Owen Bonnici | Il-volontarjat fit-tradizzjonijiet

Toqgħod taħseb ftit, tirrealiżża kemm hemm voluntiera li b’sagrifiċċji kbar jgħaddu ħin biex dawn it-tradizzjonijiet jibqgħu ħajjin

Fl-istaġun tas-Sajf l-hena tiegħi nsib ħin indur l-ibliet u l-irħula nogħxa bit-tradizzjonijiet u l-kultura Maltija. Qed nirreferi għall-festi fil-komunitajiet tagħna. Apparti t-tradizzjoni reliġjuża, li wkoll għaddiet minn ġenerazzjoni għall-oħra u għada ħajja sew, hemm ukoll imżewġin magħhom it-tradizzjonijiet lokali li huma parti intrinsika mill-festi Maltin.

Toqgħod taħseb ftit, tirrealiżża kemm hemm voluntiera li b’sagrifiċċji kbar jgħaddu ħin biex dawn it-tradizzjonijiet jibqgħu ħajjin. U jekk tibda taħseb, il-lista ta’ dawn ma tispiċċa qatt.

Għax jekk toqgħod tqis sew, ara kemm hemm voluntiera li permezz tax-xogħol siewi tagħhom, aħna u dawk li jżuru lil pajjiżna, inkunu nistgħu ngawdu l-festi tagħna. Hemm dawk li jgħinu fil-festi reliġjużi, l-armar tal-knisja, arranġamenti tal-fjuri, tindif, dawk li jżejnu t-toroq tal-lokal bl-armar tal-festa, dawk li jaħdmu l-liedna, insomma jekk nibda nsemmi ma nispiċċa qatt.

Hemm ukoll dawk li matul is-sena – ħafna b’mod volontarju wkoll – jgħallmu liż-żgħar il-marċi u mużika oħra biex mgħaqudin flimkien bħala banda, jkomplu jagħtu t-timbru tradizzjonali Malti fil-festi. Kull belt u raħal għandha tal-anqas soċjetà mużikali. U dawn ukoll intirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra u baqgħu magħna sal-lum.

Il-Każin tal-Banda huwa ċentru fir-Raħal jew Belt fejn jinstab. Ċentru mhux biss għal dawk dilettanti tal-banda, imma ċentru wkoll għall-komunità kollha. Storja li teħodna daqs 150 sena lura, meta dawn il-lokalitajiet kienu – u għadhom – iservu bħala klabb soċjali, li bil-mod il-mod inbidlu f’każin tal-banda. Mixja li hija marbuta mal-għeruq tradizzjonali tagħna lkoll. Mixja li evolviet sew. U minn dejjem dawn il-każini kellhom l-importanza tagħhom. Jekk taqra l-kotba tal-istorja ssib li l-irvellijiet tas-Sette Giugno bdew propju minn diskussjonijiet imqanqla f’każin tal-banda.

Illum dawn iċ-ċentri jservu mhux biss bħala skola tal-mużika bla ħlas, imma wkoll ċentru minn fejn jiġu organizzati attivitajiet kulturali kemm għall-festi imma wkoll attivitajiet mużikali filantropiċi. Huma wkoll ċentru ta’ tagħlim għaż-żgħażagħ tagħna. Il-każini għandhom post ċentrali importanti fejn jidħol it-tagħlim tal-kultura u tradizzjonijiet Maltin.

Ix-xogħol tal-każini mhux marbut biss mal-lokal. Hemm is-sehem tagħhom f’tradizzjonijiet oħra Maltin, bħall-Imnarja u okkażjonijiet oħra. Apparti minn dan, wieħed jieħu gost ukoll jara parteċipazzjoni tal-każini fuq livell aktar wiesa’ – fil-ftuħ ta’ Valletta 2018 pereżempju.

Insellem lil dawk kollha li jgħożżu t-tradizzjonijiet li jagħmluna Maltin u Għawdxin u ħadmu matul dawn is-snin, is-sekli, biex żammew ħajjin dawn it-tradizzjonijiet

Tajjeb li ngħid ukoll li membri tal-baned żviluppaw il-karriera tagħhom sew u llum huma professjonisti fil-qasam tagħhom.

Meta tgħid każin tal-banda, mhuwiex biss il-lokal, imma qed issemmi snin kbar ta’ tradizzjoni u wkoll tgħalim importanti.

U dan joħroġ ukoll b’mod eċċellenti f’xi serata jew oratorju li jtellgħu f’dawn il-jiem. Titpaxxa tisma’ l-ġmiel li l-banda kapaċi toffri f’dawn il-mumenti li żgur li jsaħħruk.

Festa mhix kompluta jekk ma’ jkollniex ukoll il-logħob tan-nar. Tradizzjoni oħra li tmur lura s-snin. Ġabuha magħhom il-Kavallieri ta’ San Gwann u nfirxet sew. Il-Kavallieri kienu jużaw il-piroteknika u l-logħob tan-nar biex jiċċelebraw okkażjonijiet speċjali. U min hemm il-Maltin, bil-ħila tagħhom għamlu dan il-logħob tan-nar – il-Gioco di fuoco u allura ġiġġifogu – arti li llum-il ġurnata hija apprezzata mhux biss mid-dilettanti kollha, minn dawk li jżuru pajjiżna, imma wkoll mid-dinja kollha. Qed ngħid hekk għaliex drajna naraw riżultati sbieħ f’kompetizzjonijiet internazzjonali, minn għaqdiet tan-nar Maltin.

Hawnhekk ukoll jidħol il-volontarjat. Dawk kollha dilettanti huma fil-parti l-kbira tagħhom, voluntiera. Ħin prezzjuz li jgħadduħ biex finalment anki l-element tal-logħob tan-nar baqa’ għaddej minn ġenerazzjoni għall-oħra sal-lum.

Anki dan ix-xogħol huwa mifrux ’l hinn mill-festi. Issa drajna naraw il-logħob tan-nar iżejjen is-smewwiet f’okkażjonijiet Nazzjonali – apparti l-festival tal-logħob tan-nar li jsir kull sena u matulu wieħed ikun jista’ jammira s-sbuħija u t-talent ta’ dawk li jaħdmuħ.

Insellem lil dawk kollha li jgħożżu t-tradizzjonijiet li jagħmluna Maltin u Għawdxin u ħadmu matul dawn is-snin, is-sekli, biex żammew ħajjin dawn it-tradizzjonijiet.

+++

U huwa għalhekk li l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali minn żmien għal żmien juri appoġġ għal dawn li semmejt.

Hemm żewġ fondi li jghinu kemm lis-Soċjetajiet mużikali u wkoll lill-kmamar tan-nar li jaħdmu b’mod volontarju.

Il-fond immirat għall-każini tal-baned għandu l-għan li jsaħħaħ xogħolhom billi jappoġġa diversi inizjattivi proposti mill-każini tal-banda nfushom. Dawn jistgħu jvarjaw minn restawr ta’ oġġetti storiċi li jinsabu fil-bini tal-każini tal-banda sa appoġġ fit-taħriġ ta’ kondutturi u għalliema mużikali fil-livell terzjarju. Il-fond għandu wkoll l-għan li jappoġġja kollaborazzjonijiet bejn il-każini tal-banda u l-implimentazzjoni ta’ proġetti innovattivi biex jespandu l-attivitajiet tal-każini tal-banda kemm f’Malta kif ukoll barra.

Il-fond immirat għall-kmamar tan-nar  jaħseb biex jalloka fondi biex il-kmamar tan-nar itejbu l-infrastruttura tagħhom ħalli l-voluntiera jkunu jistgħu jaħdmu f’post aktar sikur, kemm waqt il-manifattura kif ukoll waqt il-ħruq tan-nar. Il-fond jaħseb ukoll biex il-voluntiera jkunu jistgħu jinvestu f’riżorsi li jgħinu biex tittejjeb il-kwalità tal-prodott pirotekniku Malti fejn tidħol sikurezza.

+++

La qed inħares lejn il-festi, ma jistax jonqos li ma nsellimx ukoll grupp ta’ ħaddiema dedikati, li wara li kulħadd ikun gawda l-marċ tal-festa, u wkoll il-festa propja, f’ħinijiet meta probabbli kulħadd ikun qed jistrieħ, ikunu qed iduru belt jew raħal fejn tkun saret festa. L-għan tagħhom li jnaddfu t-toroq, ħalli l-għada tal-festa, il-lokalità terġa tisbaħ f’ambjent nadif u xieraq.

Ovvjament qed nitkellem dwar il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u Manutensjoni, li taqa’ taħt il-Ministeru permezz tas-Segretarjat Parlamentari.

Dawn il-ħaddiema jagħmlu xogħol siewi u kbir mingħajr daqq ta’ trombi. Qed naraw kambjament kbir f’dak li huwa tindif, manutensjoni u żamma tal-indafa

Ta’ min ukoll ifaħħar lil dawn il-ħaddiema, li jagħmlu sajf sħieħ, apparti x-xogħol tagħhom fix-Xitwa, mhux biss iduru l-bajjiet u l-ibliet u l-irħula jnaddfu dak li persuni irresponsabbli jħallu warajhom, jew jitfgħu bħala skart mormi illegali, imma tarahom ukoll għaddejjin bil-kwiet inaddfu l-imkejjen fejn ikunu saru l-festi.

Dawn il-ħaddiema jagħmlu xogħol siewi u kbir mingħajr daqq ta’ trombi. Qed naraw kambjament kbir f’dak li huwa tindif, manutensjoni u żamma tal-indafa.

Dejjem jibqa’ dawk l-irresponsabbli li minflok jużaw mezzi li qegħdin hemm bla ħlas biex l-iskart goff jiddisponu minnu, jaqbdu u jarmuħ fit-toroq u kampanja. Huwa ġest deplorabbli. Kieku m’hawnx mezzi, wieħed forsi jgħid mea culpa, imma mezzi hawn – u bla ħlas.

Naħseb ikun tajjeb ukoll li l-ġurnali jingħaqdu magħna fil-kampanja pożittiva li nagħmlu dwar l-importanza li nżommu pajjiżna nadif. Aħna qed nagħmlu xogħlna, se nagħmlu aktar u dan se jiżdied ukoll b’aktar infurzar. Kulħadd għandu jagħti d-daqqa t’id tiegħu biex nipproteġu l-indafa ta’ pajjiżna.

+++

Nagħlaq billi nfakkar fil-Karnival tas-Sajf. Din is-sena l-Karnival tas-Sajf jibda fit-23 sal-25 ta’ Awwissu u din is-sena wkoll għall-ewwel darba, apparti San Pawl il-Baħar u Marsaskala żidna wkoll Birżebbuga.

Avveniment li għandu s-suċċess tiegħu u issa wkoll flimkien mal-Karnival ta’ Frar, sab postu fil-Kalendarju Kulturali Malti.

Inħeġġeġ lil kulħadd biex jipparteċipa, jieħu gost u jgawdi minn dawn l-attivitajiet li qed norganizzaw fil-jiem tas-sajf.

More in Socjali