Andy Ellul | Il-Liġi il-ġdida dwar Children’s House. X'differenza se tagħmel lil vittmi tfal?
Din tkun dar normali f’post residenzjali u li jkollha ġewwa fiha dak kollu li nsibu ġo dar abitabbli, bħal kċina, kmamar tat-tfal, salott, televiżjoni eċċ
Din il-ġimgħa jiena kont preżenti għat-tnedija ta' Liġi ġdida dwar Children's House - li propju fassalt jien - u xtaqt nuża dan l-ispazju fuq il-gazzetta ILLUM biex fil-forma ta' mistoqsija u tweġiba nfiehem aħjar lill-qarrejja x'inhu dak li qed jipproponi l-Gvern meta ħabbar il-liġi ġdida dwar Children's House.
X’nifhmu eżatt meta ngħidu Children’s House?
Ħa nibda biex nispjega għalfejn tissejjaħ Children’s House.
Din tkun dar normali f’post residenzjali u li jkollha ġewwa fiha dak kollu li nsibu ġo dar abitabbli, bħal kċina, kmamar tat-tfal, salott, televiżjoni eċċ.
Kif tidħol fis-seħħ din il-liġi, minuri li huma vittma jew li jiġu mitluba jagħtu x-xhieda tagħhom jiġu mitkellma f’din id-dar minflok kif isir fil-preżent, fejn jiġu mitkellma jew ġewwa l-Kwartieri Generali tal-Pulizija, ġewwa l-Qorti tal-Minorenni f’Santa Venera jew inkella fil-Qorti tal-Belt Valletta. Ovvjament m'għandniex xi ngħidu li dawn mhumiex positijiet adattati għal dan il-għan.
Fl-opinjoni tiegħek, din id-dar kemm hi importanti?
Aktar mill-binja per se, interessanti huwa l-ħsieb wara din il-liġi. Qabel xejn, irrid ngħid li qabel bdejna nfasslu din il-liġi żorna Children’s House ġewwa l-Iżlanda u rajna kif taħdem fil-prattika. Morna f’dan il-pajjiż partikolari għax dan il-kunċett beda minn hemmhekk, fejn fl-1998 diġà kellhom l-ewwel Children’s House. Pajjizi Nordici oħra, fosthom l-Iżvezja, in-Norveġja, id-Danimarka, Greenland u pajjiżi oħrajn adottaw dan il-mudell. Dan il-ħsieb ġie promoss ħafna mis-Sur Bragi Gudbrandson, li kien Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Governattiva tal-Iżlanda Għall-Protezzjoni tal-Minuri. Kelli l-opportunità Ii naħdem miegħu fil-qrib meta kont nirrapreżenta lil Malta ġewwa l-Kunsill tal-Ewropa fil-Kumitat Lanzarote.
X’se jsir differenti issa?
L-ewwel nett minuri issa ser ikun qiegħed jiġi mitkellem f’din id-dar, li hija child-friendly, jiġifieri daqs li kieku dħalt f’dar normali. Il-liġi saħansitra tirregola l-wasla tal-minuri f’din id-dar, per eżempju ma’ min l-aħjar li jiġi, min għandu jwasslu, min m'għandux ikun miegħu u għandu jiġi milqugh u mdawwar mal-post. Imbagħad il-minuri jiġi mitkellem minn professjonisti fil-qasam, dawk li jissejjħu Forensic Interviewers. Il-liġi ma tiqafx hemm kif isir illum, fejn minuri jixhed u daqshekk. U hawn toħroġ id-differenza. Immedjatament professjonisti fil-qasam jagħmlu assessjar biex jiżguraw jekk il-minuri jkollux bżonn appoġġ mediku jew psikoloġiku, li jingħata f’din id-dar stess li hija attrezzata bi klinika u apparat mediku fejn minuri jkun jista’ jiġi eżaminat.
Il-liġi tirregola dan kollu fid-dettal, saħansitra per eżempju anke x’għandu jagħmel il-Pedjatra fiċ-ċirkostanzi.
X’inhuma l-aktar punti importanti mill-aspett morali?
Dan il-mudell jassigura li minuri ma jgħaddix minn dak li jissejjaħ secondary victimisation. Fil-preżent minuri jiġi mitkellem ma’ nafx kemm-il darba fuq l-abbuż li jkun ġarrab, u dan l-atteġġjament jista’ joħloq ħsara f’ċerti sitwazzjonijiet aktar mill-fatt innifsu li jkun ġarrab il-minuri. Issa l-prinċipju ġenerali huwa li l-minuri ser jiġi mitkellem darba biss, u dan kollu fil-parametri ta’ regolamenti li ser jiżguraw li l-kontenut tal-intervista u d-dokumenti kollha relattivi jiġu miżmuma b’mod sigur biex imbagħad tkun tista’ titlobhom l-awtorità li jkollha interess legali.
B’hekk ser inkunu qegħdin nevitaw li minuri jkun mistoqsi fuq l-istess oġġett ħafna drabi inutilment. Apparti l-fatt li ser jintużaw linji gwida internazzjonali ta’ kif għandhom isiru dawn l-intervisti. Il-Forensic Interviewers li ġew magħżula ingħataw taħriġ speċjalizzat ġewwa l-Istat ta’ Alabama, fl-Istati Uniti tal-Amerika.
X’inhuma l-aktar punti importanti mill-aspett legali?
Mil-lat legali hemm ħafna xi tgħid. Ir-Regolamenti, li huma aċċessibli online, huma dettaljati ħafna. Punt importanti ħafna huwa li issa ser ikun hemm sinerġija bejn tlett awtoritajiet ewlenin f’dan il-qasam, li huma l-Pulizija, il-Ġudikatura u l-Fondazzjoni Għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali.
Dan il-kunċett huwa wkoll imsejjes fuq dak li jissejjaħ ‘intra-agency model’, fejn il-professjonisti kollha involuti jaħdmu minn post wieħed u jmorru huma biex jassistu lill-minuri u mhux bil-kontra.
Minn perspettiva legali l-aktar żewġ elementi importanti huma l-ġbir u l-preservazzjoni tal-provi u l-proċess ta’ smigħ xieraq.
Dan il-mudell jassigura b’mod riġidu dawn iż-żewġ prinċipji, biex b’hekk tkun qed issir ġustizzja ma’ kulħadd. Il-liġi tistipula wkoll regoli stretti ta’ kif għandha tinżamm id-data kollha, min għandu jkollu aċċess għaliha u saħansitra meta u kif għandha tiġi mneħħija.
Minn min ser tkun qed titmexxa din id-dar?
Il-liġi tispjega li għandu jiġi maħtur Amministratur li għandu jkun uffiċjal tad-Direttur Għall-Ħarsien tat-Tfal. Kemm l-Amministratur kif ukoll l-uffiċjali tiegħu għandhom jaġixxu b’mod imparzjali.
Ser ikun hemm ukoll pedjatra involut, psikologu kif ukoll uffiċjali amministrattivi oħra. L-irwol tal-Amministratur huwa wieħed importanti ħafna, li ser iġorr miegħu obbligi u responsabbiltà kbira. Fil-fatt huwa regolat b’ċertu dettal fil-liġi l-ġdida.
X’suċċess kellu dan il-mudell?
Skont studju li sar mill-Kunsill tal-Ewropa irriżulta li fl-Iżlanda per eżempju, il-każijiet investigati u l-ħtija fil-Qrati irduppjaw, filwaqt li l-akkuzi quddiem il-Qrati triplaw. Dan għaliex il-minuri jiftaħ qalbu aktar b’din is-sistema, ix-xhieda miġbura hija aktar b’saħħitha u dan kollu f’ambjent fejn mhux qed issir ħsara lill-minuri u dejjem fil-parametri ta’ qafas legali. Qed nassiguraw ukoll li min jabbuża mit-tfal tagħna jieħu dak li ħaqqu f’ambitu ta’ smigħ xieraq.
Inħossni sodisfatt immens. Naħseb li bil-ħidma tiegħi u ta’ ħafna oħra li ħadmu miegħi biex fassalna din il-liġi, ser inkunu qegħdin nagħtu rigal dejjiemi lill-minuri tagħna. Ma nistax ma niringrazzjax lill-Ministru Michael Falzon, li f’din il-legiżlatura għamilna rivoluzzjoni fejn jidħlu liġijiet tat-Tfal.