
In-nies tkellmet
Din il-gazzetta ma tibżax tgħid li hija gazzetta xellugija, imma din ir-riforma tal-Gvern mhix, la Laburista, u lanqas soċjal-demokratika.

In-nies illum tkellmet. Ir-riforma tal-ippjanar ma tistax tkompli. Jekk il-Gvern ikompli mela veru każ ta’ arroganza. Arroganza li jrid jinjora lin-nies u, mhux hekk biss, irid jaqdi biss l-interessi ta’ min għandu l-poter tal-flus, u ilu snin jippompja flus fil-partiti politiċi.
Illum li l-kostruzzjoni u l-bini jħallu ħafna flus fl-ekonomija u fil-bwiet tan-nies, din mhix gidba. Imma ma jfissirx li rridu nagħtu kollox lill-iżviluppaturi. L-iżviluppaturi għandhom ikunu għodda f’industrija li trid tkun regolarizzata.
Il-Gvern, wara tant messaġġi fuq medda ta’ snin, mhux qed jagħraf li riforma fl-ippjanar trid tkun indirizzata lejn għarfien ta’ ħarsien ambjentali, kif ukoll ikkonsolidata minn interessi soċjo-kulturali.
Dan il-pajjiż ġibnieh mandra. Meta wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew il-PL fil-Gvern naqqas il-maġġoranza għal waħda ta’ 8,000 vot, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jrid jirrispondi għall-weġgħat tan-nies. Fosthom dwar ir-rabja tagħhom għall-kostruzzjoni, il-bini bla waqfien, u l-qerda ambjentali. Minflok, il-Prim Ministru fl-aħħar ta’ Lulju ried idaħħal riforma u tibdil fil-liġi li ċarament tiffjorixxi lil min jixxala fil-kostruzzjoni.
Kien eżerċizzju li jirrefletti biża’ li l-affarijiet isiru sew u mhux bil-moħbi. Tant kien malinn il-ħsieb, li lanqas riedu li dawn it-tibdiliet jgħaddu mill-għarbiel tal-istadji tad-diskussjoni tal-Parlament.
Jekk hemm riforma li trid issir, hija waħda li tipproteġi l-irħula tagħna, l-għoli permess, iż-żoni fejn li ma jistax isir bini u d-dritt sagrosant tal-Qorti li sservi ta’ rifuġju għas-sewwa u l-ħaqq.
Din il-gazzetta ma tibżax tgħid li hija gazzetta xellugija, imma din ir-riforma tal-Gvern mhix, la Laburista, u lanqas soċjal-demokratika.
Għalxejn noqogħdu nħammu fuq il-ħaddiem, il-familji, u l-klassi medja meta l-messaġġi li qed nibagħtu huma l-kontra.
Dan il-pajjiż jixraqlu ppjanar li jirrifletti l-qalb tan-nies u mhux il-but ta’ min jaħseb li jista’ jagħmel triq fil-baħar. Huwa xieraq li l-gvern, li f’kull qasam għamel avvanzi, f’dan il-qasam jirrikonoxxi li jrid jindirizza d-direzzjoni ħażina li ħa.
Il-qalb tħabbat tan-nies fil-belt li għajtu għall-bidla fil-ħsieb hija kbira. Ir-risposta tal-Gvern trid tkun waħda meqjusa, matura u kuxjenzjuża. Xejn inqas u xejn iktar.
Il-kwalità tal-ħajja ma tiġix imkejla bin-numri imma b’affarijiet li jkunu ta’ serħan il-moħħ, paċi, kuntentezza, u serenità. Ħaġa li Malta u Għawdex tagħna żgur ma jagħtux; mifnija kif inhuma llum minn żvilupp bla qies u bla tmiem.