Editorjal | Il-krudeltà tal-Istat ta’ Iżrael
'Il-ħakma tal-politika Iżraeljana ma tistax tibqa’ fil-Lvant nofsani għal dejjem. Xi darba s-sewwa jrid jirbaħ żgur'
Wara l-qtil tal-mexxej tal-Hezbollah nistennew li l-affarijiet jiggravaw. L-istraġi fil-Lvant Nofsani frott il-politika Amerikana li mhux biss tipproteġi lil Iżrael imma ssostni s-supremazija militari tal-Istat ta’ Iżrael. U ejja nkunu ċari ... mhux biss hija l-politika tad-Demokratiċi jew tar-Repubblikani imma dik tal-lobby Lhudija fl-Amerka li għandha influwenza esaġerata fuq il-politika u l-politiċi Amerikani.
Ejja nkunu aktar ċari, dak li se ngħidu mhux imnebbaħ minn xi ispirazzjoni antisemita. Din il-gazzetta m’għandhiex għalfejn tħawwad il-ġenoċidji ta’ dawk li kellhom nisel Lhudi fl-aħħar gwerra dinjija biex tgħolli ftit il-leħen biex titkellem dwar il-ħniżrijiet faxxisti tal-Istat ta’ Iżrael bl-għajnuna tal-Istat Amerikan.
L-argument li għax aħna nikkundannaw il-qtil ta’ eluf ta’ nies innoċenti u t-tifrik tal-infrastruttura ta’ bliet sħaħ aħna antisemtiċi, mela vera tlifna kull sens ta’ proporzjon. Huwa metodu kif tnaqqas mis-saħħa tal-kritika ta’ din il-gwerra kiefra.
L-istat ta’ Iżrael illum jemmen li għandu alla għalih. Li jfisser li jagħmel li jrid u kif irid u jiġi jaqa’ u jqum mis-saltna tad-dritt. Id-drittijiet fundamentali tan-nies mhux importanti u l-ħajja tan-nies li mhumiex Lhud mhux ikkalkulat.
Għalxejn nimmaġinaw xi bidla fil-mod kif jaġixxi l-Istat ta’ Iżrael għax sakemm l-Amerikani jibqgħu wara l-Lhud mhu se jinbidel xejn. L-Amerikani huma skjavi tal-lobby Lhudija fl-Amerka stess u b’xejn mhu se jbiddlu l-fehma tagħhom.
Imma fil-każ tal-Ewropa, hawnhekk għandna ċans inbiddlu l-affarijiet. Huwa hawnhekk li rridu nippruvaw ninfluwenzaw il-parlamentari tagħna u nippruvaw nikkonvinċuhom li l-ħajja tal-Għarab u tal-Insara Palestinjani u dawk Lebaniżi u Għarab oħra tiswa daqs il-ħajja tal-Lhud. U li vera aħna insinifikanti meta tpoġġina fl-arena internazzjonali imma kull qatra tgħodd u aħna fortunati li l-President tal-Parlament Ewropew hija Maltija.
Irridu nagħmlu milli nistgħu biex nikkonvinċu ħalli jkun hemm għarfien ta’ riga waħda għal kull abbuż minn fejn hi ġejja u kontra kull min isofriha.
Wisq nibżgħu li l-magna tal-Istat ta’ Iżrael diġà deffset rasha u mhux biss ħakmet l-indipendenza ta’ ħafna politiċi Ewropej imma ġġegħelhom ibigħu ruħhom lix-xitan.
Il-ħakma tal-politika Iżraeljana ma tistax tibqa’ fil-Lvant nofsani għal dejjem. Xi darba s-sewwa jrid jirbaħ żgur.