
Sarah Schembri | Kif tibni t-tama: Il-Kampanja ta’ Manoel Island
'Jekk naraw li l-idea ta’ Manoel Island bħala park qiegħda tiżvija, ħa nerġgħu nitfgħu pressjoni, sakemm din il-ħolma, imfassla miċ-ċittadini komuni, bħali u bħalek, issir realtà'

Bdiet b’ħolma. Proprjament, bdiet minn ħafna qabel. Diffiċli tkun taf eżatt minn fejn nibtet l-idea li Manoel Island ikun park nazzjonali. Għalkemm fl-2012 l-AD kienet diġà pproponiet li l-gżira tingħata għall-użu pubbliku, kellhom jgħaddu numru ta’ snin qabel ma l-gżira ssemmiet bħala post ideali għal park nazzjonali tal-wirt kulturali Malti. Kienet l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) li pproponiet, f’Ġunju 2016, li Manoel Island tkun waħda mis-siti ewlenin li jistgħu jibbenefikaw mil-liġi tal-Public Domain Act.
Tista’ tgħid li s-sajf tal-2016 kien mument kruċjali, jew aħjar il-punt tat-tluq ta’ triq twila li wasslitna għall-avvenimenti tal-ġimgħa li għaddiet. Dan għaliex f’Awwissu ta’ dik is-sena, is-Sindku tal-Gżira ta’ dak iż-żmien fetaħ proċeduri fil-Qorti kontra l-MIDI — il-kumpanija li, almenu sal-lum, għandha l-konċessjoni sabiex tibni fuq Manoel Island. Il-proċeduri fil-Qorti kellhom x’jaqsmu mal-fatt li għal 16-il sena l-aċċess għall-kosta kien magħluq illegalment u ġenerazzjoni sħiħa kibret mingħajr qatt ma kienet taf x’ġawhra kienet tilfet. Lejn il-bidu ta’ Settembru 2016, grupp ta’ attivisti fil-koalizzjoni Kamp Emerġenza Ambjent ħadu r-riedni f’idejhom u marru jaqtgħu l-fences li kienu qed jingumbraw l-aċċess. Din l-azzjoni, immexxija prinċipalment mill-Moviment Graffitti, ġibdet l-attenzjoni tal-pajjiż kollu, u minkejja li l-MIDI ippruvat għal darba tnejn terġa’ twaqqaf lill-pubbliku milli jidħol f’Manoel Island, il-battalja kienet diġà mitlufa. Sal-lum, bis-saħħa ta’ dik l-azzjoni, eluf ta’ nies igawdu din il-gżira tul is-sena kollha, biex jippassiġġaw, jgħumu, u jqattgħu ftit ħin fil-paċi.
Minkejja li din ir-rebħa wasslet sabiex il-pubbliku jerġa’ jkollu aċċess għal Manoel Island, il-pjanijiet għall-‘iżvilupp’ bdew f’dan iż-żmien. Hawnhekk, kienet għal darb’oħra l-FAA li ma qatgħetx qalbha u baqgħet tiġġieled sa ma t-tribunal tal-ippjanar taha r-raġun u waqqaf kollox fl-2019. Tul din il-ġlieda, grupp żgħir ta’ residenti Gżirjani għamlu l-qalb u bdew inizjattiva minn jeddhom. Għażlu li jieħdu azzjoni, u ffurmaw l-għaqda Inħobbu l-Gżira. Kienu dawn ir-residenti li ħarġu l-flus minn buthom biex jakkwistaw kopja tal-kuntratt oriġinali — li spiċċa biex kien il-qofol ta’ din il-kampanja kurrenti.
Fl-2024 bdew il-preparamenti għal din il-kampanja, wara li l-applikazzjoni għall-permess tal-MIDI għall-bini ta’ blokok residenzjali ġodda fuq il-gżira ġiet deferita mill-PA minħabba l-potenzjal li l-gżira taqa’ fil-buffer zone tas-sit tal-UNESCO, il-Belt Valletta. Il-ħidma ssoktat bejn il-Moviment Graffitti u l-FAA biex iniedu kampanja qawwija bil-għan li Manoel Island terġa’ ssir tal-poplu. Konna nafu, permezz tal-kuntratt, li dan se jkun l-aħħar ċans biex din il-ħolma ssir realtà. Rajna ċans zgħir imma realistiku li Manoel Island issir post għat-tgawdija ta’ kulħadd. Li ssir Post Għalina.
Ingħaqadna flimkien, attivisti bi snin twal ta’ esperjenza, oħrajn għadhom jibdew; nies li għandhom lil Manoel Island marbuta ċoff mal-memorji ta’ tfulithom, oħrajn li qatt ma rifsu fuqha qabel l-2016. Mill-bidu, iddeċidejna li din tkun kampanja pożittiva, b’messaġġ ta’ tama: Aħna rridu li Manoel Island issir park nazzjonali għat-tgawdija ta’ kulħadd, u aħna konvinti li din il-ħolma hija fattibbli. Din ma kinitx konvinzjoni fl-arja, imma waħda bbażata fuq il-klawsoli miktubin bl-iswed fuq l-abjad, fil-kuntratt li kellna f’idejna. Mill-bidu ukoll, għamilnieha ċara mal-MIDI li din mhix kampanja kontrihom, imma kampanja għall-ġid nazzjonali. B’hekk, kellimniehom u ltqajna magħhom, u għalkemm qatt ma wasalna fi qbil, dejjem għamilnieha ċara li l-aħjar soluzzjoni hija waħda li tkun ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha — għalkemm l-ewwel u qabel kollox, għall-poplu.
Din il-viżjoni sabet l-appoġġ ta’ kważi ħamsin għaqda, kif ukoll personalitajiet, artisti, akkademiċi, politiċi mill-partiti l-kbar, il-partiti Momentum u ADPD. Il-petizzjoni parlamentari, li użajna bħala għodda biex turi li din il-kawża għandha appoġġ popolari, damet xahrejn miftuħa, u ġabret 29,057 firma. Numru sabiħ, imma daqstant ieħor kienu sinifikanti l-ammont u l-varjetà ta’ għajnuna li sabet il-kampanja. Minn professjonisti li offrew is-servizzi tagħhom b’xejn, għal nies li taw donazzjoni, għal gruppi li organizzaw l-avvenimenti tagħhom fuq Manoel Island, għal voluntiera li taw ħinhom u l-ideat tagħhom biex il-messagg tagħna jinfirex u jinstema’ madwar Malta u Għawdex — kull wieħed u waħda minn dawn naqqxu isimhom fl-istorja ta’ Manoel Island.
Tul dawk ix-xahrejn tal-petizzjoni, kibret it-tama, u kiber l-ottimiżmu. Nies li ma kinux iħossuhom komdi jlissnu l-fehma tagħhom sabu l-kuraġġ biex jitkellmu fil-beraħ. Ftit kienu n-nies li ħasbu li bil-ħila ta’ petizzjoni se tinbidel xi ħaġa konkreta, imma aħna li għamilna xahrejn nitkellmu man-nies ma stajniex ma ninnutawx li s-sens ta’ tama f’futur aħjar kien qiegħed jikber ma’ kull firma.
Meta, wara li ngħalqet il-petizzjoni, ħafna mill-mexxejja politiċi jew ma tniffsux, jew ċaħdu li setgħu jagħmlu xi ħaġa, ir-reazzjoni kienet immedjata u ġiet minn kull naħa. Sa dak il-punt, l-idea li Manoel Island għandha tkun park nazzjonali kienet saret sens komun. F’dawk l-ewwel ġranet ta’ wara l-għeluq tal-petizzjoni, ġrat xi ħaġa li ftit narawha hawn Malta. Membri Parlamentari u nies imdaħħla fil-partiti l-kbar evalwaw it-talba tal-petizzjoni, qablu magħha, u tkellmu, anke meta ma kienx hemm il-partit sħiħ warajhom. Din it-turija ta’ ħsieb indipendenti spiċċat dawret il-fehma tat-tmexxija fiż-żewġ naħat tal-kamra. Ftit ġranet wara, il-Prim Ministru ħabbar li kienu qed jevalwaw il-kuntratt, u li kien se jagħmel minn kollox biex iġib lil Manoel Island lura f’idejn il-Gvern biex issir park nazzjonali.
Affaċċjata b’kunsens nazzjonali, kemm mil-lat popolari, kemm mil-lat politiku, il-MIDI kellha tikkonċedi, u twiegħed li hija lesta tinnegozja mal-Gvern biex Manoel Island tmur lura għand il-poplu u ssir park pubbliku.
Xogħol il-kampanja ma jispiċċax hawn. Aħna qegħdin għassa li dak li ġie mwiegħed, jitwettaq. Jekk naraw li l-idea ta’ Manoel Island bħala park qiegħda tiżvija, ħa nerġgħu nitfgħu il-pressjoni, sakemm din il-ħolma, imfassla miċ-ċittadini komuni, bħali u bħalek, issir realtà.
Sarah Schembri hi attivista tal-Moviment Graffitti u kelliema għall-Kampanja Manoel Island: Post Għalina