Edwin Vassallo | Malta fl-Ewropa teħtieġ tagħraf l-għeruq tal-kristjaneżmu
‘L-identità tal-Ewropa hija mhedda bil-liġijiet tal-istess Unjoni Ewropea li qed jippromovu l-qerda tal-familja’
Jekk l-Ewropa twarrab u tinsa l-għeruq u l-identità Kristjana tagħha tkun qed tiċħad il-passat, tkun qed tippreġudika l-preżent u tkun qed teqred dak li jista’ jkun il-ġejjieni tal-Ewropa.
Nikteb Ewropa u mhux nikteb UE għaliex l-Ewropa mhix l-UE.
L-Ewropa hija l-kontinent ta’ pajjiżi ġirien li jagħmlu l-kontinent Ewropew dak li hu. L-UE huwa l-gvern burokratiku b’awtorità governattiva imposta u mhux elett min-nies tal-Ewropa.
Huwa gvern burokratiku fejn l-Ewropej jivvotaw għad-deputati tal-UE iżda kif jiġri fil-ħatriet ta’ poter fl-UE, wara li ssir l-elezzjoni għall-MEPs hija logħba oħra ta’ ħatriet miftiehma bejn il-partiti li ħafna drabi dak li jkun miftiehem ikun biss rifless f’dak li jkun ta’ interess għall-partiti politiċi fi ħdan l-UE u mhux xi jkun ta’ interess għan-nies tal-Ewropa.
Għalhekk għall-fini ta’ dan l-artiklu, qiegħed nikteb dwar l-għeruq tal-identità tal-Ewropa bħala pajjiżi li għandhom sfida jibqgħu jkunu jafu min huma u fejn sejrin minn hawn. Pajjiż li jinsa l-istorja – il-passat tiegħu – pajjiż li ma jafx min hu fil-preżent, ftit li xejn għandu tama jkun jaf x’direzzjoni jrid li joffri lill-ġejjieni tiegħu. Il-kristjaneżmu huwa l-għeruq komuni kważi tal-pajjiżi kollha tal-Ewropa.
Il-kristjaneżmu joffri identità kulturali u reliġjuża lill-Ewropa, ħafna aktar mill-akbar universitajiet fl-Ewropa li huma ta’ identità Kristjana. Il-ħsieb li mexxa lill-Ewropa f’dik li hi kultura, xjenza, għerf, tagħlim, żvilupp soċjali kien dak Kristjan.
Malta, bħal ħafna pajjiżi oħra, ma tistax tneżżagħha minn dan il-wirt kulturali u ta’ ħsieb Kristjan.
Illum għandna elementi kulturali u politiċi li qed jagħmlu minn kollox biex jiżnaturaw lill-Ewropa minn dan il-wirt kulturali u spiritwali. Donnu għandna min qiegħed jiddikjara gwerra qaddisa kontra dak li jfisser il-kristjaneżmu. Din il-gwerra tikkonsisti fil-qtil ta’ Alla mill-kuxjenza tal-bniedem u dan iseħħ bir-relattiviżmu morali u soċjetà sekulari li tara li tiddistakka lilha nnifisha mir-raġuni u l-loġika li tittratta l-ħtieġa tal-bniedem li jemmen f’Alla.
Illum min hu kontra l-Kristjaneżmu qed joħloq reliġjon ieħor fejn jgħallem lill-bniedem ikun hu Alla tiegħu nnifsu. Din il-kultura ta’ amoralità fejn il-kristjaneżmu jispiċċa biss parti mill-fdalijiet tal-istorja maqfula fil-mużewijiet tal-istorja.
Pajjiżna għaddej daqstant ieħor minn din il-bidla. Bidla li bħalma qiegħda sseħħ fl-Ewropa qed toħloq kaos soċjali fejn fis-soċjetà umana kollox sar stmat biss kemm jiswa flus u fejn kollox ikun jiswa biss il-flus, u l-bniedem jispiċċa ma jiswa xejn. Fuq quddiem ta’ din il-bidla fl-Ewropa għandna l-Parlament Ewropew u dak kollu li tfisser l-UE li toħlom biss kif jispiċċa l-gvern tal-UE fejn l-ebda gvern Ewropew ma jibqa’ sovran.
Illum l-UE sar għandha direzzjoni waħda, dik li tbiddel l-Ewropa tal-bieraħ u tal-lum għal Ewropa fejn il-bniedem huwa bla valur, huwa biss oġġett f’realtà produttiva. Fejn il-libertà tal-bniedem hija soġġetta biss għal sa fejn tridha tasal il-Green Deal.
Fejn il-familja hija mhedda bl-ideoloġija tal-ġeneru, fejn maż-żmien għad ikollna soċjetà ta’ persuni bisesswali, fejn il-persuna hija dik li trid tkun skont is-sentiment tal-mument. Din ix-xewqa tal-politiċi li qed jippromovu din l-ideoloġija hija li jkollna ġenerazzjoni ġdida li tiddeċiedi l-ġeneru mhux abbażi ta’ sesswalità iżda ta’ sentiment. Din hija l-ideoloġija li tkisser, mhux biss l-identità tal-familja – missier u omm – iżda wkoll l-awtorità u r-rabta tal-ġenituri mal-ulied.
L-identità tal-Ewropa hija mhedda bil-liġijiet tal-istess UE li qed jippromovu l-qerda tal-familja filwaqt li jridu jdaħħlu miljun emigrant li l-konsegwenzi jkunu l-konfront reali bejn l-Ewropej u dawk li se jkunu l-ħakkiema l-ġodda tat-toroq u l-ibliet tal-pajjiżi Ewropej.
Din hija l-Ewropa, mhux l-UE ta’ Konrad Adenauer, Alcide de Gasperi, Robert Schuman u missirijiet l-UE li tliet mexxejja kattoliċi li emmnu jgħixu l-valuri tal-fidi tagħhom fl-azzjoni politika. Infatti l-UE tagħhom kienet proġett politiku li twieled bħala idea kristjana demokratika.
Iżda issa għandna l-UE ta’ Simone Veil kif tkellmet Roberta Metsola f’diskors tagħha hekk kif kienet ivvotata bħala President tal-Parlament Ewropew. Donnu maż-żmien nibdew ninsew minn fejn tlaqna u nibdew noħolqu destinazzjoni oħra.
L-Ewropa jeħtieġ li terġa’ tiffriska l-qofol tal-għeruq soċjali tagħha, il-kristjaneżmu. L-għeruq ta’ ruħ soċjali, ta’ identità ta’ poplu, ta’ raġunar u loġika, ta’ valuri msawra mal-valuri ta’ solidarjetà. Jien nemmen fil-kristjaneżmu li jemmen fil-bniedem.
L-Ewropa b’niesha teħtieġ li terġa’ tiskopri s-sabiħ tal-loġika tal-kristjaneżmu għaliex fuq kollox jekk irridu nsalvaw id-dinjità umana ma nistgħux nifirdu l-fidi Nisranija mill-impenn li jsalva d-dinjità umana.
Huma dawk li jridu jġibu fix-xejn id-dinjità umana li jridu jaqflu fil-ħabs tal-istorja lill-Kristjaneżmu.
Huma n-nies, l-Ewropej, il-Maltin li jridu jsalvaw id-dinjità umana tagħhom ta’ bnedmin li jridu jerġgħu jgħixu mill-ġdid il-qofol ta’ xi jfisser il-kristjaneżmu.
Din hija l-isfida għall-Ewropa u għal pajjiżna. Jew li nkunu bennejja ta’ Ewropa, ta’ Malta li temmen fil-bniedem, fil-familja, u fil-libertà, jew inkunu għodda f’idejn min irid joqtol l-Ewropa u lil Malta billi jġib Ewropa u Malta bla ruħ soċjali fejn jinqered il-valur tal-ħajja, tal-familja, u tal-libertà.
Quddiem din l-isfida u l-kruha tal-kaos soċjali li ġġib magħha, bi sħiħ nemmen li l-Ewropa u pajjiżna jeħtieġ li niskopru u ngħixu l-loġika tal-kristjaneżmu u l-identità li joffrulna.