejn persuni li jistgħu jaħdmu, imma anki lejn dawk li ġew maqtugħin mis-suq tax-xogħol minħabba d-diżabbiltà. Għaldaqstant fl-2017 id-Diviżjoni varat riforma fl-assistenza għal diżabilità li minnha nħolqu żewġ benefiċċji ġodda: l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa (ISDA) u l-Assistenza għal Diżabilità Severa (SDA). L-ISDA maħsuba speċifikament għal persuni li huma preklużi milli jaħdmu minħabba d-diżabilità tagħhom. Ir-rata tal-benefiċċju tagħhom hija ekwivalenti għal paga minimima nazzjonali netta. Minn naħa l-oħra l-SDA hija maħsuba għal dawk il-persuni li minkejja li għandhom diżabilità fiżika jistgħu jiġu mpjegati regolarment. Minn mindu ġew introdotti dawn il-benefiċċji, in-numru ta’ benefiċjari żdied minn 3,080 fl-2016 għal 4,600 fl-2021. 

Riforma importanti oħra kienet dik li saret fis-settur tal-carers, fejn ġew imnedija l-Allowance għall-Carers u l-Allowance Miżjuda għall-Carers maħsuba biex jagħtu appoġġ lil persuni li jieħdu ħsieb il-kura ta’ membru tal-familja, b’dipendenza baxxa jew għolja, li jgħix fl-istess dar. L-għotja ta’ dawn il-benefiċċji m’għadhiex marbuta mat-test tal-mezzi imma tiddependi fuq valutazzjoni tal-Indiċi Barthel jew l-Eżami tal-Istat Mini-Mentali tal-pazjent. Anki f’dan il-każ ir-riforma xprunat numru akbar ta’ dawn il-carers b’konsegwenza li aktar persuni anzjani baqgħu jgħixu fil-komunità. Skont figuri annwali maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, in-numru ta’ benefiċċjarji tal-Care benefits żdied minn 410 fl-2016 għal 1,830 fl-2021.

Bi tkomplija ma’ din ir-riforma, is-sena li għaddiet ġiet introdotta l-Għotja għall-Carer, għal dawk il-ġenituri li jkollhom joqgħodu d-dar ma’ wild b’diżabbiltà severa.

Il-proattività tad-Diviżjoni spikkat fl-2020 u fl-2021 bir-rapidità u l-effiċjenza tal-preparazzjoni, u twassil ta’ benefiċċji ad hoc biex itaffu l-impatt tal-Covid 19 fuq il-familji u persuni vulnerabbli. Dawn inkludew benefiċċju addizzjonali tad-diżimpjieg għal persuni li tilfu l-impjieg tagħhom fis-settur privat, allowance għal ġenituri jaħdmu li kellhom jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb uliedhom li kienu għadhom fl-età skolastika; u għotja mħallsa lil dawk il-persuni medikament vulnerabbli, fi tqala jew impjegati b’diżabbiltà li ġew preklużi milli jirrapurtaw għax-xogħol u ma setgħux jaħdmu bit-telework.

L-effiċjenza li bihom ġew mnedija dawn il-benefiċċji ġiet magħrufa dis-sena b’għotja ta’ ċertifikat ta’ mertu mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Sigurtà Soċjali – ISSA. L-assoċjazzjoni għarfet l-effiċjenza u l-effettività tar-rispons tal-amministrazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ Malta waqt l-isfida tal-pandemija u kif din it-theddida kbira ġiet indirizzata u msawwra f’opportunità biex tittejjeb l-għotja tas-servizz.

Filwaqt li nsostnu l-impenn tagħna biex inwarrbu n-nies mid-dipendenza fuq il-benefiċċji, nibqgħu ffukkati fit-tisħiħ tal-isforzi tagħna biex inkunu iktar ta’ għajnuna għal persuni vulnerabbli u persuni b’ diżabbiltà. Fl-istess waqt nibqgħu viġilanti biex inrażżnu l-frodi tal-benefiċċji u biex niżguraw li l-benefiċċji jiġu mwassla lil dawk li verament huma eliġibli. Dan l-iskrutinju jsir mill-istadji inizjali tal-applikazzjoni tal-benefiċċji mhux kontributorji u permezz ta’ inizjattivi li jseħħu fi ħdan l-osservanza tal-benefiċċji. Grazzi għal dan ix-xogħol iktar minn €5m ġew ‘iffrankati’ milli jiġu mħallsa lil applikanti frawdolenti jew ineliġibbli, liema fondi setgħu jintużaw biex jintlaħqu bżonnijiet ta’ benesseri soċjali oħra. Għaldaqstant b’din il-ħidma niżguraw ukoll il-kisba tal-ġustizzja soċjali. 

Dan huwa wieħed minn serje ta’ artikli bil-għan ta’ kommemorazzjoni tax-Xahar tal-Ġustizzja Soċjali lkoll organizzati mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal

More in Socjali