.png)
Anton Refalo | X’hemm komuni bejn ġobon ta’ fama dinjija bħalm’hu l-Parmigiano Reggiano, il-Feta u l-Gorgonzola, u l-ġbejna tan-nagħaġ?
'Kienet ix-Xirka Produtturi Nagħaġ u Mogħoż li ħadet l-inizjattiva biex issir l-applikazzjoni meħtiega biex il-ġbejna tan-nagħaġ tkun ikkunsidrata għad-DOP. Ix-Xirka ħadmet id f’id mal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali biex ikun żgurat li l-applikazzjoni tkun waħda ta’ livell għoli u tkun tista’ tgħaddi mill-għarbiel tal-Unjoni Ewropea'

Dawn il-prodotti kollha għandhom id-dritt li fit-tikketta jġibu l-logo ta’ Prodott ta’ Denominazzjoni Oriġini Protetta (DOP). Dan iċ-ċertifikat tagħtih l-Unjoni Ewropea lil dawk il-prodotti agrikoli u tal-ikel li hi tikkunsidra bħala uniċi u li jistħoqqilhom protezzjoni minn kompetizzjoni inġusta.
L-iskema tad-DOP tnediet fl-1992, mhux biss bl-iskop li tipproteġi lil dawn il-prodotti reġjonali, imma wkoll bħala mezz kif l-Unjoni Ewropea tgħin lill-bdiewa jġibu prezz aħjar għall-prodotti tagħhom, tipproteġi lill-konsumatur billi tiżgura li jkun offrut prodott ġenwin u ta’ kwalità, u biex b’mod ġenerali tippromovi l-attività agrikola.
Din il-protezzjoni tingħata fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Imma bis-saħħa ta’ numru ta’ ftehimiet bilaterali li l-Unjoni għandha ma’ pajjiżi mhux membri, din il-protezzjoni hi estiża għal ħafna pajjiżi mxerrda mad-dinja kollha. Dan ir-rikonoxximent li ngħatat il-ġbejna tan-nagħaġ ifisser li huma biss il-ġbejniet ta’ din il-kwalità prodotti f’Malta u Għawdex li jistgħu jissejħu bħala ġbejniet tan-nagħaġ. Dan mistenni joħloq opportunitajiet tajbin għal raħħala li jipproduċu dawn il-ġbejniet, kemm fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll lil hinn minnha.
Qabel ma toħroġ ċertifikat bħal dan, l-Unjoni Ewropea tkun trid tiżgura li l-produzzjoni ta’ prodotti DOP tilħaq l-istandards stabbiliti biex b’hekk ikun hemm serħan il-moħħ fuq il-kwalità li tkun qed tiġi offruta lill-konsumaturi. L-Unjoni titlob ukoll li r-raħħala jirrispettaw it-tradizzjonijiet marbuta mal-produzzjoni tal-ġbejna tan-nagħaġ. L-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet biex prodotti jingħataw id-DOP tieħu s-snin. Ikun hemm diskussjonijiet intensi u kontinwi mal-Kummissjoni Ewropea li fl-aħħar iwasslu biex ikun hemm ftehim fuq l-istandards li jkunu jridu jinżammu fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ dawn il-prodotti.
Il-ġbejna tan-nagħaġ hi l-ewwel prodott agrikolu tal-ikel Malti li ngħata dan l-unur. Din il-kisba prestiġjuża hi fuq kollox ċertifikat sabiħ u rikonoxximent għar-raħħala Maltin u Għawdxin li bil-ħidma tagħhom jissieltu mal-isfidi biex jipproduċu prodotti ta’ kwalità.
It-trobbija tan-nagħaġ hi importanti għal pajjiżna għax huma jimirħu fuq art xagħri li mhux tajjeb għall-ebda tip ta’ biedja oħra. Il-ġbejna tan-nagħaġ hi magħmula biss minn ħalib tan-nagħaġ lokali. Il-proċess jieħu madwar sagħtejn u normalment il-ġbejniet ikunu mibjugħa friski fuq is-suq sa erbgħa u għoxrin siegħa wara. Dan il-ħalib jinġabar minn nagħaġ tar-razza Maltija mħallta ma’ razez ta’ nagħaġ oħra bħalma huma l-Friesan, u li kollha huma rreġistrati fil-gżejjer tagħna. Kull fejn possibbli, in-nagħaġ jingħata għalf ibbażat fuq prodotti lokali, bħalm’huma l-ħarrub u l-pali tal-bajtar tax-xewk.
Fis-suq Malti nsibu tliet tipi ta’ ‘ġbejniet tan-nagħaġ’: friski, nixfin, u tal-bżar. Il-ġbejna friska għandha kulur abjad u l-qalba tagħha hi ratba.
Il-ġbejna normalment titnixxef b’mod naturali, u l-kulur tagħha jiskura u jista’ jvarja minn off-white għal kulur it-tiben. Meta titnixxef u tinħażen, il-ġbejna ma tibqax daqshekk ratba.
Il-produzzjoni tal-ġbejniet tal-bżar isseħħ f’taħlita ta’ ħall u bżar u tieħu madwar erbgħa u għoxrin siegħa. Meta tinbiegħ, din il-ġbejna jkollha kisja ta’ frak tal-bżar mad-dawra kollha tagħha. Iż-żmien ta’ kemm iddum tajba l-ġbejna (shelf-life) jiddependi ħafna fuq it-tip tagħha. Dik friska tibqa’ tajba għal madwar tlett ijiem, dik niexfa għal madwar sitt ġimgħat u dik tal-bżar sa sitt xhur. Fis-suq lokali l-ġbejniet friski jinbiegħu bil-waħda waqt li l-oħrajn jinbiegħu bl-użin.
Il-ġbejna tan-nagħaġ għandha post importanti fil-kċina Maltija. Hi tista’ tittiekel waħidha ma’ biċċa ħobż jew tintuża fit-tħejjija ta’ insalati u ikel misjur. Fost dawn insibu s-soppa tal-armla u t-torti tal-ġbejniet.
Kienet ix-Xirka Produtturi Nagħaġ u Mogħoż li ħadet l-inizjattiva biex issir l-applikazzjoni meħtiega biex il-ġbejna tan-nagħaġ tkun ikkunsidrata għad-DOP. Ix-Xirka ħadmet id f’id mal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali biex ikun żgurat li l-applikazzjoni tkun waħda ta’ livell għoli u tkun tista’ tgħaddi mill-għarbiel tal-Unjoni Ewropea. L-applikazzjoni kellha wkoll is-sapport sħiħ ta’ entitajiet lokali oħra fosthom l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur.
Waqt li kont preżenti għall-Kunsill tal-Ministri fi Brussell, ġejt ippreżentat b’ċertifikat dwar dan l-għarfien storiku għall-biedja ta’ pajjiżna, mill-Kummissarju Ewropew Christophe Hansen. Wara din iċ-ċerimonja, ġiet imtellgħa attività f’Dar Malta sabiex tkun iċċelebrata din l-okkażjoni. Irrid irrodd ħajr lil kull min ta’ sehmu biex intlaħaq dan it-tragward tant prestiġjuż. L-impenn tal-Gvern Malti jibqa’ dak li l-bdiewa Maltin u Għawdxin ikollhom qligħ ekonomiku ġust.
Ta’ min ninnota wkoll li għaddej proċess simili, u fix-xhur li ġejjin għandu jwassal biex il-mazzit ukoll jingħata d-DOP. Bir-riżultat ta’ din il-ħidma dawn il-prodotti ma jibqgħux biss parti mill-identità ta’ Malta, hekk kif jieħdu posthom ma’ prodotti tradizzjonali Ewropej oħra, u jiġbdu l-attenzjoni ta’ konsumaturi mxerrda mad-dinja kollha.
Inizjattivi ta’ din ix-xorta huma essenzjali biex il-biedja f’pajjiżna titpoġġa fuq sisien sostenibbli.