Raphael Borg | Gwerra imperjalista bl-Ukrajna bħala kamp ta’ battalja

"Malta diġà għandha ekonomija żgħira u dan kollu jista’ jfisser aktar tnaqqis fil-ħarsien soċjali, żieda fit-taxxi u kontroll ikbar mill-potenzi kapitalistiċi fuq il-ħajja tagħna"

Fix-xhur riċenti qam diżgwid dwar l-użu ta’ Starlink fl-Ukrajna. Elon Musk, fl-għerf kolossali tiegħu, minkejja li pprovda Starlink b’xejn lill-Ukrajna, ħalef li mhux se jitfi aċċess għal dan; madankollu naqqas l-aċċess għal ftit xhur hekk kif beda jintuża għad-difiża. Riċentement, wara diżgwid fil-White House bejn Zelensky, Trump, u JD Vance, dawn tal-aħħar dlonk qatgħu aċċess għall-intelliġenza bżonjuża sakemm il-President Ukren ma inkinax quddiem ir-rieda tagħhom u wasal fi qbil dwar il-minerali f’artu. 

Fix-xhur riċenti, qam dibattitu sħiħ dwar jistax wieħed jafda lil Musk bi rwol daqshekk importanti, kemm fil-Polonja, kif ukoll fl-Italja. Fl-istess waqt li fl-Ewropa tennejna li rridu nersqu lejn realtà ta’ difiża indipendenti mill-Amerka, ittripla l-bejgħ tal-armi u t-teknoloġiji militari mingħand dawn. 

L-imperjaliżmu, f’dan il-kuntest, huwa s-sistema fejn il-pajjiżi l-kbar, bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza, u anke l-Unjoni Ewropea, jużaw il-qawwa ekonomika, militari, u politika tagħhom biex jikkontrollaw u jisfruttaw pajjiżi oħra, speċjalment dawk iż-żgħar jew inqas żviluppati. M’għadniex fi żmien il-kolonjaliżmu fejn kienu jibagħtu l-armati biex jaħkmu pajjiż, imma llum l-istess ħaġa ssir permezz ta’ metodi ġodda bħall-ekonomija, id-dejn, is-sanzjonijiet, u l-militarizzazzjoni tas-sistema globali. 

Eżempju ċar ta’ dan hu kif il-Punent juża kumpaniji privati bħall-SpaceX biex jikkontrolla l-informazzjoni u l-komunikazzjoni f’żoni ta’ kunflitt. Min għandu kontroll fuq il-komunikazzjoni għandu kontroll fuq il-gwerra, u min għandu kontroll fuq ir-riżorsi naturali bħall-minerali rari fl-Ukrajna għandu kontroll fuq l-industrija u l-futur tat-teknoloġija. Dan kollu jsir mhux għax jimpurtahom mid-“demokrazija” jew mill-“paċi”, imma biex iżommu l-qawwa tagħhom fuq id-dinja. 

Illum qed naraw kif kumpaniji privati bħal SpaceX, li suppost jipprovdu servizzi għan-nies, issa qed jinbidlu f’armi tal-imperjalisti. Starlink, li suppost kien biex jgħin lin-nies jikkonnettjaw, qed jintuża fil-gwerra, u l-propjetarju tiegħu, bil-flus mill-gvernijiet il-kbar, qed jiddeċiedi min jużah u kif. Dan mhux servizz, imma kontroll. U meta l-kapitalisti tal-Punent ma jibqgħux jaraw qligħ, jibdew jużaw il-gwerra biex isaħħu l-pożizzjoni tagħhom. 

L-Ewropa qed tħejji ruħha għal snin ta’ militarizzazzjoni, bil-pjanijiet li jonfqu biljuni fuq armi u difiża. Dan se jissarraf f’aktar pressjoni fuq il-pajjiżi membri biex jikkontribwixxu. Malta diġà għandha ekonomija żgħira u dan kollu jista’ jfisser aktar tnaqqis fil-ħarsien soċjali, żieda fit-taxxi u kontroll ikbar mill-potenzi kapitalistiċi fuq il-ħajja tagħna. M’għandniex ngħaddu minn dan biex insostnu gwerer li jservu biss lil dawk li diġà għandhom il-poter. 

In-newtralità m’għandhiex tkun xi kelma vojta, imma għodda biex Malta żżomm l-indipendenza tagħha, mhux tinġibed f’kunflitti li mhumiex tagħna. 

Il-verità hi li f’din il-logħba l-ħaddiem Malti ma jgawdi xejn. L-Ewropa tgħid li l-gwerra hija għal “sigurtà”, imma l-veru sigurtà għall-poplu hija xogħol stabbli, saħħa tajba, u pajjiż li ma jintefax f’kunflitti oħrajn. Malta trid tibqa’ newtrali mhux għax ma jimpurtaniex, imma għax nafu li l-gwerer tal-poter kbir dejjem jispiċċaw jinqdew bina. 

F’dan kollu, Malta trid toqgħod attentissima. L-Ewropa trid tinvesti biljuni fl-industrija tal-armi, u jekk Malta ma tħarisx sew l-interessi tagħha, tispiċċa parti minn dan il-mekkaniżmu, anke jekk ma jkollhiex armata. L-imperjaliżmu dejjem ifittex lil min jista’ jikkontrolla u jisfrutta – jekk mhux bil-forza, bil-flus, l-ekonomija u l-ftehim li dejjem jagħtu l-vantaġġ lill-kbar. Għalhekk, newtralità ma tfissirx li noqogħdu fil-ġenb bla ma nagħmlu xejn, imma li ma nħallux lilna nfusna nsiru għodda ta’ ħaddieħor. 

Il-perspettiva ta’ Front Maltin Inqumu fuq l-invażjoni tal-Ukrajna hija ċara: din hija gwerra imperjalista fejn, kemm ir-Russja, kif ukoll il-Punent, qed jużaw l-Ukrajna bħala kamp ta’ battalja għall-interessi ġeopolitiċi u ekonomiċi tagħhom. Ma nistgħux niċċaħħdu mill-fatt li r-Russja, taħt Putin, wettqet attakk imperjalista fuq pajjiż ġar, iżda lanqas ma nistgħu nagħlqu għajnejna għall-mod kif il-Punent u n-NATO għenu jeskalaw dan il-kunflitt biex isaħħu l-eġemonija tagħhom fl-Ewropa tal-Lvant. 

Li tinjora ż-żewġ fatti hija baħnanata gravi. Li tgħid li naħa waħda biss imperjalista tkun qed tħarref b’mod storiku. Li naħa hija imperjalista ma teskludix li l-oħra hija ukoll. Is-sitwazzjoni ma tista’ tiġi qatt mqabbla ma’ dik tal-Palestina. 

Din mhux kwistjoni ta’ “tajbin kontra ħżiena” kif iridu jpinġuha xi wħud. L-istess forzi li qed jużaw il-bandiera tal-libertà u d-demokrazija biex jiġġustifikaw is-sanzjonijiet u l-militarizzazzjoni tal-Ewropa huma l-istess li kienu involuti fi gwerer ta’ distruzzjoni fi stati bħall-Iraq, l-Afganistan u l-Libja. Il-problema mhix biss l-aggressjoni Russa, imma wkoll l-ipokrezija tal-Punent li juża gwerer biex jassigura d-dominanza ekonomika tiegħu, filwaqt li jinjora kunflitti oħra bħall-ġenoċidju f’Gaża jew l-inġustizzji kapitalisti li jseħħu f’pajjiżi li m’għandhomx valur strateġiku għalih. 

Aħna ninsistu fuq solidarjetà vera mal-popli li qed ibatu, kemm fl-Ukrajna, kif ukoll fil-Palestina u f’pajjiżi oħra milquta mill-imperjaliżmu u l-militarizzazzjoni. Il-gwerer mhumiex is-soluzzjoni; il-vera għajnuna lill-Ukrajna tfisser li tingħata l-opportunità li tiddetermina l-futur tagħha mingħajr pressjoni mill-Punent jew mir-Russja. Il-passi li ttieħdu biex l-Ukrajna ssir pjattaforma tal-Punent biex tiddgħajjef ir-Russja, flok biex tiġi solvuta d-diffikultà reali li qed jaffaċċjaw in-nies ordinarji hemmhekk, juru li din hija gwerra tas-sistemi imperjalisti u mhux ġlieda ġusta għall-ħelsien. 

Malta, bħala pajjiż newtrali, għandha tibqa’ toffri s-soluzzjoni diplomatika u tgħin biex l-Ukrajna ma tibqax titmexxa bħala pupazz f’idejn l-Imperjaliżmu tal-Lvant u tal-Punent. 

Front Maltin Inqumu mhux talli ma jħarisx b’indifferenza lejn is-sitwazzjoni fl-Ukrajna jew fil-Palestina, imma se jkun fuq quddiem nett f’azzjonijiet konkreti ta’ solidarjetà ma’ nies li qed ibatu mill-aggressjoni u l-okkupazzjoni. In-newtralità ma tfissirx li noqogħdu lura u ma nagħmlu xejn, imma li nkunu liberi nieħdu deċiżjonijiet morali mingħajr pressjoni jew theddid minn potenzi militari. Din kienet dejjem it-tifsira vera tan-newtralità f’għajnejn il-mexxejja soċjalisti Maltin bħal Dom Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici: mhux indifferenza u lanqas ċediment quddiem l-aggressjoni, imma pożizzjoni indipendenti bbażata fuq il-prinċipji. 

Se nuru issa kif in-newtralità, kif maħsuba fil-kostituzzjoni u kif titħaddan fil-Front Maltin Inqumu mhijiex waħda irrilevanti jew maħsuba fl-ajru, iżda għandha fl-għeruq tagħha il-ġustizzja soċjali. 

Id-difiża m’għandhiex tfisser biss aktar armi u aktar gwerer. Id-difiża trid tkun ukoll teknoloġika, diplomatika, u ambjentali. António Guterres qalha ċara f’Lulju tal-2023: il-klima tagħna mhux biss qed tisħon, imma qegħdin fi żmien ta’ global boiling. Il-militarizzazzjoni tal-konflitti tkompli taggrava din il-kriżi. Skont il-Conflict and Environment Observatory (CEOBS) u Scientists for Global Responsibility, l-attivitajiet militari waħedhom huma responsabbli għal madwar 5.5% tal-emissjonijiet globali – jekk l-armi u l-gwerer kienu pajjiż, kienu jkunu r-raba’ l-akbar tniġġis tad-dinja. 

L-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna wriet x’impatt qawwi jista’ jkollha gwerra fuq l-ambjent. Fl-ewwel sentejn biss, il-konflitt ikkawża aktar emissjonijiet minn pajjiż sħiħ bħal l-Olanda. Din hija ħasra doppja: mhux biss qed jinqatlu n-nies, imma qed jiġi mħassar ukoll il-futur tal-pjaneta. 

Jekk irridu nnaqqsu t-tisħin globali u nilħqu l-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi, l-emissjonijiet iridu jitnaqqsu bin-nofs sal-2030. Ma nistgħux niġġieldu kontra l-problema tat-tnaqqis fir-rata tat-twelid waqt li nippromovu rata ta’ mortalità għolja fuq skala globali permezz tal-gwerer. 

L-insistenza biex Malta tissieħeb f’politiki ta’ gwerra se twassal biss għal aktar imwiet u qerda, speċjalment f’okkażjoni ta’ lieva sfurzata; ironika din meta f’Malta u l-Ewropa nisimgħu l-kantaliena li “qed tonqos il-fertilità.” Xi rridu aħna verament? 

Imbagħad indawru d-diskors fuq il-famuża overpopulation. Mela lil min ħa tibgħat jiġġieled f’ismek? Il-barranin? Mela hekk qed turi li tħaddan politika razzista, għax l-ewwel li trid jintefagħlek quddiem xkubetta mhuwiex xi ħadd minn niesek. 

Ma jmorrux l-imprendituri u s-sidien tal-proprjetà? Nibagħtu l-inkwilini u l-ħaddiema. Mela hekk qed turi li tħaddan politika klassista. 

Għalhekk, in-newtralità mhix biss kwistjoni ta’ paċi, imma wkoll ta’ ġustizzja soċjali. Ma nistgħux inħallu min irid idaħħalna fi gwerer ibigħha bħala xi ħaġa sekondarja. Il-ġlieda tagħna hija waħda kontra l-isfruttament, l-inġustizzja u l-faqar – u n-newtralità Maltija hija arma f’din il-ġlieda. 

Għalhekk, Front Maltin Inqumu se jibqa’ jissielet għal sistema ġdida li tieħu l-gwerra barra mill-ekwazzjoni, permezz ta’ soluzzjonijiet diplomatiċi, teknoloġiċi u soċjali li jipproteġu l-bniedem u l-ambjent li ngħixu fih. Dan hu l-veru għan tan-newtralità: libertà, ġustizzja, u futur sostenibbli. 

More in Politika