Julia Farrugia Portelli | Min idoqq il-borom u min iwettaq il-ġid

'Waqt li ċ-ċorma qagħdu jgħaddu l-ħin fil-ħsejjes vojta, il-Gvern kien qiegħed jissokta bit-twettiq ta’ politika li tassew qiegħda tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies'

Ir-realtà politika li qegħdin ngħixu f’pajjiżna hija waħda kkaratterizzata minn kuntrasti kbar li qajla qatt rajna bħalhom fl-istorja tagħna. Fil-jiem li għaddew rajna l-partit fl-Oppożizzjoni u dawk li jservuh ta’ forċina — jew bil-kontra — jiltaqgħu f’Misraħ il-Ħelsien biex idoqqu l-borom u jsaffru s-sfafar fi “protesta” dwar ir-riforma tant meħtieġa fl-inkjesti. Riforma li ssib il-bażi tagħha fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, u f’diversi rapporti li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni Bonello, il-Kummissjoni Venezja, u l-Kummissjoni tal-Liġijiet.  

Prattikament fl-istess waqt, il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, kien qiegħed iħabbar li se jitħallsu l-pagamenti tal-In Work Benefit u l-Carer’s Grant, żewġ benefiċċji soċjali li ġew introdotti minn dan il-Gvern u baqgħu jissaħħu minn sena għal oħra, fosthom bit-twessigħ tat-thresholds bil-għan li aktar persuni jkunu eliġibbli għalihom. 

Kuntrast ikbar minn hekk ma jistax ikollok. Waqt li ċ-ċorma qagħdu jgħaddu l-ħin fil-ħsejjes vojta, il-Gvern kien qiegħed jissokta bit-twettiq ta’ politika li tassew qiegħda tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Iktar minn 23,265 familja se jkunu qegħdin igawdu mill-In Work Benefit b’investiment annwali ta’ €16-il miljun. Dawn barra l-eżenzjonijiet mill-ħlas tat-taxxa u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. 

Fil-każ tal-Carer’s Grant, li l-Gvern daħħal fl-2021 u li minn Jannar ta’ din is-sena telgħet għal €5,190 fis-sena, l-għotja se tkun tkopri wkoll dawk il-ġenituri ta’ tfal taħt is-16-il sena li ma jkunux jistgħu jaħdmu biex jieħdu ħsieb uliedhom b’diżabbiltà severa. 

Tkellem b’qawwa u konvinzjoni l-Prim Ministru Robert Abela waqt il-laqgħa man-nies fil-Belt il-Ħadd li għadda. Wera biċ-ċar il-kuntrast bejn dak li qed iwettaq il-Gvern Laburista b’risq il-poplu f’ambjent ekonomiku b’saħħtu u s-sejħiet ta’ kelliema Nazzjonalisti għal sehem Malti fix-xiri ta’ armi u armamenti li bħalissa qed ikun propost u diskuss fil-fora Ewropej. 

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru sostna kif il-poplu Malti m’għandux ikun imċaħħad mit-twettiq tal-ġid soċjali. Malta hi kburija bin-newtralità tagħha u tibqa’ temmen fil-paċi u d-djalogu li minnu tista’ titnissel. Semma kif xejn inqas minn €1,500 miljun ta’ investiment fis-soċjal marru biex il-Carers f’pajjiżna raw — meta mqabbla ma’ sentejn ilu — żieda ta’ għoxrin fil-mija fil-kundizzjonijiet u d-dħul tagħhom.  

Biex juri r-razzjonal tal-Gvern meta jiġi wiċċ imb wiċċ ma’ każi u sitwazzjonijiet diffiċli fis-settur tad-diżabbiltà, fosthom koppji li għandhom tfal b’diżabbiltà severa, il-Prim Ministru ġab l-eżempju ta’ familja f’Birżebbuġa li, flimkien miegħi, kien żar ftit snin ilu fejn ingħatajna stampa tabilħaqq reali tal-isfidi li koppji bi tfal b’diżabbiltà severa jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum. 

Waqt li laqgħuna għandhom, din il-koppja kienet spjegatilna kif kienet is-sitwazzjoni tagħhom dakinhar meta kien impossibbli għalihom imorru jaħdmu t-tnejn li huma, għax wieħed jew l-oħra jeħtiġilhom joqogħdu mat-tifel il-ġurnata kollha u l-lejl kollu, sebat ijiem fil-ġimgħa, kull siegħa tal-ġurnata. 

L-għażla quddiemna kienet bejn li nisimgħu u sempliċement nissimpatizzaw magħhom, inkella naraw tabilħaqq x’jista’ jsir biex koppji bħal dawn jingħataw xi forma ta’ għajnuna fil-ġlieda ta’ kuljum tagħhom kontra l-isfidi li ġġib sitwazzjoni bħal tagħhom. Kienet naturali għalina l-għażla li, kif qal il-Prim Ministru, nidħlu bis-saħħa biex tkun indirizzata din il-problema. 

Kienet dik iż-żjara li kompliet tixprunana biex naraw li l-Gvern mhux biss ikompli jkun ta’ spalla kontinwa għal dawk fis-soċjetà tagħna li jeħtiġuha, iżda anki li noħorġu u ntejbu skemi u għajnuniet li jibqgħu jagħmlu differenza għal dawk li jibbenefikaw minnhom. Hekk twieldet il-Carer’s Grant, maħsuba espressament biex tilħaq lil dawk il-ġenituri li jeħtiġilhom jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom. 

Din l-għotja bqajna ta’ kull sena nwessgħuha u nsaħħuha, iżda fhimna wkoll li jkun għad baqa’ lok għal aktar aġġornament, dejjem bit-tir li titjieb il-kwalità tal-ħajja għal dawn il-ġenituri. Nafu bil-fatti kemm għenna biex dawk li bbenefikaw minnha bdew jgħixu ħajja ferm aktar pożittiva minkejja d-diffikultajiet li jafu li se jibqgħu jsibu ma’ wiċċhom ta’ kuljum. Iżda ma stajniex nieqfu hemm. Ir-ruħ soċjali tagħna tibqa’ titlob mingħandna impenn dejjem ikbar lejn aktar inizjattivi li jidhrilna xierqa fis-settur tas-soċjal u d-diżabbiltà. 

Ma stajniex inwarrbu realtà oħra li qalulna biha l-istess benefiċjarji tal-Carer’s Grant. Il-fatt li dawn ma kinux qed iħallsu l-bolol tas-sigurtà soċjali kien iwassal biex meta għada pitgħada jilħqu l-età pensjonabbli ma jkollhomx pensjoni b’saħħitha bħal kull min ikun ħadem. Din ma kinitx aċċettabbli għalina. U kien għalhekk li l-Gvern ħabbar li kien se jidħol hu għall-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet biex hekk, meta jasal dak il-jum tal-irtirar, dawk li jibbenefikaw mill-Carer’s Grant ikunu meqjusin li ħallsuhom għall-għoti ta’ pensjoni xierqa u mistħoqqa. 

Triqitna tibqa’ dik li nseddqu l-prinċipji soċjali tagħna, li nkunu hemm anki meta s-sitwazzjoni tkun inbidlet minħabba ċirkustanzi ġodda li fil-ħajja qatt ma jonqsu. Il-Gvern qiegħed hemm biex itejjeb il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin anki waqt sfidi dinjin bħalma kienet il-pandemija u ż-żewġ gwerer li għad għandna jbaqbqu madwarna.  

Jekk hemm min irid jibqa’ jedha fid-daqq tal-borom u l-aljenazzjoni, affarih.

More in Politika