Alex Muscat | L-Investiment tal-NDSF f’San Vinċenz De Paul

'Għaliex bid-deċiżjonijiet għaqlin tagħna u b’ħidmietna matul is-snin, qed naraw li programmi ta’ investiment barrani isawwru b’mod tanġibbli f’għajnuna kontinwa'

94,000 ċittadin Malti u Għawdxi – daqshekk se jibbenefikaw minn investiment li ħabbret din il-ġimgħa l-NDSF. Xejn inqas minn 21% tal-popolazzjoni kollha Maltija u Għawdxija.  

Dawn  huma l-persuni kollha li għandhom ’l fuq minn 65 sena f’Malta u Għawdex u li jaf ikollhom bżonn CT scan. F’Ottubru li għadda, il-Minsitru Michael Farrugia nieda ċentru tar-radjoloġija f’San Vinċenz, li jinkludi magna diġitali tal-x-ray, fluoroscopy, u makkinarju ieħor li permezz tiegħu, l-anzjani jkollhom firxa wiesgħa ta’ servizzi relatati mar-radjoloġija.  

Pero’, kellna sitwazzjoni fejn dan iċ-ċentru tar-radjoloġija kien nieqes minn CT Scanner: apparat importanti li waħdu jiswa’ aktar minn miljun ewro. L-NDSF kienet minn ta’ quddiem li avviċinat lill-Ministeru tal-Anzjani u l-Anzjanità Attiva biex tinvesti f’dan l-apparat. Dan l-iscanner mhux biss se jaqdi lil dawk il-persuni residenti f’San Vinċenz, imma eventwalment lir-residenti anzjani kollha f’Malta u Għawdex.  

CT Scanner huwa kruċjali biex nipprevedu mard, u mhux niffokaw biss fuq il-fejqan tiegħu. Meta l-mard ikun evitat jew jinqabad fi stadju bikri, il-benefiċċji huma kbar, qabelxejn għad-dinjità tal-individwu. Meta jkollna djanjosi bikrija, intawwlu l-ħajja, u nagħtu l-opportunità għal ħajja ta’ kwalità.  Barra minn hekk, minn aspett ekonomiku, jaqblilna nipprevedu l-mard milli nfejquh.  

Permezz ta’ dan l-investiment, b’effett immedjat, 8,000 anzjan u anzjana f’San Vinċenz u nursing homes oħra se jkollhom aċċess għall-apparat li għandhom bżonn fil-kura ġerjatrika tagħhom. Eventwalment, is-servizz jinfetaħ għall-anzjani li huma fil-komunità wkoll. Kważi kwart tal-popolazzjoni se jkollha aċċess aktar malajr għal CT scan. Anzjani fil-waiting lists għal radjoloġija f’Mater Dei issa se jinqdew minn San Vinċenz. Dawn huma l-aktar nies vulnerabbli u kull ġurnata dewmien jaf tkun kompromettenti għal ħajjithom.  

Apparti li dan l-investiment se jnaqqas mill-ammont ta’ xogħol li hemm f’Mater Dei, persuni li jsofru mid-dimensja, jew li huma f’riskju ta’ dimensja, se jkollhom aċċess ferm aktar faċli għal CT Scanner, li huwa essenzjali għat-trattament kif xieraq. Dan l-apparat se jippermetti wkoll li ssir riċerka u żvilupp fis-settur tal-kura tal-anzjani. Id-dettall li jidħol fih CT Scan huwa importanti biex jiġu determinati ċertu fatturi li jistgħu jgħinu fil-kura u l-prevenzjoni tal-mard.  

L-NDSF jeżisti għalhekk, biex ikompli jtejjeb lis-soċjetà. Dan il-fond jirċievi perċentwall mid-dħul li jiġi minn inizjattivi ta’ residenza li jistgħu jwasslu għaċ-ċittadinanza. L-NDSF jaħdem għall-avvanz tas-soċjetà, f’setturi importanti bħas-saħħa, l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, skopijiet soċjali, u oħrajn. Permezz tal-investiment tal-NDSF, qed inkomplu inpoġġu liċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-kura tas-saħħa. 

Dan mhux proġett iżolat. Qed ngħinu lil min għandu problemi ta’ mobilità, b’investiment ta’ €60,000 f’xiri ta’ sodod motorizzati u wheelchairs għal residenti f’San Vinċenz. Qed ngħinu lil min għandu bżonn kura paljattiva, u ‘l familji tagħhom, b’investiment ta’ €8 miljun ewro f’ċentru ġdid għall-kura paljattiva immexxi minn Hospice Malta. Qed ngħinu lil min għandu problemi bil-qalb, b’investiment ta’ miljun ewro f’żewġ Cath Suites ġodda. Qed ngħinu lil min kellu mard u ma jistax jieħu loan, permezz tan-New Hope Guarantee Scheme, li se toffri alternattiva sigura lill-banek biex is-self jingħata mingħajr riskju – dan b’investiment ta’ €3 miljun.  

Qed ngħinu lill-Caritas, b’investiment ta’ €1.5 miljun f’ċentru komunitarju fil-Blata l-Bajda u rinovazzjoni taċ-ċentru ta’ rijablilitazzjoni ta’ San Blas. Qed ngħinu lil Puttinu Cares b’investiment ta’ aktar minn €6 miljun, permezz ta’ xiri ta’ appartamenti f’Londra u donazzjonijiet oħra minn investituri barranin f’pajjiżna. Qed ngħinu lill-Inspire, b’€165,000 f’donazzjonijiet. Dan kollu jfisser li aħna Gvern għan-nies. Għaliex bid-deċiżjonijiet għaqlin tagħna u b’ħidmietna matul is-snin, qed naraw li programmi ta’ investiment barrani isawwru b’mod tanġibbli f’għajnuna kontinwa. L-investiment riċenti f’San Vinċenz huwa turija ċara oħra li l-ġid li qed noħolqu qed jasal verament fil-komunità tagħna. 

Aħna għalhekk naħdmu. Biex inkunu ta’ spalla fejn hemm bżonn, għal min hemm bżonn. Ħafna drabi f’ħidmieti niġi mistoqsi: fejn qed imorru l-flus li ġew miċ-ċittadinanza b’investiment? L-inizjattivi l-ġodda ta’ investiment, fiex se jsarrfu? Dawn id-domandi inwieġbuhom permezz ta’ inizjattivi u proġetti bħal din li qed inħabbru kontinwament. 

More in Socjali