Jonathan Attard | Investiment f’Ġustizzja aktar effettiva u standards ogħla fuq il-postijiet tax-xogħol u l-kostruzzjoni
'Il-Baġit li għadu kif kien ippreżentat, mhux biss qiegħed jirriafferma l-impenn tal-Gvern li jkompli jwettaq riformi sinifikanti fis-Settur tal-Ġustizzja, imma wkoll li dawn ikunu implimentati b’mod effettiv'
Il-Baġit li għadu kif kien ippreżentat, mhux biss qiegħed jirriafferma l-impenn tal-Gvern li jkompli jwettaq riformi sinifikanti fis-Settur tal-Ġustizzja, imma wkoll li dawn ikunu implimentati b’mod effettiv. Bl-allokazzjoni finanzjarja li ngħatat lill-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, se tkompli tittejjeb il-kwalità, l-integrità, l-effiċjenza, u l-aċċessibbiltà tas-sistema ġudizzjarja. B’hekk inkomplu nkattru soċjetà aktar ġusta u ekwa għal kulħadd.
Riforma kruċjali u fl-istess waqt mill-aktar sensittiva din is-sena hija r-riforma fil-Qorti tal-Familja. Waqqafna grupp ta’ ħidma ddedikat biex janalizza l-ħtiġijiet f’dan is-settur. Il-grupp żviluppa rakkomandazzjonijiet komprensivi, li issa huma miftuħin għall-konsultazzjoni pubblika, inklużi aġġornamenti leġiżlattivi, proċedura aktar effiċjenti, u servizzi ġodda ta’ appoġġ mfasslin biex itaffu l-piżijiet li jaffaċċjaw il-familji involuti fil-proċeduri f’din il-qorti. Billi nsaħħu l-medjazzjoni f’każijiet ta’ dan it-tip, qed naraw li noħolqu sistema ta’ ġustizzja aktar effettiva, imma wkoll kompassjonali.
It-trasformazzjoni diġitali tibqa’ pilastru ewlieni tal-isforzi riformattivi tagħna. Din is-sena, nedejna diversi inizjattivi diġitali biex inħaffu l-proċessi u ntejbu l-aċċess għall-informazzjoni fost il-korpi ġudizzjarji. Żvilupp sinifikanti kien il-pubblikazzjoni ta’ offerta ta’ €10 miljun għat-twaqqif ta’ sistema ġdida ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati. Din is-sistema se ssaħħaħ l-immaniġġjar u l-intraċċar tal-każijiet, u b’hekk tagħmel is-sistema tal-ġustizzja tagħna aktar effiċjenti. Barra minn hekk, l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali implimentat b’suċċess is-sistema tagħha tal-immaniġġjar tal-każijiet, b’avvanzi simili ppjanati għall-uffiċċji tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat.
Nemmen li l-esperjenza u l-impenn ta’ dawk li jaħdmu fis-setturi tal-ġustizzja u l-kostruzzjoni tibqa’ kruċjali biex inkomplu niksbu aktar riżultati pożittivi. Din is-sena għalqna diversi ftehimiet kollettivi u qegħdin nirreklutaw professjonisti addizzjonali fl-entitajiet li jiffurmaw parti mill-portafoll ta’ dan il-Ministeru. Iż-żieda fir-riżorsa umana fl-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati, inklużi Prokuraturi tal-Qorti u Assistenti Ġudizzjarji, tirrifletti l-investiment bla preċedent tagħna f’dan il-qasam.
Aħna wkoll impenjati li nsaħħu l-ġudikatura. Il-ħatriet addizzjonali li saru din is-sena raw it-total ta’ mħallfin u maġistrati jitla’ għal 57 – l-akbar ammont fl-istorja ta’ Malta. L-ispeċjalizzazzjoni kienet fattur ewlieni, b’ħatriet ġodda għas-Sezzjoni tal-Inkjesti Maġisterjali u l-istabbiliment ta’ Qorti Kummerċjali speċjalizzata, bl-iskop li l-pass li jmiss ikun il-preżentazzjoni ta’ abbozzi ta’ liġijiet biex jemendaw il-liġijiet relattivi. Barra minn hekk, żidna l-baġit għall-iżvilupp professjonali tal-ġudikatura b’40%, u b’hekk saħħaħna l-impenn tagħna għal titjib kontinwu.
It-titjib fl-infrastruttura beda wkoll, liema ħidma se tkompli għaddejja fiż-żmien li ġej. L-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati tejbet il-faċilitajiet tal-qorti billi żiedet Awla ġdida adekwata għall-ġurijiet, u l-pjanijiet għall-bini ta’ qorti kriminali ġdid jinsabu fi stadji avvanzati. Din il-faċilità se tospita servizzi moderni li jinkludu awli ġodda għall-kriminal u uffiċċji addizzjonali, filwaqt li binja separata se takkomoda l-Qorti Kummerċjali l-ġdida.
Fis-settur tal-kostruzzjoni, komplejna nwettqu l-impenn tagħna rifless fil-manifest elettorali, waqt li ħadna azzjoni wkoll fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta ta’ Jean Paul Sofia. Implimentajna bidliet leġiżlattivi li jirregolaw lill-bennejja u l-kuntratturi, filwaqt li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) kabbru l-kapaċitajiet tagħhom b’aktar ħaddiema u investiment fis-sistemi tad-diġitalizzazzjoni.
Biex nappoġġjaw lit-terzi persuni affettwati minn attivitajiet ta’ kostruzzjoni, nedejna helpline ġdid erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, li jipprovdi sistema ċentralizzata ta’ rappurtaġġ, kemm dwar il-kostruzzjoni, kif ukoll dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-xogħol. Wieħed jista’ jċempel fuq 138 biex jaqbad ma’ din il-linja. Dan is-servizz b’xejn jgħaqqad lil terzi persuni affettwati ma’ avukati u periti, u jiżgura li din l-għajnuna professjonali tkun disponibbli.
L-impenn tagħna għas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ġie msaħħaħ bl-approvazzjoni tal-Att il-ġdid dwar is-Saħħa u s-Sigurtà b’mod unanimu fil-Parlament. Se jinħoloq reġistru uffiċjali ta’ esperti tas-saħħa u s-sigurtà li għandu jgħin biex jinżamm livell għoli ta’ standards f’diversi industriji, filwaqt li ċentru ġdid tal-OHSA f’Għawdex se jipprovdi servizzi ta’ appoġġ immirat għall-ħaddiema u min iħaddem.
Impenjati wkoll li nkomplu naħdmu lejn żvilupp sostenibbli. B’allokazzjoni ta’ €3 miljun għall-BCA, inizjattivi bħal ‘Irrinova Darek’ se jippermettu lill-familji jaddattaw djarhom b’alternattivi ta’ enerġija sostenibbli, u b’hekk jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-klima ta’ Malta.
Il-Budget 2025, se jkun qiegħed jippermetti lill-Ministeru tal-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni biex ikompli jimplimenta aktar riformi f’dawn is-setturi u jikkumplimentahom bl-investiment neċessarju, biex mhux biss ikun assigurat li nirrispondu għal ħtiġijiet u l-bżonnijiet tal-lum, imma wkoll tal-ġenerazzjonijiet futuri.