Editorjal | Imbarazz bħal dawn ma jriduhomx ma saqajna!

 Imma jidher li l-kejl jew inkella l-metru għal etika hija differenti fil-Labour tal-lum. 

Justin Haber huwa persuna li l-Qorti sabitu ħati fost oħrajn ta’ fastidju sesswali u theddid kontra oħtu, apparti li ġie ordnat biex iħallas flus dovuti lil ħaddieħor. Kien plejer mat-tim nazzjonali tal-futbol u rappreżentant elett fil-kunsill lokali tal-Furjana f’isem il-Partit Laburista. 

Kien instab ħati ta’ fastidju sesswali fil-konfront ta’ tifla ta’ 14-il sena li kienet qed taħdem fir-restorant tiegħu. U fuq dan il-każ, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti t’Isfel.  

Fuq każ ieħor instab ħati li hedded lil oħtu: li jaqtgħalha rasha barra. 

Kien fuq dan il-każ u mhux fuq il-każ ta’ fastidju sesswali li ġie mitlub jirreżenja mill-Partit Laburista. Meta realistikament kellu jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu ferm qabel. Imma jidher li l-kejl jew inkella l-metru għall-etika huwa differenti fil-Labour tal-lum. 

Imma l-vera ħasra ta’ Justin Haber mhux Haber innifsu imma dak li offrielu pjattaforma biex ikompli jikkonferma dak li ilna nafu. Pjattaforma li jgħid iċ-ċuċati u l-ħmerijiet. 

Qed nirreferu għall-persuna li għandha podcast u li għandha wkoll programm ta’ diskussjoni fuq l-istazzjon Nazzjonali f’ħin meqjus bħala prime time. 

Mhux sigriet li din il-persuna għandha l-barka tal-gvern minkejja l-fatt li d-diskussjoni jew inkella l-livell ta’ intervisti li jagħmel huwa ta’ livell baxx u limitat. U mnebbħa minn ottika politika mċajpra immens. 

Ċertament din il-persuna mhix denja ta’ stazzjon nazzjonali. 

Wieħed jista’ jargumenta li persuna fuq il-podcast privat tagħha tista’ tagħmel li trid. Mela le, imma hemm limiti. 

Dak huwa argument bażwi b’mod speċjali meta tinduna li din il-persuna minflok ma għamlet xogħolha ta’ ġurnalist, sempliċement offriet ċans tad-deheb biex persuna bħal Haber jipprova jargumenta kontra s-sewwa magħruf u jkompli joffendi l-intelliġenza ta’ dak li jkun. Għamel l-istess fil-konfront ta’ nies oħra bħal Keith Schembri, li wkoll ingħata l-via libera li jgħid li jrid. 

Il-persuna li għandha programm fuq l-istazzjon nazzjonali ħsara qed tagħmel. Ċertament ħsara lill-Gvern li jsostnih u l-Prim Ministru wkoll. Jappella għal dawk li huma bla ruħ, bla qalb, u bla moħħ. Jappella għall-injoranza. Postu mhux fuq stazzjon li jaspira li jkun mudell ta’ diskussjoni ta’ stoffa u intelliġenti, ugwaljanza u rispett għall-intelliġenza tat-telespettaturi. 

Kieku dan huwa gvern Trumpjan jew lemini tistenna li jkun min tal-ewwel biex jabbraċċja lil min ġie akkużat fil-Qorti, imma dan hu gvern Laburista u soċjali demokratiku li suppost jixpruna l-valuri soċjali u tal-ugwaljanza. 

Huwa mument opportun li dawk il-membri nisa fil-kabinett tal-Gvern Laburista jiftħu ħalqhom u juru r-rabja tagħhom u jgħidu bla tlaqliq: Issa daqshekk, imbarazz bħal dawn ma rriduhomx ma’ saqajna! 

More in Politika