Audrey Friggieri | Is-saħħa mentali tagħna u l-vjolenza domestika kif qed jiġu affetwati mill-midja soċjali?
Ħafna tfajliet jirċievu ritratti tal-parti ġenitali maskili mingħajr ma jkunu talbu għalihom, u jħossuhom taħt pressjoni sabiex jibagħtu ritratti tagħhom infushom imneżża’, li imbagħad jiġu mxerrda fuq in-networks soċjali
Qabel tfaċċa l-ewwel kompjuter fostna, stajna nkunu waħedna, kellna l-privatezza tagħna u d-dar kienet fortizza – post fejn il-mument li tagħlaq il-bieb ta’ barra tkun inqtajt fiżikament minn dak kollu li sar barra. Stajt tistrieħ mingħajr ħsieb li hemm xi ħadd iridek tkellmu issa stess. Illum nistgħu insiru nafu kull ma jkollna bżonn, iktar malajr u l-ħin kollu. Nistgħu insibu ħbieb antiki, nagħmlu oħrajn ġodda, ningħaqdu biex naqsmu ideat u informazzjoni bejnietna, norganizzaw attivitajiet, nipparteċipaw f’taħdidiet, f’korsijiet, u nixtru wkoll. L-internet sarparti minn ħajjet il-bniedem, iżda bħal kollox, jekk ma nikkontrollawx l-użu tiegħu jista’ jkaxkarna u jkissirna.
Il-Midja Soċjali u uliedna
Il-midja soċjali ġabet magħha l-fenomeni tas- cyberbullying u hate speech. Iż-żgħożija huwa żmien fejn iż-żgħażagħ iħossu l-bżonn li jkunu popolari fiċ-ċirku tagħhom, jesprimu l-individwalita’ tagħhom u anke jimpressjonaw lil sħabhom. Dan minn qabel daħlet fostna l-midja soċjali. Mal-miġja ta’ Facebook, Twitter, Snapchat, u Instagram imbagħad dawn bdew iħossu ċerta pressjoni biex isiru parti mill-orizzonti ġodda offruti lilhom onlajn.
Riċerka dwar cyberbullying fl-Amerka uriet li ‘l fuq minn 36% tal-istudenti fl-iskejjel sekondarji u post-sekondarji għaddew minn cyberbullying tal-inqas darba f’ħajjithom. Din ir-riċerka sabet ukoll li kważi 15% taż-żgħażagħ parteċipanti kienu huma stess li kkommettew cyberbullying fuq xi ħadd ieħor almenu darba, filwaqt li kważi 11% ammettew li għamlu dan iktar minn darba. Il-midja soċjali tista’ tintuża ħażin billi fiha jinxterdu xnigħat, vidjos intenzjonati li jkissru r-reputazzjoni ta’ oħrajn u anke rikatti.
Daż-żminijiet m’għadhomx l-edukaturi, l-istudjużi, il- mexxejja taż-żgħażagħ u dawk reliġjużi, jew l-artisti li jispiraw u jinfluwenzaw lin-nies, inklużi liż-żgħażagħ u t-tfal tagħna. Il-midja soċjali u t-teknoloġija qed jiffurmaw il-ħsibijet tan-nies illum, bħal pereżempju meta ċerta mobile apps joffru ‘logħob’ bil-filters li jsebbħu l-wiċċ. Hawn tfal u żgħażagħ ossessjonati bihom dawn u hemm rabta bejnhom, is-saħħa mentali u ż-żieda ta’ nies li jersqu għal kirurġija plastika bix-xewqa li jirranġaw id-dehra tagħhom.
Spiss tissemma’ “Snapchat dysmorphia” – terminu vvintat mit-tabib tal-kożmetika Tijion Esho. Dan kien innota kif filwaqt li qabel il-pazjenti tiegħu kienu juruh stampi ta’ personalitajiet famużi li kellhom imnieħer jew xedaq ‘perfett’, issa kienu qed juruh ritratti tagħhom infushom irtukkati permezz ta’ Snapchat, jew tal-airbrushing app Facetune. L-aspettattivi tagħhom li pereżempju jkollhom għajnejn kbar ħafna u ġilda ‘pixel-perfect’ huma umanament impossibbli.
L-immaġini rtukkati permezz ta’ filter jilgħabu ma’ dak li huwa reali u l-fantasija u jistgħu iwasslu għall-iżvilupp ta’ body dysmorphic disorder (BDD), kundizzjoni mentali li dawk affettwati minnha jsiru ffissati fuq difetti immaġinarji fl-apparenza tagħhom
L-immaġini rtukkati permezz ta’ filter jilgħabu ma’ dak li huwa reali u l-fantasija u jistgħu iwasslu għall-iżvilupp ta’ body dysmorphic disorder (BDD), kundizzjoni mentali li dawk affettwati minnha jsiru ffissati fuq difetti immaġinarji fl-apparenza tagħhom. Minħabba f’hekk ukoll, hawn żgħażagħ li qed jingħalqu f’dinja għalihom onlajn, maqtugħin minn realta’ li jħossuhom mitlufin fiha.
Fi żmien tant kruċjali fl-iżvilupp ta’ uliedna, meta nqisu kemm huma esposti għall-midja soċjali, nindunaw bil-qawwa li din għandha fil-formazzjoni tal-identita’ tagħhom. Ir-riċerka turina fatti disturbanti ferm f’dan ir-rigward: il-midja soċjali tippromwovi kultura sessista u miżoġena. Ħafna tfajliet jirċievu ritratti tal-parti ġenitali maskili mingħajr ma jkunu talbu għalihom, u jħossuhom taħt pressjoni sabiex jibagħtu ritratti tagħhom infushom imneżża’, li imbagħad jiġu mxerrda fuq in-networks soċjali, fejn jiġu kkumparati mar-ritratti ta’ tfajliet oħrajn permezz tan-numru ta’ likes li jirċievu. Dawn it-tfajliet iħossuhom maqbudin f’morsa, peress li jekk jirreżistu, huma jiġu ġġudikati u umiljati fil-komunitajiet virtwali li jkunu qed ikunu attivi fihom.
Tfajliet maqbudin f’dawn iċ-ċrieki onlajn instabu li jbatu minn nuqqas ta’ konċentrazzjoni u minn deterjorazzjoni fis-saħħa kemm fiżika, kif ukoll mentali tagħhom (pereżempju eating disorders, stima baxxa tagħhom infushom, depressjoni). Ir-riċerka tkompli turi li dawn it-tfajliet ikollhom aspettattivi dwar is-sesswalita’ li mhumiex realistiċi, u li jħarsu lejn il-mara biss bħala oġġett sesswali.
Dan kollu sintendi ma jgħin xejn lir-relazzjonijiet intimi bejn il-persuni.
Il-midja soċjali u l-vjolenza domestika
Il-ħsara kkawżata mill-midja soċjali taffettwa wkoll il-pjaga tal-vjolenza domestika. Hawn min jgħid li l-agħar aspett ta’ din il-marda huwa dak fiżiku – fejn persuna fiżikament tattakka lill-vittma, tferiha jew saħħansitra tasal biex toqtolha. Dan huwa orrur, verament, iżda meta koppja jaslu f’dan l-istadju, probabbilment li jkun hemm episodji preċedenti, jew storja ta’ forom oħra ta’ abbuż u vjolenza li huma sintomatiċi tad-dinamika abbużiva u vjolenti stess. Għalhekk kull forma ta’ abbuż mhi qatt aċċettabbli u għandna nagħmlu minn kollox biex l-abbuż jitwaqqaf. Kultant jiġru affarijiet żgħar – bħal kelma żejda li ħadd ma jagħti kasha – li jżidu u jikbru maż-żmien jekk ma jiġux indirizzati, u jistgħu iwasslu għall-agħar xenarju possibbli: il-mewt ta’ persuna, bħal ma hu l-femiċidju.
Fi żminijietna l-vjolenza domestika qed tiġi ffaċilitata mit-teknoloġija stess, pereżempju l-użu ta’ Facebook biex l-agressur jispija fuq u jiddisturba lit-tfal tal-vittma. Dan huwa abbuż fuq l-ulied u għandu jiġi rrapurtat immedjatament hekk kif jiġi skopert. It-tfal huma dejjem innoċenti u għandhom jitħallew barra minn kull kunflitt bejn il-ġenituri. L-agressur jista’ juża l-midja soċjali wkoll biex jilħaq salib il-familjari u l-ħbieb tal-vittma u jiddisturbahom, bħal fil-każ ta’ cyberstalking, li huwa illegali.
Nisimgħu anke bir-Revenge pornography, li tikkonsisti f’pornografija fuq l-internet mingħajr il-kunsens tal-persuna, ix-xandir ta’ informazzjoni privata, it-tkissir tar-reputazzjoni, impersonazzjoni jew rappreżentazzjoni falza u attakki oħra onlajn imxandra u mkabbra minn teknoloġiji tan-networking.
Dan l-abbuż ta’ fiduċja li tant sar mifrux iservi biex ikompli jiżola l-vittmi mis-sapport soċjali – speċjalment meta l-vittmi jkollhom jagħlqu l-kont tagħhom jew jirtiraw kompletament mill-midja soċjali.
Persuni li jeżerċitaw il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika jistgħu jużaw l-internet biex jagħmlu l-ħsara lill-vittma billi jagħfsu buttuna biss. L-anonimita’ tal-midja soċjali sfortunatament tippermetti l-istalking b’mod sigriet, sakemm l-informazzjoni tal-profil ma tkunx strettament privata. Meta l-vittma ma jkollhiex kont privat, cyberstalker jista’ jara kull ma xxerred il-vittma mingħajr ma din tkun taf.
Il-midja soċjali għandha l-użu tajjeb tagħha ukoll, u dan irridu ngħiduh. Isservi biex tgħaqqadna lkoll flimkien, u allura tgħinna nsibu s-sapport meta jkollna bżonnu, mhux biss mingħand il-ħbieb u l-familjari, iżda mingħand persuni oħra li jkunu esperjenzaw problemi simili għal tagħna wkoll. Fl-2017 il-moviment #MeToo infirex ma’ kullimkien fuq il-midja soċjali u għen biex eluf ta’ nisa jirrakkuntaw l-istejjer tagħhom ta’ abbuż minn stranġieri kif ukoll minn sieħeb tagħhom. Dan il-moviment serva biex jikxef kemm verament l-abbuż sesswali huwa mifrux u komuni fil-ħajja tal-mara, kif ukoll biex tittieħed azzjoni legali kontra dawk li huma ħatja tal-abbuż u l-vjolenza. Iżda mbagħad kien hemm ukoll il-konsegwenza ta’ dan kollu: ħafna nisa kellhom jiffaċċjaw abbuż ieħor minn kummentaturi fuq il-midja soċjali stess li kritikawhom tal-aġir tagħhom.
Fatt ieħor li ma jgħinx sabiex infejqu l-kultura tal-abbuż fuq in-nisa huma paġni u posts li jiċċelebraw proprju dan, billi huma permessi li jidhru u jixxerrdu fuq Facebook taħt il-kategorija kontroversjali “humour”. Il-problema b’dawn is-siti mhux biss li jikxfu l-firxa ta’ mġieba abbużiva fir-relazzjonijiet, iżda li, billi jippubblikaw u jigglorifikaw il-vjolenza domestika, jinnormalizzaw relazzjonijiet disfunzjonali.
Iddur fejn iddur, il-perikli tal-midja soċjali jippersistu. Hemm bżonn niffukaw iżjed fuq kif, filwaqt li nagħmlu użu minnha għall-ġid, nipproteġu wkoll lilna nfusna, lill-uliedna u lis-soċjeta’ tagħna minn din it-tip ta’ ħsara insidjuża. Sfida kbira tassew.
Jekk għandek bżonn għajnuna dwar abbuż onlajn, ċempel 179 jew ibgħat imejl fuq [email protected]