Josef Pace u Maria Ellul Desira | 'Liġi li mhix infurzata, daqslikieku m’għandekx liġi'
'It-tħassib ta’ Caritas Malta f’dan ir-rigward huwa bbażat fuq snin twal ta’ riċerka li turi l-impatt dirett tal-Kannabis, speċifikament tal-kimika tat-THC fuq il-ġisem'
“Bdejt nuża l-Kannabis ma’ sħabi tal-klikka, kollha kemm aħna konna npejpu flimkien u ngħaddu ljieli sħaħ hekk. Għall-bidu fil-weekend, bdejna anki niltaqgħu matul il-ġimgħa, inpejpu, nieklu, naraw xi film tad-daħq u konna ngħadduha hekk. It-tliet sħabi l-oħra għadhom s’issa jpejpu fil-weekend, imma matul il-ġimgħa ftit li xejn. Imma fil-każ tiegħi differenti ħafna. Meta bdejt magħhom, kont inpejjep daqshom, imma llum ġejt dipendenti fuqha. Illum jekk ma npejjipx niġi anzjuż. Meta nipprova ma npejjipx inħossni se niddispra. L-unika soluzzjoni biex inkampa u nibqa’ għaddej hi jekk inpejjep. Issa ġejt f’punt li ma nistax ngħix mingħajrha u allura naf li jien dipendenti fuq il-ħaxixa. Jekk immur ix-xogħol bla ma nkun pejjipt, se nkun nervuż u noħloq tensjoni mal-kollegi, apparti li ma nkunx iffukat fuq xogħli. Mill-banda l-oħra jekk inpejjep fuq il-post tax-xogħol se nispiċċa nitlef xogħli. Sejjaħli l-imgħallem u ġibidli l-attenzjoni għax ma kontx qed nkun effiċjenti u produttiv f’xogħli kif kont, u kien hemmhekk li kkuntattjajt lil Caritas għax li nitlef dak kollu li bnejt mhix għażla għalija.”
Din hija l-istorja ta’ klijent ta’ Caritas Malta li bħalissa qed jaħdem fuqu nnifsu biex jipprova joħroġ minn din id-dipendenza permezz tal-appoġġ tal-professjonisti ta’ Caritas. Hija l-istorja klassika ta’ Hansel u Gratel, li terġa’ tirrepeti ruħha. Għal bidu kollox jidher sabiħ u tajjeb, sakemm wieħed isib ruħu msakkar u kkunsmat mid-dipendenza nnifisha.
Fl-2021 daħlet fis-seħħ il-liġi dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis. Kull liġi, fin-natura tagħha, għandha l-għan li tikkontrolla abbuż, li ġeneralment ikun diġà fis-seħħ. Caritas Malta, fl-istadju ta’ konsultazzjoni ta’ din il-liġi, flimkien ma’ 22 għaqda oħra, tat l-opinjoni tagħha dwar kif għandha tiġi mfassla l-liġi u pprevediet konsegwenzi li llum qed nesperjenzawhom.
L-ewwel nett, il-liġi qed twassal għan-normalizzazzjoni tal-użu tal-Kannabis. Ladarba din il-liġi daħlet fis-seħħ, fis-soċjetà beda jinftiehem messaġġ skorrett li l-użu tal-kannabis mhux ta’ detriment. Diversità sħiħa ta’ professjonisti jixhdu biċ-ċar li l-kannabis, meta twassal għal dipendenza, għandha impatt dirett fuq is-saħħa fiżika, mentali, fuq ir-relazzjonijiet, il-karriera u l-ħajja soċjali. Minkejja li l-liġi hija ċara, li l-assoċjazzjonijiet tal-Kannabis ma jistgħu jagħmlu ebda reklamar, il-liġi ma tgħoddx għal negozji li jbigħu prodotti b’livell ta’ THC inqas minn 0.2%. B’hekk stampi u reklami tal-Kannabis xorta waħda qed isibu posthom fl-ispazji pubbliċi, li jibagħtu messaġġi li jkomplu jwasslu għan-normalizzazzjoni tal-użu tal-Kannabis.
It-tħassib ta’ Caritas Malta f’dan ir-rigward huwa bbażat fuq snin twal ta’ riċerka li turi l-impatt dirett tal-Kannabis, speċifikament tal-kimika tat-THC fuq il-ġisem. Il-moħħ tal-bniedem jibqa’ jiżviluppa tal-inqas sal-età ta’ 25 sena. Matul dan il-proċess ta’ żvilupp, ikunu qed jiżviluppaw diversi sistemi newroloġiċi (Arain et al, 2013), għalhekk l-użu qabel din l-età jista’ jkun aktar u aktar ta’ detriment fuq l-iżvilupp tal-persuna.
L-użu regolari tal-kannabis jista’ jwassal għal dipendenza fuq id-droga; wieħed minn kull għaxra fost dawk li qatt użaw il-Kannabis; wieħed minn kull sitta fost l-adolexxenti; u wieħed minn kull tlieta fost dawk li jużaw il-Kannabis kuljum, għandhom aktar ċans li jiżviluppaw dipendenza fuq il-Kannabis (Swift et al, 2008).
Intant, l-użu regolari, u d-dipendenza fuq il-Kannabis jistgħu potenzjalment jikkawżaw effetti fit-tul fuq il-bniedem, bħal ansjetà, dipressjoni, paranoja, nuqqas ta’ motivazzjoni u konċentrazzjoni, bidliet fil-personalità u fil-burdata, ħin ta’ reazzjoni aktar bil-mod, u nuqqas ta’ memorja, fost l-oħrajn. Matul l-aħħar 20 sena r-riċerka għarfitna wkoll li individwi li huma ġenetikament suxxettibbli għall-psikożi jew skizofrenija, jistgħu jikkawżaw l-iżvilupp bikri tal-kundizzjoni meta jużaw il-Kannabis (Hall, 2016).
L-impatt tal-Kannabis fuq l-individwu jiddependi ħafna minn erba’ fatturi ewlenin: l-età tal-użu, l-ammont ikkunsmat, it-tul u l-frekwenza, u d-doża ta’ THC (il-kimika psikoattiva li tinsab fil-Kannabis). Li tibda minn età żgħira, u tikkonsma l-Kannabis b’mod regolari, b’livelli għoljin ta’ THC għandu effett aktar qawwi fuq l-iżvilupp tal-moħħ, u għalhekk iċ-ċans li jiġu mqanqla wħud mill-konsegwenzi msemmija hawn fuq jiżdied.
Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) “il-Kannabis hija, bil-kbir, l-aktar droga illeċita li hija kkultivata, traffikata u abbużata”. F’dan il-kuntest, Caritas Malta tirrikonoxxi diversi anomaliji fl-applikazzjoni tal-liġi tal-2021 fir-realtà. Fosthom, in-nuqqas ta’ infurzar tat-tipjip tal-Kannabis fil-pubbliku, u t-tipjip tal-Kannabis fi spazji privati fil-preżenza ta’ minuri, huma żewġ elementi tal-liġi li joħroġ biċ-ċar li mhux qed jiġu infurzati jew fejn l-infurzar hu dgħajjef. Filwaqt li l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, qed tagħmel kull sforz sa fejn tippermetilha l-liġi, biex tikkontrolla l-assoċjazzjonijiet fl-operat tagħhom, mill-banda l-oħra jidher li hemm ftit li xejn kontroll fuq l-użu u t-tkabbir tal-Kannabis barra minn dawn l-assoċjazzjonijiet. “Liġi li mhix infurzata, daqslikieku m’għandekx liġi”, jgħid klijent ta’ Caritas Malta.
Għaldaqstant Caritas Malta tipproponi infurzar strateġiku tal-liġi; aktar għarfien dwar il-liġi u l-effetti tal-Kannabis fuq il-bniedem, kemm mal-pubbliku u anki mal-forzi tal-ordni; u aktar inċentivi għal spazji alternattivi għaż-żgħażagħ. Tipproponi wkoll li jibdew diskussjonijiet biex togħla l-età tal-konsum skont il-liġi għal 25 sena minflok 18-il sena, kif ukoll il-kontroll tar-reklamar ta’ prodotti tal-Kannabis b’livell ta’ THC li hu inqas minn 0.2%. Fl-aħħar nett Caritas Malta, fiċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom, tħoss il-bżonn li jibdew diskussjonijiet biex il-pjanti fid-djar jiġu rreġistrati, u min għandu t-tfal ma jkunx jista’ jżomm pjanti d-dar, jew tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-konsum tal-Kannabis isir biss fil-binjiet tal-assoċjazzjonijiet irregolati mill-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis. Dan se jsir bl-għan li jkun hemm aktar kontroll strateġiku kontra kull abbuż, kif ukoll l-inkonvenjenzi kollha li qed jinħolqu għall-ġirien meta r-riħa u d-duħħan mit-tipjip isib ruħu fid-djar u l-appartamenti tal-ġirien.
Josef Pace: Services Coordinator u Chair Advocacy Team, u Maria Ellul Desira: Research and Data Analyst fi ħdan Caritas