‘L-ewwel prijorità li għandha tingħata allura hija li nżidu s-sigurtà fit-toroq tagħna’
Mark Anthony Sammut huwa l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobilità. Il-gazzetta ILLUM poġġiet ma’ Sammut biex tiddiskuti l-miżuri ġodda mill-Ministru għat-Trasport Chris Bonnet sabiex jitnaqqas it-traffiku

Inti kkritikajt kif il-Gvern ippropona skemi sabiex titnaqqas il-problema tat-traffiku billi jippromovu l-muturi u l-infrastruttura ħa tinbidel wara. Kieku kont inti l-Ministru għat-Trasport, x’tibdiliet tagħmel fl-infrastruttura kurrenti sabiex issir adegwata għal wieħed biex jeqleb għall-mutur jew għal xi metodu ieħor tat-trasport?
L-iżjed ħaġa li żżomm lin-nies lura milli jużaw mutur jew rota hija l-periklu. L-ewwel prijorità li għandha tingħata allura hija li nżidu s-sigurtà fit-toroq tagħna. Dwar dan għamilna diversi proposti, fosthom:
-
Infurzar effettiv tar-regoli tat-traffiku li jneħħi mit-toroq tagħna xufiera abbużivi, partikolarment fejn jidħol sewqan taħt l-effett tas-sustanzi (tal-iskantament kif għal pajjiż ta’ aktar minn nofs miljun ruħ fejn hawn mijiet ta’ eluf ta’ sewwieqa, il-Pulizija għandhom total ta’ 18-il breathalyser, li 17 minnhom kienu donazzjoni mill-Malta Insurance Association. Tul dawn is-snin kollha, il-Gvern xtara biss breathalyser wieħed għall-Korp tal-Pulizija.) Dan m’għandux isir biss fiż-żminijiet tal-festi imma tul is-sena kollha. Fost l-oħrajn, test għall-effett tas-sustanzi u xorb għandu jsir f’kull inċident fejn ikun hemm mewt jew korriment ta’ xi ħadd;
-
Pieni aktar ħorox u sospensjonijiet ta’ liċenzji lil min jiġi stabbilit li kkawża inċidenti li fihom iweġġgħu jew saħansitra jmutu n-nies;
-
Kampanji ta’ edukazzjoni dwar ir-rispett bejn kull min qed juża t-triq, karozzi, muturi, roti, u min qed jimxi;
-
Infurzar ta’ miżuri ta’ sigurtà fejn ikunu qed isiru xogħlijiet fit-toroq (barriers kif suppost meta jitħaffru trinek, dwal billejl eċċ);
-
Rapport ta’ esperti dwar id-disinn ta’ toroq fejn qed jiġu ripetuti ħafna inċidenti, u inċidenti serji, u kif dawn jistgħu jitjiebu, fosthom Triq Anton Buttigieg, iż-Żejtun;
-
It-twaqqif tat-Transport Safety Investigative Commission li kienet ġiet imwiegħda u li tkun tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet biex ċerti inċidenti ma jirrepetux ruħhom.
-
Leġiżlazzjoni li tagħti prijorità u protezzjoni akbar lil sewwieqa ta’ vetturi fuq żewġ roti.
Fost l-iskemi li ħabbar il-Ministru għat-Trasport hemm iżjed rotot tat-trasport pubbliku u Park-and-rides ġodda. Temmen li dawn ħa jħeġġu iżjed nies sabiex jużaw it-trasport pubbliku jew ħa jikkawżaw iżjed traffiku?
Aħna nemmnu li jeħtieġ issir reviżjoni tar-rotot sabiex ikun hawn konnessjonijiet aħjar mal-postijiet fejn jaħdmu l-aktar nies. Naqblu ma’ dak li propona l-Ministru li jitjiebu r-rotot lejn l-industrial estates, imma mhux biss. Hemm bżonn konnessjonijiet aħjar ma’ ċentri oħra fejn illum hemm ħafna nies jaħdmu, bħal Birkirkara, l-Imsida, il-Gżira, Ta’ Xbiex u Ta’ Sliema. U konnessjonijiet diretti mil-lokalitajiet għall-Universita, l-MCAST u l-Higher Secondary. Ma nistgħux inħallu s-sistema tat-trasport pubbliku ċċentralizzata mal-Belt Valletta. Nemmnu li anke l-Park-and-rides jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni, għax ħa jnaqqsu l-ammont ta’ karozzi jduru u jagħqdu ġoċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula biex ifittxu parking, li minnu nnifsu wkoll huwa parti mit-traffiku.
Waħda mill-kritika ta’ ħafna fuq dawn l-inizjattivi hija n-nuqqas t’importanza li ngħata lit-trasport pubbliku. Fl-istess proposti hemm ukoll iżjed spazji ta’ parking għall-karozzi. X’għandu jsir sabiex it-trasport pubbliku jsir iżjed effiċjenti u li wieħed jista’ jserraħ fuqu, sabiex ikun hemm nies lesti li jneħħu l-karozza u jeqilbu għas-servizz pubbliku?
Pajjiżna jrid jibda jinvesti llum qabel għada f’sistema ta’ trasport tal-massa effiċjenti li tkun kumplimentata mit-trasport pubbliku. Ma nistgħux nibqgħu nipposponu investiment ta’ dan it-tip għax “jieħu ħafna snin biex jitwettaq”. Ilna għaxar snin nisimgħu hekk. Li kieku bdejna, forsi llum wasalna biex nibdew narawh implimentat.
Meta l-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern mhux qed jagħti appoġġ lil mezzi tat-trasport alternattiv b’dawn l-iskemi, għal liema mezzi tat-trasport qed tirreferu? X’jagħmel il-PN jekk jitla’ fil-Gvern sabiex iħeġġeġ iżjed l-użu tar-rota fit-triq?
Qed nirreferu għar-roti, il-muturi, l-iscooters. Irridu ninvestu f’infrastruttura adekwata għal dawn il-mezzi, inkluż spazji fejn dawn jitħallew. Ma jistax ikollna cycling lanes li jispiċċaw ħesrem. Fl-istess ħin insaħħu s-sigurtà u l-protezzjoni ta’ min jivvjaġġa b’dawn il-mezzi, bil-miżuri ta’ road safety li semmejt qabel.
Liema taħseb li hu l-iżjed mezz tat-trasport li Malta għandi tinvesti fih meta wieħed jikkonsidra l-popolazzjoni u l-qies tal-pajjiż?
S’issa ġew diskussi diversi għażliet. Light railway, metro, trackless tram, bus rapid transit. Kollha fihom il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom. Għandu jsir studju komparattiv tal-fattibilità tagħhom, niddeċiedu fuq wieħed u nibdew inwettquh.
X’jipproponi l-Partit Nazzjonalista rigward il-konnessjoni fiżika bejn Malta u Għawdex?
Dwar konnessjoni fiżika nemmnu li għandhom jiġu ppubblikati l-istudji kollha fl-intier tagħhom, u d-deċiżjoni tittieħed mill-Għawdxin. Però nemmnu li hemm ħafna iżjed x’jista’ jsir dwar il-konnettività ma’ Għawdex, lil hinn mill-bżonn jew le ta’ konnessjoni fiżika. U għamilna diversi proposti dwar dan, fosthom:
-
Flotta ġdida ta’ vapuri – se nintroduċu erba’ vapuri ġodda u moderni li jilħqu l-ogħla standards ta’ sigurtà u effiċjenza, sabiex il-konnettività tkun stabbli u affidabbli matul is-sena kollha kif spjegajna waqt konferenza organizzata mill-MEP tagħna Peter Agius f’Għawdex ftit ilu.
-
Il-ħames vapur iddedikat għat-trasport tal-merkanzija – Il-Partit Nazzjonalista jrid jintroduċi vapur iffukat fuq il-merkanzija li jopera bejn Għawdex u l-Port il-Kbir, sabiex jittaffa l-inkonvenjent li qed iġarrbu, kemm il-passiġġieri, kif ukoll in-negozji Għawdxin. Il-Gvern din semmieha fil-miżuri li ħabbar. Imma wieħed jittama li proposti bħal dawn ma jibqgħux fuq il-karta u li dan is-servizz ikun jitħaddem b’vapur modern attrezzat għall-bżonnijiet tal-lum u mhux b’xi vapur skadut bħall- MV Nikolaos. Dan is-servizz kien jeżisti diġà fi żmien Gvern Nazzjonalista sa ma waqqfu dan l-istess Gvern Laburista ftit snin ilu. Il-ħasra li l-Gvern kien hu stess li ħoloq din il-problema u ilu snin jinjora lill-Partit Nazzjonalista fuq dan is-suġġett.
-
Tisħiħ tal-Portijiet tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa – Il-portijiet se jiġu estiżi u mmodernizzati biex jilqgħu għad-domanda futura, inkluż titjib tal-breakwaters sabiex dawn il-portijiet ikunu verament all-weather ports u jaħdmu f’kull tip ta’ temp.
-
Tisħiħ tal-infrastruttura – Hemm bżonn titjib tal-aċċess lejn il-Port tal-Imġarr biex jitjieb il-fluss tat-traffiku. Dwar dan, naturalment, isiru l-istudji ambjentali kollha meħtieġa imma żgur li trid issir xi ħaġa biex insolvu din il-problema. Bħal f’kollox, l-importanti l-bilanċ. Kull ħaġa li tagħmel jew ma tagħmilx għandha impatt kemm negattiv jew pożittiv. Ejja naqblu imma li l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu kif inhuma.
-
Aktar vjaġġi għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi – Se jiżdiedu l-vjaġġi speċjalizzati għall-merkanzija perikoluża sabiex jiġi evitat kull periklu għall-passiġġieri u l-ekwipaġġ.