Raphael Borg | Id-dar li bena l-punent sidi: meta n-newtralità hi sottomissjoni

'Is-silenzju — jew in-nuqqas tiegħu — ta’ Ian Borg fir-rigward ta’ Trump, filwaqt li Roberta Metsola żżur il-Palestina... jikxef il-boxxla morali, kemm ta’ pajjiżna, kif ukoll tal-klassi politika tat-Tramuntana Dinjija'

Din hi r-realtà li qed nħarsu lejha. 

Ftit ġimgħat ilu, hekk imsejjaħ ġurnalist imħallas minn dawn is-setgħat, għoġbu jiddieħaq bina li ntennu kontra l-oppressjoni dinjija għax nissoktaw għall-Palestina.  

“Fejn huma dawk li għajtu għall-ħelsien tal-Palestina?” tenna dan li tant iċċelebra bil-massakru tal-Lebanon f’idejn Iżrael. 

Is-silenzju — jew in-nuqqas tiegħu — ta’ Ian Borg fir-rigward ta’ Trump, filwaqt li Roberta Metsola żżur il-Palestina, post fejn esprimiet solidarjetà ma’ dawk li mmassakrawhom mingħajr ma rrikonoxxiet l-għeruq tal-kunflitt, jikxef il-boxxla morali, kemm ta’ pajjiżna, kif ukoll tal-klassi politika tat-Tramuntana Dinjija. Il-maskra tal-“valuri demokratiċi” waqgħet. L-idea ta’ “dinja demokratika” mhi xejn ħlief farsa. L-ebda mexxej tat-Tramuntana Globali — kemm jekk ikun Trump, Putin, Biden, Macron, Metsola, von der Leyen, jew il-pupazzi tagħhom madwar l-Afrika ta’ Fuq u lil hinn — m’għandu superjorità morali. L-azzjonijiet tagħhom jitkellmu aqwa mill-kliem vojt tagħhom. Ħares biss lejn id-devastazzjoni li kkawżaw madwar id-dinja. 

Fuq Times Talk din il-ġimgħa, meta mistoqsi dwar il-mossi ta’ Trump fuq il-Palestina, Borg jiskredita d-dibattitu bħala “opinjonijiet.” Meta Mark Laurence Zammit jipprova jsemmilu t-twissijiet serji dwar il-politika Amerikana, Borg jiddefendi ruħu billi jgħid li “Malta għandha l-politika tagħha stess.” Imma fejn kienet din il-politika meta Malta baqgħet siekta quddiem l-appoġġ bla kundizzjoni ta’ Blinken u Biden lil Iżrael? Borg jgħid li l-ħin xieraq għall-istat Palestinjan ikun meta ma jkunx taħt “terroristi.” Imma jinjora l-fatt li r-reżistenza Palestinjana hija riżultat dirett tal-okkupazzjoni sionista. Jibqa’ jiċħad ir-realtà li t-“terrur” huwa sintomu ta’ sistema ta’ oppressjoni. Huwa tassew kundannabbli li dawn għamlu ħruxijiet kbar; imma għaliex ġew fis-seħħ dawn? 

Borg jgħid li Malta tinsab mal-Ukrajna, iżda fl-istess ħin trid taħdem għall-paċi. Imma fuq liema termini? Malta verament qed taħdem għal paċi ġusta, jew qed issegwi d-direzzjoni tan-NATO u l-Punent mingħajr mistoqsijiet? 

Borg jiddikjara li l-preżenza tiegħu fl-inawgurazzjoni ta’ Trump kienet għax “Malta ġiet mistiedna.” Imma l-fatt hu li huwa kien mistieden personalment. Kif jista’ jgħid li “attendenza mhix approvazzjoni,” meta hu stess juri kburija b’dan? Kieku jattendi l-inawgurazzjoni ta’ Putin bl-istess entużjażmu? 

Fl-istess intervista, meta Mark Laurence Zammit jimplika li d-dinja hija mmexxija mill-Istati Uniti, Borg jittanta jxejjen l-argument. Imma jinsa dan li s-sistema imperjalista hija f’idejn it-Tramuntana Dinjija, bl-Ewropa, l-Istati Uniti u l-alleati tagħhom jiddettaw l-ekonomija u l-politika globali. 

Il-President tal-Parlament Ewropew, l-Onorevoli Roberta Metsola, uriet iktar minn dan; Metsola tiftaħar li l-Ewropa hija mibnija fuq il-“libertà u l-individwalità,” imma dik il-libertà hija għal xi wħud biss. Minnha tfaħħar l-alleanza bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti bħala “l-aktar alleanza ta’ suċċess,” imma x’jgħidu l-pajjiżi tal-Global South li sofrew il-konsegwenzi ta’ din l-alleanza? Ma tiftakarx fl-interventi Amerikani, fl-appoġġ għall-kolonjaliżmu, u fl-isfruttament ekonomiku li għamlu l-Punent sinjur fuq il-ġrieħi ta’ ħaddieħor. Metsola tgħid li l-UE hija “proġett ta’ paċi,” iżda fl-istess nifs ma ssoktatx tara x’qed tagħmel Franza f’Kaledonja l-ġdida u fil-pajjiżi li xi darba kellha aktar kontroll dirett fuqhom fl-Afrika tal-Punent. Ma ssoktatx twaqqaf it-tbaħħir t’armi fil-massakri Palestinjani hekk kif Blinken u Biden bdew jibagħtu l-miljuni f’armi lil Iżrael, preċiż fejn waqaf Borg fil-laqa’ tal-OSCE fejn għoddu waqaf biss milli jaqta’ l-kundanna lil Lavrov sakemm il-fornituri tal-massakri kienu biss pass minnu. Għaliex il-prinċipju ta’ “xejn dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna” ma japplikax ukoll għall-Palestina? 

Metsola bir-raġun tipprietka dwar kontra r-razziżmu. Iżda hi ltaqgħet ma’ raġel li huwa kompliċi fl-imbuttar ta’ migranti vulnerabbli madwar il-Mediterran, il-ħabs, l-eżekuzzjoni u t-trattament tagħhom bħala pedini li jintremew fil-logħba taċ-ċess politiku tiegħu. Xejn għajr president ta’ pajjiż li miegħu ma’ dittaturi oħra ftehemna li nimbottaw lura lil min qed jaħrab is-sintomi tal-imperjaliżmu tat-Tramuntana Globali. Fl-istess nifs, Borg mar jinnegozja ma’ bniedem li ħalla eluf mill-istess grupp ta’ nies jinqlew fin-nirien tad-deżert sabiex jibnu l-palazzi għall-għonja tal-Punent. Tassew, kif qal Borg lill-ġurnalist tat-Times, m’għandniex nitħalltu biss ma’ min jaqbel magħna. Imma fejn taqtagħha l-linja? Il-ħajja tal-bniedem hija biss opinjoni? 

Dik insejħulha t-taqbida għad-demokrazija? 

Demokrazija? Għalihom infushom biss. Il-kaos li naraw illum mhuwiex ir-riżultat ta’ għaxar snin ta’ deċiżjonijiet ħżiena — huwa r-riżultat ta’ sekli ta’ regħba u vjolenza imperjalista. L-Ewropa u l-Istati Uniti ilhom fi tmermir morali minn meta ddikjaraw għall-ewwel darba “qatt aktar,” biss biex jirrepetu l-istess atroċitajiet għal darba oħra u elf warajhom. Mid-demm tal-Palestina sal-ġrieħi ta’ Timor-Leste, l-Amerka t’Isfel, u l-Afrika, id-delitti tagħhom twettqu f’isimna, taħt l-għassa tagħna. 

L-ispinta tar-Russja għall-influwenza ma tagħmilhiex innoċenti, u lanqas id-dominanza tal-Indja fuq il-Pakistan u l-Bangladesh. U l-Awstralja? M’għandha l-ebda bażi morali fuqha, minħabba l-istorja mdemmija tagħha f’Timor-Leste u l-Papwa tal-Punent. L-ipokresija tirrenja suprema. 

Madwar il-Mediterran, mill-Marokk sal-Arabja Sawdija, pupazzi appoġġjati mill-Punent jibqgħu siekta hekk kif il-vittmi tal-imperjaliżmu jiġu mġarrfa taħt is-saqajn. Ir-refuġjati jitħallew jegħrqu jew jintbagħtu f’ċentri ta’ detenzjoni inumani, filwaqt li oħrajn jiġu sfruttati bħala xogħol irħis — kollha f’kollużjoni mal-parti tagħna tad-dinja. Ħares lejn Abdul Rahman Al Milad Bija, Osama Njeem, u r-raffinerija ta’ Zawiya. 

U madankollu, jirrabjaw fuq il-Palestina filwaqt li jinjoraw l-oppressjoni li huma stess jipperpetwaw. 

Sadanittant, in-nazzjonijiet gżejjer, il-komunitajiet Indiġeni u s-soċjetajiet Afrikani jġorru l-piż tal-lussu tal-konsum tagħna — smartphones tagħna, il-karozzi privati tagħna. Imma fejn huma leħinhom? 

Min jitkellem għalihom? 

Hekk tidher id-demokrazija? 

Ħares lejn il-ftehimiet tal-Ewropa mar-Rwanda. Irriċerka x’għamel l-M23 fil-minjieri ta’ Goma fil-Kongo u ma’ min huma konnessi. Ifhem għaliex Franza tkeċċiet min-nazzjonijiet tal-Afrika tal-Punent. Isma’ l-biki li kien ġej mill-Burkina Faso, il-Mali, in-Niġer, iċ-Chad, il-Ghana u s-Senegal qabel ma ssoktaw ikeċċu issa l-Ewropej minn arthom. U anke ta’ dawn ħallsu prezz bil-permess u s-saħħa mogħtija mill-emisferu tagħna. 

Madankollu, aħna nikkundannaw lil dawn in-nies talli ġew lejn artna filwaqt li nkomplu nappoġġjaw lill-ħakkiema li qerdu djarhom. 

F’Malta ċerti rkejjen tismagħhom jgħidu “Malta tal-Maltin.” Sadattant il-popli indiġeni ta’ diveri pajjiżi m’għandom ebda rappreżentanza fil-parlament tagħhom waqt li ngħajtu “DEMOKRAZIJA.” 

Fl-aktar pajjiż li jgħid li huwa demokratiku, mhux talli hekk, talli jitkeċċew minn arthom u minn pajjiżhom. 

Madankollu, inħobbu nippuntaw is-swaba’ lejn ħaddieħor. Aħna nieħdu gost bir-raġġiera ta’ fuq rasna, nipprietkaw il-“qdusija tal-ħajja” filwaqt li nfarrkuha taħt ir-riġlejn biex inżommu d-dominanza tagħna, kemm morali, fittizja, kif ukoll dik finanzjarja. Meta s-soċjetà tagħna tonqos u tqiegħed ruħha fi kriżi, il-konsegwenzi tal-ħtijiet tagħha jbatuhom il-persuni b’diżabilità, l-immigranti, il-persuni LGBTQ+, in-nisa u l-anzjani, il-foqra u kull min hu ddisprat, li jfittxu l-ħarba mill-kruhat imposti fuqhom, u nħalluhom jeqirdu lilhom infushom waqt li aħna ngħollu lil min jgħakkishom. Minn ħalqhom jitlaq ħobżhom l-ewwel sabiex min qiegħed fuq ma jaqa qatt mill-pedestall. 

Imma li aħna “moralment superjuri” tassew irriduha u ngħożżuha. Mhux dik nipprietkaw? “Valuri Ewropej?” “Valuri Amerikani?” 

Il-klassi politika tat-Tramuntana Globali mhix dwar il-libertà jew il-ġustizzja. Huwa dwar il-qawwi li jeħel mal-illużjonijiet tagħhom ta’ superjorità morali filwaqt li jgħaffġu l-bqija tad-dinja taħt saqajhom. Il-mossi kurrenti ta’ Trump, ta’ Putin, u tal-kbarat dinjin, kollha kemm huma bħalissa huma frott ta dawn id-deċiżjonijiet tas-setgħana li wassluna s’hawn. 

Fasslu dinja fis-sura u x-xbieha tal-interessi tagħhom, aħna għenna fil-manutenzjoni tagħha u tħabbibna magħhom, u issa qed inħallsu prezzha. 

Aħna ngħixu f’dinja tant grotteskament inġusta li anke Hitler ikun kburi. 
Din mhijiex newtralità. Din hija sottomissjoni għal dawk li jissoktaw jaħkmu fuq ħaddieħor; li meta ksibna l-indipendenza użajnieha biex nitħabbu aktar ma’ min qed ifarrak milli l-vittmi tat-tifrik. 

Biżżejjed.  

Wasal iż-żmien għal triq ġdida — indipendenza vera, newtralità umanitarja, u solidarjetà globali. Malta trid issir ġenwinament newtrali — mhux il-verżjoni tal-UE tan-newtralità, li tfisser sempliċement li tibqa’ sieket dwar id-delitti tal-Punent għall-interessi tal-imperjaliżmu ta’ wħud, waqt li tħanxar dwar t’oħrajn, iżda newtralità li tippromovi b’mod attiv il-paċi u topponi kull forma ta’ imperjaliżmu. 

Dan ifisser li nfasslu mill-ġdid ir-relazzjonijiet diplomatiċi tagħna biex nirtiraw mill-kompliċità fil-gwerer tal-Punent u tal-Lvant. Ifisser li nibnu sħubijiet ma’ nazzjonijiet li jaħdmu lejn ġustizzja ġenwina — mhux dawk li jagħtu prijorità lill-profitti korporattivi. Irridu niċħdu l-illużjoni li l-Ewropa jew l-Istati Uniti se jsalvawna. It-tama vera tinsab fil-movimenti tal-bażi li jiġġieldu għall-ħelsien u l-ġustizzja ekonomika — mhux fis-sistemi falluti tal-Punent. 

Newtralità mhijiex din kif iriduha; newtralità kif kienet maħsuba hi sabiex wieħed jagħraf l-oppressjoni u jikkundannaha bla biża’ li jitlef ħobżu. 

Ma nistgħux nibqgħu mrażżna mill-kilba għall-profitt fuq livell globali. L-ekonomija tagħna trid taqdi lin-nies, mhux lill-banek u lill-korporazzjonijiet barranin. Dan ifisser it-tisħiħ tar-rabtiet man-Nofsinhar Globali u r-rifjut tal-oqfsa neokolonjali tal-UE. Ifisser li ninvestu fis-sostenibbiltà u r-riżorsi tagħna stess minflok ma nbiddlu lil Malta f’ċentru għall-kuntratti tad-difiża u l-ħasil tal-flus. Is-solidarjetà għandha tkun il-prinċipju ta’ gwida tagħna. 

Ma nistgħux nibqgħu siekta hekk kif il-gwerer qed ikomplu għaddejjin, il-kolonjaliżmu jkompli, u l-isfruttament isir aktar profond. Il-pożizzjoni tagħna trid tkun ċara: appoġġ għall-popli li qed jiġġieldu għal-libertà tagħhom — Palestinjani, Kurdi, Kongoliżi, u oħrajn — filwaqt li nitolbu li l-Gvern Malti jieħu pożizzjoni kontra l-oppressjoni globali minflok ma jippappagalla l-aġendi tal-Punent. Jekk irridu bidla reali, irridu nibnuha aħna stess. Ma nistgħux nistennew l-UE jew is-setgħat ta’ din s-sistema qattiela, kemm jekk ikunu Russi jew Amerikani, biex iwasslu l-ġustizzja. 

Dan jeħtieġ organizzazzjoni tal-bażi biex tinħoloq ekonomija alternattiva u struttura politika ġdida. Ifisser li tagħti s-setgħa lill-movimenti tal-massa biex jikkonfrontaw il-korruzzjoni, l-elite politiċi, u l-kompliċità tan-nazzjon tagħna fi gwerer globali.  

M’għandniex għażla oħra jekk irridu futur differenti. Kemm il-Punent, kif ukoll il-Lvant, urew li qatt mhu se jagħmlu ġustizzja. M’għandna xejn x’nitilfu għajr il-ktajjen li jassruna — mela għala għandna nistennew? 

Iż-żmien li taġixxi huwa issa. Fejn huma dawk li għajtu għall-ħelsien tal-Palestina ... u l-qbija tal-imjassra fid-dinja? 

Hawn arana. Isimgħuna ngħajtu. 

X’inhu li għandu jseħħ? 

More in Politika