Rebecca Buttigieg | L-istorja li ħadna mill-għalliem bil-basket tal-qawsalla
'Li kieku ma daħħalniex riformi progressivi fil-liġijiet u l-politika tagħna, l-istorja ta’ dan l-għalliem kienet tispiċċa inġustament b’mod differenti

Dil-ġimgħa, rajna u smajna fuq ix-xandir u l-mezzi soċjali, kif edukatur fl-iskola primarja ta’ San Ġwann ġie ttimbrat u ġġudikat sempliċement għaliex juża basket b’kuluri tal-qawsalla, li llum huma assoċjati mal-komunita LGBTIQ+.
Kien irrappurtat kif ġenituri ta’ tifel abbażi tat-twemmin reliġjuż konservattiv, esprimew ir-riżervi tagħhom li binhom jiġi mgħallem minn għalliem gay u kienu lesti joħorġu lil binhom mill-iskola.
Kien ta’ inkoraġġiment li nara l-maġġoranza ta’ dawk li kkontribwew għad-diskussjoni fuq il-mezzi soċjali wrew solidarjetà mal-għalliem u mal-iskola li ddefendiet bla riservi l-integrità tal-professjonist u l-valuri li tħaddan l-iskola lejn id-diversità u l-ugwaljanza.
Il-maġġoranza tan-nies tagħraf u llum tifhem li s-soċjetà hija magħmula minn nies u identitajiet differenti. F’kull karriera u professjoni ssib persuni li ġejjin minn sfond differenti, kemm jekk fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fis-sbuħija, fix-xjenza, kif ukoll fil-kultura, iżda l-identità tagħhom ma tagħmilhomx inqas jew agħar minn persuni oħra.
Għalhekk l-ambjent tal-iskola jista’ jagħmel ħafna ġid fl-iżvilupp sħiħ tal-persuna u huwa kruċjali li l-iskola tkun riflessjoni tas-soċjetà li fiha ngħixu. Din is-solidarjetà, imsejsa fuq il-valuri ta’ ugwaljanza u inklużjoni li pajjiżna jħaddan, timlieni b’tama għall-ġejjieni, l-aktar meta rajt għaqda nazzjonali minn kelliema tal-partiti politiċi ewlenin, kif ukoll minn individwi u organizzazzjonijiet oħrajn li, bħali, ilhom jaħdmu biex ma nħallu lil ħadd fil-komunità LGBTIQ+ mingħajr id-dritt fundamentali li jgħix bl-istess dinjità u drittijiet bħal kull ċittadin ieħor.
Dan il-każ li kellna l-ġimgħa li għaddiet iwassalna biex nirriflettu fuq il-progress li għamilna fl-aħħar snin bħala soċjetà, u fuq kemm għad baqa’ x’nagħmlu biex kulhadd iħossu komdu bil-valuri u l-identità tiegħu.
Li kieku ma daħħalniex riformi progressivi fil-liġijiet u l-politika tagħna, l-istorja ta’ dan l-għalliem kienet tispiċċa inġustament b’mod differenti.
Il-Kostituzzjoni tagħna hija ċara: id-drittijiet fundamentali huma għal kulħadd, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru. Dan il-prinċipju huwa msaħħaħ permezz tal-liġi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li toffri protezzjoni wiesgħa kontra d-diskriminazzjoni, inkluż l-impjieg, l-edukazzjoni, u l-aċċess għal servizzi finanzjarji.
L-iskejjel tagħna għandhom policies ċari favur l-ugwaljanza, u qegħdin jagħmlu ħilithom biex joħolqu ambjent fejn kulħadd iħossu sigur u milqugħ. Dawn l-isforzi, flimkien m’oħrajn, għal dawn l-aħħar disa’ snin, poġġew lil Malta fil-quċċata tal-klassifika bħala l-aqwa pajjiż fl-Ewropa li joffri drittijiet favur l-ugwaljanza għal persuni LGBTIQ+.
Madankollu, irridu nirrikonoxxu li l-attitudnijiet u t-twemmin li jmorru kontra l-progress huma fost l-aktar aspetti diffiċli biex jinbidlu fis-soċjetà. Il-EuroBarometer fuq id-Diskriminazzjoni li ġie ppubblikat f’Diċembru 2023 u r-riżultati tal-FRA LGBTI+ III Survey li ħareġ f’Mejju tal-2024, juru biċ-ċar li d-diskriminazzjoni lejn persuni LGBTIQ+ f’Malta għadha tippersisti b’riżultat ta’ mentalitajiet li jxekklu d-dinjità tal-persuna. Il-problema u d-diffikultajiet huma ferm iktar qawwija għal persuni transgender, kemm jekk fil-post tax-xogħol, fil-familja, fl-isport jew f’aspetti soċjali, għaliex id-diskriminazzjoni u l-preġudizzji huma akbar.
Il-biżgħat li esprimew dawn il-ġenituri dwar l-għalliem f’San Ġwann, għalkemm imsejsa fuq preġudizzju, huma realtà li jħallu impatt negattiv fuq il-ħajja ta’ ħafna persuni LGBTIQ+ f’Malta u bħalhom hemm ħafna każijiet oħra li ma jidhrux u ma jissemmewx.
Għalkemm inftaħna iktar b’mod progressiv u ksibna ħafna f’dawn l-aħħar tnax-il sena, għad fadal ostakli x’negħlbu. M’għandniex għalfejn nispekulaw wisq x’jista’ jiġri, meta qed naraw x’inhu għaddej f’pajjiżi ferm akbar minna, fejn il-folja politika nqalbet u qegħdin ireġġgħu lura liġijiet ta’ protezzjoni għal individwi li jinsabu fil-minoranza. Ma nistax nara kif din il-klima ta’ biża’ tista’ twassal għall-ġid komuni.
Madwar id-dinja, nisa u persuni LGBTIQ+ għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ diskriminazzjoni u vjolenza li jwasslu għall-esklużjoni soċjali u ekonomika tagħhom. Diversi studji juruna li f’pajjiżi mingħajr liġijiet li jħarsu d-drittijiet ċivili u fundamentali, il-persuni LGBTIQ+ spiss ikollhom inqas opportunitajiet edukattivi u ta’ xogħol, u jsibuha iktar diffiċli biex jaċċessaw servizzi essenzjali bħas-saħħa u l-akkomodazzjoni. Dan ifisser li ħafna minnhom jispiċċaw fl-esklużjoni soċjali, fil-faqar u l-vulnerabbiltà. Kif josserva l-Bank Dinji, din l-esklużjoni mhux biss taffettwa l-ħajja tal-individwi LGBTIQ+, iżda wkoll il-komunitajiet sħaħ u l-ekonomiji kollha.
Il-każ tal-għalliem f’San Ġwann, flimkien mar-realtajiet globali li qed iseħħu madwarna, iġegħluna nħarsu ’l quddiem b’determinazzjoni ġdida. Irridu nkomplu naħdmu biex inżidu l-għarfien dwar id-diversità, niġġieldu l-preġudizzju permezz tal-edukazzjoni, u noħolqu soċjetà fejn id-drittijiet ta’ kulħadd huma mħarsa u ċċelebrati.
L-istrateġija nazzjonali tagħna għall-ugwaljanza LGBTIQ+ hija kruċjali f’dan ir-rigward. Permezz ta’ din l-istrateġija, qegħdin naħdmu biex nintegraw l-avvanzi fl-ugwaljanza fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kull persuna, filwaqt li nirrikonoxxu li l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess huma kollha parti integrali mill-ħajja ta’ diversi persuni.
Qegħdin nagħmlu dan billi nindirizzaw l-inugwaljanzi minn aspetti differenti li jolqtu lill-persuni LGBTIQ+, u billi nfittxu l-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi, is-settur privat, u s-soċjetà ċivili.
Nemmen bis-sħiħ li b’impenn kollettiv, nistgħu nibnu soċjetà aktar ġusta u inklussiva fejn kulħadd, inkluż l-għalliema u l-istudenti LGBTIQ+, iħoss li huma aċċettati, rispettati, u vvalutati.