Ivan Castillo | L-Isfida tal-għoli tal-ħajja f’Malta: Kriżi li qed tolqot lil kulħadd

"L-espansjoni mgħaġġla u mhux ippjanata tal-popolazzjoni ħolqot pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi, l-infrastruttura u r-riżorsi ekonomiċi tagħna. Għalkemm it-tkabbir ekonomiku huwa importanti, ir-rata eċċessiva ta’ żieda fil-popolazzjoni m’għamlitx ġid lill-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Minflok imxew ’il quddiem, ħadu pass lura"

L-għoli tal-ħajja f’Malta laqat lil kulħadd. Mhux biss lil dawk bi dħul baxx jew lil dawk l-aktar vulnerabbli, imma wkoll lill-familji ta’ kull klassi u demografija, lin-negozji, u lil dawk li sa ftit ilu kienu jħossuhom finanzjarjament stabbli. Illum għalihom hija storja differenti. L-effetti negattivi fuq l-istandard tal-għejxien huma ċari u qed iwasslu għal sitwazzjoni fejn in-nies qed jiġu sfurzati jagħmlu għażliet diffiċli fil-ħajja ta’ kuljum. Il-verità hi li hemm ħafna li qed jinkwetaw bis-serjetà. 

Il-verità wkoll hi li, f’Malta llum, ħafna nies m’għadhomx jgħixu b’kumdità. L-għoli tal-ħajja sfurzahom jagħżlu bejn prodotti u servizzi essenzjali, jixtru prodotti inqas, jew jagħmlu pass lura minflok jimxu ’l quddiem. Dan huwa riżultat ta’ diversi fatturi, fosthom żieda mhux ippjanata fil-popolazzjoni, sistema tas-saħħa dgħajfa, u problemi infrastrutturali bħat-traffiku li jżid l-ispejjeż operattivi fuq in-negozji u, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il-konsumatur. Hemm ħafna fatturi li jikkontribwixxu lejn l-għoli tal-ħajja, u hemm bżonn li niġu flimkien sabiex niġġieldu dawn l-isfidi. 

Iż-żieda mhux ippjanata fil-popolazzjoni: Impatt fuq l-għoli tal-ħajja 

L-espansjoni mgħaġġla u mhux ippjanata tal-popolazzjoni ħolqot pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi, l-infrastruttura u r-riżorsi ekonomiċi tagħna. Għalkemm it-tkabbir ekonomiku huwa importanti, ir-rata eċċessiva ta’ żieda fil-popolazzjoni m’għamlitx ġid lill-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Minflok imxew ’il quddiem, ħadu pass lura. 

Illum f’pajjiżna hemm in-negozji tagħna li minn naħa qed jgħidu li hemm bżonn iżjed ħaddiema u, min-naħa l-oħra, il-poplu qed jgħid li qed ibati u ma jiflaħx iżjed. Il-mistoqsija hi: kif se nnaqqsu l-popolazzjoni mingħajr ma nikkawżaw effett ħażin fuq l-ekonomija? Soluzzjonijiet hemm, u l-Partit Nazzjonalista diġà spjegahom fil-viżjoni tiegħu. 

Fi ftit snin biss, rajna domanda bla preċedent fuq il-propjetà u anke fuq il-prodotti bażiċi. Dan wassal biex il-prezzijiet komplew jogħlew, filwaqt li l-pagi tal-ħaddiema ma żdidux bl-istess ritmu. Il-konsegwenza? Kulma jmur, il-ħaddiema u l-familji f’Malta qed ikollhom inqas flus fil-but, għax il-pagi tagħhom ma jilħqux il-prezzijiet li qed jogħlew. 

Problemi fis-sistema tas-saħħa: Spejjeż żejda għall-Maltin u l-Għawdxin 

Il-kriżi fis-sistema tas-saħħa pubblika minħabba pressjoni li llum l-isptar ma jiflaħx għalih qed iwasslu biex aktar nies iduru għall-kura privata li ġġib magħha spejjeż kbar. Meta persuna jkollha tistenna xhur sħaħ jew saħansitra snin għal operazzjoni jew trattament, ikollha jew tbati fis-skiet għax ma tistax tħallas, jew tħallas minn butha għal servizz li suppost jingħata b’xejn. 

Dan ifisser li ħafna familji qed ikollhom jonfqu aktar flus fuq mediċini u servizzi mediċi li kellhom jingħataw mill-Istat. Din l-ispiża qed tolqot lil kulħadd, inkluż il-familji kollha li qed jinqabdu bejn paga li mhix tiżdied bl-istess mod li qed jiżdiedu l-kontijiet tagħhom b’rata ferm aktar mgħaġġla. 

L-Ispejjeż moħbija tat-traffiku u l-infrastruttura dgħajfa 

It-traffiku sar problema li mhux biss idejjaq lin-nies, imma qed joħloq piż fuq l-ekonomija. Kull siegħa mitlufa fit-traffiku hija siegħa ta’ produttività mitlufa, spejjeż addizzjonali fuq il-fuel, u spejjeż operattivi ogħla għan-negozji. 

Dan kollu eventwalment jgħaddi fuq il-konsumatur. L-intrapriżi qed ikollhom jassorbu spejjeż akbar, u għalhekk, iżidu l-prezzijiet tas-servizzi tagħhom. B’riżultat ta’ dan, il-ħajja f’Malta qed issir dejjem aktar għalja, u n-nies qed iħossuha fil-but tagħhom. 

Rapport mill-Bank Ċentrali ta’ Malta: Tkabbir ekonomiku, però l-but jibqa’ vojt 

L-aħħar rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta juri li, għalkemm f’pajjiżna hemm tkabbir ekonomiku, l-inugwaljanza f’pajjiżna qatt ma kienet daqshekk kbira. 

Filwaqt li ċerti sezzjonijiet żgħar tas-soċjetà qed jibbenefikaw minn dan it-tkabbir, ħafna oħrajn qed jibqgħu lura. Kif jista’ jkun li l-ekonomija qed tikber, imma n-nies qed ibatu biex ilaħħqu mal-kontijiet? X’valur għandu tkabbir ekonomiku jekk il-familji u l-ħaddiema ma jistgħux igawduh? 

Din hija r-realtà li n-nies qed jgħixu kuljum. Kif nistgħu ngħidu li kollox sejjer tajjeb, meta l-ħaddiema, iż-żgħażagħ, il-pensjonanti, u l-familji qed jgħixu minn ġimgħa għal ġimgħa? Din hija bogħod ħafna mill-verità. 

Il-Partit Nazzjonalista jifhem il-problema u għandu s-soluzzjonijiet 

Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi d-diffikultajiet li l-poplu qed jaffaċċja. Nifhmu li hemm bżonn ta’ azzjoni konkreta, mhux tifħir. Din hija problema kumplessa li teħtieġ soluzzjoni olistika, li tindirizza kemm il-fatturi lokali, kif ukoll dawk internazzjonali li qed iwasslu għaż-żieda fl-ispejjeż. 

Bħala gżira li timporta kważi 90% tal-prodotti tagħha bil-baħar, ma nistgħux nibqgħu ninjoraw l-isfidi li ġejjin mill-kuntest internazzjonali. Għalhekk, fil-ġurnata waħda fis-sitt xhur li għandna biex niddiskutu l-aġenda tal-Oppożizzjoni, ressaqna mozzjoni biex nindirizzaw, mhux biss is-sitwazzjoni preżenti, iżda wkoll dak li ġej fil-futur, u mhux biss l-isfidi li ġejjin lokalment imma anki dawk minn barra xtutna. 

In-nies għandhom bżonn soluzzjonijiet issa 

Il-fatt li l-Gvern baqa’ passiv quddiem din il-problema huwa inkwetanti. L-għoli tal-ħajja mhux xi ħaġa li nistgħu naħbu taħt it-tapit u ngħidu li ma jeżistix. Għal ħafna Maltin u Għawdxin, l-istandard tal-għejxien tagħhom mar lura, u dan huwa inġust. 

Is-soluzzjoni mhix li nagħlqu għajnejna, inwarrbu r-realtà jew ngħidu li sar biżżejjed. Il-poplu fdana bħala rappreżentanti tiegħu, u bħala membri eletti tal-Parlament, għandna d-dover nużaw ir-riżorsi pubbliċi b’mod responsabbli biex intejbu l-ħajja tan-nies. 

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed fuq in-naħa tan-nies, jifhem it-tbatija tagħhom, u jinsisti li s-sitwazzjoni għandha tiġi indirizzata b’serjetà. Li ma nagħmlu xejn mhix għażla. Ir-responsabbiltà titlob azzjoni, u aħna lesti li nieħdu azzjoni – issa. 

Dejn rekord fuq il-pajjiż – Pajjiżna jrid nifs ġdid 

F’erba’ snin biss, Robert Abela akkumula aktar dejn minn dak li ġabru flimkien il-Prim Ministri kollha minn meta Malta kisbet l-indipendenza sa meta hu sar Prim Ministru. 

U x’għandna x’nuru għal dan id-dejn kollu? Ma bniex skola kull sena, ma bniex sptar ġdid, u l-infrastruttura tagħna qed tkompli tiddeterjora. L-għoli tal-ħajja jibqa’ mhux indirizzat, ma ħoloq l-ebda soluzzjoni għar-rata ta’ twelid l-inqas fl-Ewropa jew għaż-żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni, ma ħoloqx pjan ċar biex jindirizza t-tkabbir fil-popolazzjoni mingħajr ma jnaqqas it-tkabbir ekonomiku, ma indirizzax il-pjaga tat-traffiku, housing affordabbli biex kulħadd ikun jista’ jkun sid ta’ daru, x’għamel biex jindirizza l-kwalità tal-arja tagħna, u ma sarx pjan ħolistiku għal investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema tagħna biex ikunu aktar kompetittivi u produttivi. 

Fi tnax-il sena ta’ dan il-Gvern, ma ħoloq l-ebda settur ġdid tax-xogħol, però fi tnax-il sena kellna skandlu ġdid kuljum. 

Jekk ngħid li kollox ħażin inkun qed niżbalja, però għax forsi hekk qed niftiehem. Imma  meta titfa’ dan kollu f’miżien, nemmen li kulħadd jgħid li hemm ħafna iżjed xi jsir li seta’ jsir aħjar u dan il-Gvern ingħata ċ-ċans li jagħmlu u m’għamlux. 

Malta għandha bżonn bidla! 

Malta għandha bżonn Gvern li juża l-fondi pubbliċi b’mod responsabbli, li jippjana l-futur b’ottimiżmu u b’viżjoni ċara biex ngħinu lin-negozji u lin-nies. Ħadd mhu se jitlef dak li għandu llum. Din tal-aħħar hija ħrafa tal-Partit Laburista biex ibeżża’, anzi, se jiżdied taħt Gvern Nazzjonalista, għax nużaw il-flus tal-poplu għall-poplu, għall-ġid u mhux għall-ħela jew għal dawk tal-qalba. 

Il-Partit Nazzjonalista jrid ikun dak il-Gvern! Aħna se nibnu fuq it-tajjeb, nindirizzaw il-problemi, u noħolqu ekonomija b’saħħitha, stabbiltà u xogħol li joffri pagi tajbin għal kulħadd. Ngħinu l-industrija sabiex tkun tista’ tevolvi biex tilqa’ l-isfidi u tikber. 

Hemm bżonn Gvern ġdid mimli enerġija fejn int tiġi l-ewwel, dejjem. 

More in Politika