Editorjal | Mela le, ejja nifhmu l-aġenda tagħhom
'Hija ovvja li l-OCCRP ma tinvestigax interessi Amerikani, anzi tagħmel minn kollox biex turi l-ikrah ta’ pajjiżi oħra, u taħdem biex toskurahom b’kull mezz'
Irid ikollok wiċċek u xi mkien ieħor l-istess li tikkundanna l-media indipendenti u b’mod speċjali l-Mediatoday sid din il-gazzetta li hija mixtrija u mhux trasparenti meta inti stess m’intix.
Qed nirreferu għar-rapport investigattiv ta’ grupp ta’ ġurnalisti barranin li ma jibżgħu minn ħadd li kixfu kif l-OCCRP, il-grupp li jiffinanzja l-investigazzjonijiet ġurnalistiċi fosthom f’Malta, hija dipendenti fuq il-Gvern Amerikan.
Kieku hekk biss mela ngħidu: “U iva.” Imma mir-rapporti ppubblikati mill-pjattaforma online mediapart, media indipendenti Franċiża, jidher ċar u mingħajr ebda dubju li l-Gvern Amerikan mhux biss jagħti miljuni lill-OCCRP imma tikkontrolla fuq min u kontra min isiru l-investigazzjonijiet. Jidher ċar li attenzjoni speċjali hija riservata għal Malta u mhux minħabba xi interess partikolari fid-drittijiet tal-bniedem jew is-sewwa, imma minħabba tħassib dwar il-fatt li Malta kien ċentru ta’ evażjoni ta’ taxxa u sa ċertu punt għadu.
Qabel ma xi ħadd jgħidilna li qed nikkundannaw ix-xogħol tad-Daphne Foundation, jew ta’ dawk il-ġurnalisti, inkluż tal-media tagħna, li bbenefikaw minn fondi tal-OCCRP, ejja nagħmluha ċara li l-investigazzjonijiet li wasslu għall-kxif ta’ korruzzjoni u abbuż ta’ poter f’pajjiżna kienu meħtieġa. Imma – u imma kbira – huwa importanti li nifhmu x’hemm wara l-aġenda tal-OCCRP.
Hija ovvja li l-OCCRP ma tinvestigax interessi Amerikani, anzi tagħmel minn kollox biex turi l-ikrah ta’ pajjiżi oħra, u taħdem biex toskurahom b’kull mezz.
Mhux hekk biss – għax kieku hekk biss mela ngħidu nafu l-logħba tal-Amerikani – l-ewwel huma, it-tieni huma u t-tielet huma. Imma hemm skop ieħor li pereżempju jiġu attakkati r-reġimi tat-taxxa ta’ Malta u Ċipru biex fl-aħħar mill-aħħar tibbenefika l-Amerka u l-istrutturi tat-taxxa tagħhom.
L-Amerka llum hija poter kbir, minn dejjem kien. Il-Gvern Malti jagħmel sew li jifhem l-Amerikani u jżomm relazzjonijiet tajba magħhom. Imma xejn ma jbiddel mill-fatt li l-Amerka huwa stat intrinsikament u moralment medjokri u korrott.
Gvern li huwa mibni fuq in-nepotiżmu, fuq politika li tpoġġi l-interessi tal-Amerka l-ewwel u mhux tad-drittijiet tal-bniedem. Potenza mondjali li trid tmexxi l-aġenda tagħha anke jekk ifisser li tkisser pajjiżi oħra jew komunitajiet oħra.
Matul dawn l-aħħar snin kien hemm attentat kordinat biex il-media Maltija tiġi imminata. Din inpartikolari minn psewdoġurnalisti jew pjattaformi online li huma parzjalment dipendenti fuq fondi tal-OCCRP. Jattakkaw fuq kollox imma b’mod speċfiku li din il-media li taqraw hija dipendenti fuq ir-riklamar tal-Gvern jew inkella għajnuna tal-Gvern. Jagħmlu FOI (freedom of information) u talbiet biex mingħalihom jikxfu xi atti malinni, meta dawn il-flejjes kollha huma ddokumentati u awditjati. U ssibu s-sostenn tal-ġudikanti li huma kontra l-Mediatoday. Fuq kollox jakkużaw li din il-media hija mixtrija għax tirċievi dawn il-flus. Interessanti l-attakk huwa fuqna l-iktar u mhux fuq il-media l-oħra.
Ir-risposta tagħna hija ċara. Aħna ma ninxtrawx. Aħna se nkomplu ngħiduha kif inhi sakemm ikollna s-saħħa u l-enerġija. U mhux se nkunu paladini ta’ ħadd. Imma bħalma hemm media li jiddependu fuq flus mill-OCCRP ġejjin mill-Gvern Amerikan bil-kundizzjonijiet kollha li wieħed jista’ jimmaġina, aħna wkoll bħala media indipendenti, dipendenti fuq is-sostenn tal-Gvern għax nemmnu li f’sistema demokratika Ewropea l-Istat għandu obbligu li jsostni r-raba’ pilastru. Iżda dan kollu ma waqqafniex milli nikkritikaw jew nikxfu aġir ħażin tal-Gvern.
L-ipokrezija grassa u lampanti ta’ min ma jarax dan żgur ma tiqafx hawn. Ir-risposta tagħna hija waħda sempliċi, ħa nkomplu kif għamilna fil-passat.