Dun Anġ Seychell | Qed tikber il-problema tal-ġuħ fid-dinja!

Hawn 149 miljun tfal taħt il-15 il-sena li jibqgħu lura fl-iżvilupp tagħhom minħabba nuqqas ta’ ikel!.

Il-ġuħ fid-dinja qed jikber minħabba l-Pandemija li qed tifni lid-dinja. Jekk irridu naslu għall-ĠUĦ ŻERO, skond il-programm tal-Kommunità Internazzjonali sas-sena 2030 irridu nirdoppjaw l-isforzi. Din hi l-isfida li għamel Maurizio Martina, Viċi direttur tal-Food and Agriculture Organisation tal-Ġnus Magħquda.

“Fl-2020, fi tnax il-xahar żdiedu ‘l fuq minn 100 miljun il-għadd ta’ nies fid-dinja mheddin mill-problema tal-ġuħ, żdiedu mas-700 miljun persuna li qabel il-pandemija diġà kienu mheddin mill-problema tal-ġuħ,” Din hija l-karba tan-niket li għamel il-viċi-direttur Maurizo Martina, ta’ 42 sena li qabel kien ministru tal-politika agrikola u forestali ta’ l-Italja.

Sas-sena 2030...

Skond Martina din l-isfida qegħdin fil-periklu li nitilfuha jekk minnufiħ ma nibdlux ir-rotta. F’dawn l-aħħar snin il-ġuħ kiber fid-dinja u l-pandemija iggravat is-sitwazzjoni. Dan ifisser li rridu nirdoppjaw l-isforzi f’nofs iż-żmien li baqa’ jekk irridu li sas-sena 2030 inkunu lħaqna t-tir tal-ĠUĦ ŻERO li trid tilħaq il-kommunita internazzjonali. Fl-ewwel 10 snin tas-snin 2000 il-ġuħ deher jonqos f’xi naħiet tad-dinja, iżda fl-2013 il-ġuħ globali reġa' beda jiżdied u dil-qagħda kompliet tiela 'l fuq minħabba l-pandemija.

In-naħiet tad-dinja l-iżjed milqutin huma dawk ta’ l-Asja, l-Afrika u l-Amerika Latina, fejn il-pandemija ħafna drabi tiżdied mal-konflitti armati u mal-effetti tat-tibdil fil-klima, li flimkien iġibu tbatija lil miljuni ta’ bnedmin.

Tqassim ħażin

Barra minn dan hemm il-problema tat-tqassim ħażin tar-riżorsi li jkunu prodotti. Hemm naħat fejn il-prodotti huma ħafna u hemm saħansitra l-ħela u hemm naħat fejn l-ikel ta’ kuljum ma jimliex l-istonku ta’ kullħadd. Din il-kontradizzjoni li qed ikun hawn – qed narmu kważi terz ta’ dak li nipproduċu fil-qasam ta’ l-ikel u fl-istess ħin għaddejjin minn kriżi serja ta’ ġuħ f’naħiet oħra tad-dinja.

Hemm soluzzjoni?

Iva hemm! Mhix soluzzjoni li kull pajjiż jaħseb għal rasu. Iżda trid tinbidel is-sitwazzjoni għax kif inhuma s-sistemi tal-ikel hawn wisq differenzi, hawn wisq ħela u tbatija fl-istess ħin. Ċerti territorji, ċerti popli, ċerti persuni mhumiex jintlaħqu. Hemm bżonn jirnexxielna nsibu sistemi ta’ ikel li jilħqu n-naħiet u l-popli kollha. Hemm bżonn nibdew mill-produtturi. Dawk li jipproduċu hemm bżonn jingħataw iżjed dinjità, dawk li jaħdmu fil-biedja hemm bżonn jitħallsu aħjar u iżjed. Minn dak li jonfqu l-konsumaturi biex ikollhom x’jieklu ftit soldi jibqgħu fil-bwiet ta’ min jipproduċi. Hemm bżonn li l-familji li għadhom attivi fil-biedja, u dawn huma l-maġġoranza tan-nies li jaħdmu fil-qasam agrikolu, jingħataw sehem ġust tal-ħlas li jistħoqqilhom għat-taħbit li jitħabtu matul is-sena, kif deher ċar fil-laqgħa internazzjonali li saret f’Ruma f’Lulju li għadda u li ħejjiet it-triq għal-laqgħa ikbar li kellha ssir fi New York f’Settembru 2021. Il-kliem sabiħ li ntqal f’Ruma hemm bżonn li jissarraf fil-prattika.

Il-Knisja għandha rappreżentanza regulari fl-F.A.O. Bħalissa Ir-rappreżentant permanenti tas-Santa Sede huwa Monsinjur Fernando Chica. Il-Papa għandu wkoll kunsilliera regolari għall-ekonomija u l-iżvilupp uman fil-persuna tas-soru Alessandra Smertilli .

Wieħed ma jistax jonqos li jirrifletti fuq ir-realtà alimentari fid-dinja tagħna: Hawn 149 miljun tfal taħt il-15 il-sena li jibqgħu lura fl-iżvilupp tagħhom minħabba nuqqas ta’ ikel!.

Ma ninsewx li qed toqrob is-sena 2030, is-sena li għażlet il-Ġnus Magħquda li fiha suppost jinqered il-ġuħ u li qed tissejjaħ is-sena ĠUĦ ŻERO! Bħalissa d-Direttur Ġenerali tal-FAO li għandha l-uffiċċju ġenerali f’Ruma huwa Ciniż, Qudongyu, ta’ 57 sena.

More in Socjali