
Ma jistax ikun inkomplu nittrattaw lil pajjiżna b’dal-mod
Dan il-pajjiż ġibnieh maqjel, fabbrika bla brejkjiet biex min għandu l-flus jagħmel aktar flus, anke jekk ifisser li nistupraw dan il-pajjiż u nġibuh pajjiż ikrah.

Waqt li kienet qed titħabbar ir-riżenja ta’ Bernard Grech bħala kap tal-Partit Nazzjonalista seħħ inċident f’Paceville. Mhux se nidħlu fl-istorja wara dan l-inċident. Imma kieku ma kienx għall-kuxjenza u l-azzjoni immedjata tan-nies, kieku kienu jmutu numru mdaqqas ta’ nies u l-laqgħa tal-kabinett ta’ dakinhar kienet tkun iffukata fuq traġedja nazzjonali. U Malta kienet tqum għal darb’oħra u tgħid — kif jista’ jkun!
Mhux b’koinċidenza li seħħ dan l-inċident. Dak li ġara kien kaġun tar-regħba u l-atteġġjament tal-industrija tal-kostruzzjoni u tal-ispekulazzjoni li jikkontrollaw id-destin ta’ dan il-pajjiż ċkejken. Kaġun ta’ kif l-industrija tal-bini ħakmet lil kulħadd.
Pajjiż mifni u nies mixtrija mill-kapijiet tal-industrija tal-bini u magħhom mixtri l-Gvern Laburista bħal dak ta’ qablu, li joħlom li għandu jipprovdi fabbrika tal-permessi u li jinfetħu l-bibien għal żvilupp bla limiti.
Nieħdu erba’ eżempji kif dan il-Gvern nesa jew evita li jaffaċċja erba’ sfidi li kellu fil-manifest elettorali jew inkella fi stqarrijiet pubbliċi ta’ Robert Abela.
L-ewwel waħda li kienet wegħda … ara d-dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ Robert Abela dwar riforma dwar l-appelli li jsiru għall-applikazzjonijiet rifjutati tal-permessi. Fuq din, Abela ma biddel xejn biex żgur ma jirfisx il-kallu tal-iżviluppaturi.
It-tieni: l-eżenzjonijiet fuq ix-xogħlijiet ta’ skavar f’postijiet turistiċi li suppost ma jsirux fix-xhur tas-sajf. Fuq din, il-Gvern ta’ Robert Abela ħaseb li ħadd ma induna bin-numru ta’ eżenzjonijiet li ħarġu kullimkien.
It-tielet: il-wegħda li mal-UCA (żoni ta’ konservazzjoni) ikun hemm buffer zone ta’ 500 metru biex iż-żoni storiċi ma jispiċċawx ġo gaġġa.
U r-raba’: il-policy magħrufa bħala l-iskyline policy. Biex il-karatteristiċi tal-ibliet tagħna ma jiġux rovinati.
Bla dubju ta’ xejn, ftit minn dawn l-ideat ġew introdotti mill-Eks Deputat Mexxej Daniel Micallef, li jekk ma kellu xejn, kellu qalb soċjali demokratika u kuxjenza ambjentali. B’differenza kbira mid-diriġenza tal-Partit Laburista li llum, lanqas jistħu li jitħabbu mal-klassi ta’ żviluppaturi bħall-Franċiż, Stivala, Portelli, Chetcuti, u ħafna oħrajn.
Dan il-pajjiż ġibnieh maqjel, fabbrika bla brejkjiet biex min għandu l-flus jagħmel aktar flus, anke jekk ifisser li nistupraw dan il-pajjiż u nġibuh pajjiż ikrah. Fejn il-flus jitkellmu u fejn kull kritika għall-iżvilupp bla rażan hija kkunsidrata bħala medjokri. Fejn il-politika Neo-liberali tiġi ppremjata kontra dik soċjali.
Forsi biex nifhmu l-qalb ta’ dan il-Gvern trid tħares lejn sentenza waħda biss mill-viżjoni 2050 tal-Gvern għas-snin li ġejjin.
“Li Malta tilħaq in-numru maġiku ta’ 4.5 miljun turist.” Ċifra li tinjora l-impatt ambjentali, infrastrutturali u soċjali fuq pajjiżna. Ċifra li tinjora l-limitazzjonijiet ta’ pajjiżna.
Mira li tkompli turi kif dan il-pajjiż tilef il-boxxla. U wisq aktar kif il-politiċi jew inkella l-Gvern ta’ Robert Abela jaraw sa fejn id-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jġibulu voti u mhux pajjiż aħjar.
Il-flus mhux kollox, is-sens altruwista, is-sens ċiviku, u r-rispett lejn il-komunitajiet huwa ferm aktar importanti. Mur obsor. Imma ħadd mill-klassi politika preżenti ma jaċċetta dan l-argument.